Il-Brittanja wara l-Brexit: It-tamiet imkissra taż-żgħażagħ li jħobbu l-Ewropa

Ir-Renju Unit ivvota biex jitlaq mill-UE, deċiżjoni b’maġġoranza żgħira li ħalliet lil ħafna nies Brittaniċi, speċjalment liż-żgħażagħ b’sentimenti ta’ frustrazzjoni u apprensjoni. L-awtriċi tagħna tipprova tiddeskrivi r-reazzjoni tat-48% tal-votanti li xtaqu jibqgħu fl-UE u kif wieħed iħossu issa fi Brittanja ta’ wara l-Brexit.

Il-mument meta smajt l-aħbar, nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju filgħodu, aktarx huwa wieħed li m’iniex se ninsa’. Ma stajtx nemmen dak li kont qed nisma’. Dik kienet ir-reazzjoni immedjata tiegħi għar-riżultat, segwita minn doża qawwija ta’ rabja. Rabja għal kif l-Ewropa u l-bqija tad-dinja issa qed iħarsu lejn ir-Renju Unit bħala d-dixxipli tal-Partit għall-Independenza tar-Renju Unit li jħarsu biss lejhom infushom u li jwarrbu kull ħaġa oħra. Rabja li dawk it-48% li vvutaw biex jibqgħu fl-UE qed jiġu injorati bil-kbir fuq stadju internazzjonali. Rabja li, biex inkun għedt kollox, ma għaddietx tiegħi. Malajr wara ġie s-sens ta’ mistħija, u dak is-sentiment għadu hemm xi ftit jew wisq.

Fuq livell personali, il-jiem minn mindu sar ir-Referendum kienu diffiċli u tal-biża’. Xtaqt b’qalbi kollha li r-Renju Unit jibqa’ fl-UE. Ridtu jpoġġi mal-mejda tal-kbar u jibqa’ jikkontribwixxi għal sistema ta’ kooperazzjoni internazzjonali kostruttiva u li taħdem, li jien nammira. Bla ironija ta’ xejn, nista’ nidentifika ruħi bħala persuna li tħobb l-Ewropa peress li, bħala adulta żagħżugħa, għext fi Franza u fil-Ġermanja meta kont qed nistudja l-lingwi, il-letteratura u l-politiki tagħhom. L-Ewropa taffaxxinani u tispirani, u l-kulturi tagħhom saru qishom it-tieni dar għalija – joffruli wens, imma eċċitament ukoll. Qatt ma kont nara lili nnifsi bħala inkumpatibbli mal-politika Brittanika jew l-opinjoni pubblika, imma mir-Referendum ’l hawn, dan il-vot neħħili dak il-ħsieb.

NoNrexit-1

Jekk Meeting Halfway hija l-ispirazzjoni għal dan il-grupp ta’ tradutturi Ewropej, allura jidher li l-Brittanja għażlet il-‘L-Ewwel Jien’ bħala l-ispirazzjoni tagħha. Li l-Brittanja tkun ostili, jew li drabi tħossha superjuri lejn l-Ewropa mhu xejn ġdid: ħu pereżempju, il-leġġenda urbana popolari tal-aħbar prinċipali ta’ gazzetta Ingliża mill-bidu tas-seklu 20: ‘Ċpar fil-Kanal, il-Kontinent maqtugħ għalih.’ Kont ħsibt li dan il-fenomenu kien twarrab fil-ġnubijiet tal-ħajja Brittanika peress li kien jitqajjem f’ċajt u fi stejjer, imma mhux meħud bis-serjetà. Madanakollu, hekk kif ninsab ġenwinament sorpriża bir-riżultat tal-vot tal-24 ta’ Ġunju, forsi jiena ninsab ħatja ta’ injoranza li ġġiegħlek tistħi, li ma kontx konxja ta’ kemm nies oħra li jgħixu fir-Renju Unit iħarsu b’mod tant differenti lejn l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha.

Sħabi u l-kollegi Ewropej tiegħi kienu sinċerament imħawdin bir-riżultat tar-Referendum. Jiena u naqra r-risposti tan-nazzjonijiet Ewropej li sirt nikkunsidra bħala t-tieni familja u kulturi tiegħi, enfasizzali s-sentiment ta’ nuqqas ta’ ħila li wieħed jagħmel xi ħaġa. Nemmen li m’aħniex qed jirnexxielna nwasslulhom il-messaġġ ta’ kemm il-ġenerazzjoni iktar żagħżugħa tar-Renju Unit riedet tibqa’ u tipparteċipa fl-UE. (73% tal-votanti li għandhom bejn it-18 u l-24 sena ddeċidew li jibqgħu fl-UE). Jekk hemm ħaġa waħda oħra li nispera li jieħdu minn dan kollu l-ġirien Ewropej tagħna hi kemm iż-żgħażagħ Brittaniċi kienu favur li nibqgħu fl-UE.

Fil-qalba ta’ dan il-kaos politiku u ekonomiku temporanju kollu, ħarġet esperjenza kollettiva unika fost ħafna nies hawnhekk, speċjalment fost iż-żgħażagħ; u din kważi minkejja l-opinjoni politika tagħhom: dik li qamu u ma għarfux għalkollox il-pajjiż li kienu qed jgħixu fih. Din l-esperjenza ma tillimitax ruħha għall-fenomenu sempliċi ta’ ‘l-għada filgħodu’. Ir-Renju Unit jidher qisu pajjiż differenti milli kien qabel ir-Referendum, ħaġa li, jekk wieħed jammettiha, hija realistikament impossibbli. Dan ir-referendum żvela ċertu karatteristika ta’ pajjiżi li ma kontx naf li teżisti, jew li forsi għadha teżisti. Għad hemm ħafna xi jsir biex jittejbu l-ħajjiet ta’ nies hawnhekk, biex jiġi identifikat id-dispjaċir politiku tagħhom u biex jibdew jiġu involuti fih sabiex jista’ jissolva. Li nirrealizzaw dan huwa forsi, ta’ mill-inqas, xaqq żgħir ta’ dawl fi sħaba diġà qerridija tal-maltemp.

Hemm lista twila ta’ affarijiet oġġezzjonabbli ġodda li rridu niffaċċjaw fix-xena tal-Brittanja ta’ wara r-referendum. Hemm sentiment ta’ frustrazzjoni u nuqqas ta’ setgħa lejn il-format ta’ referendum li l-poplu tar-Renju Unit ma talabx għalih jew anki, kif qed jidher, li ma ħasibx fuqu fit-total tiegħu. Hemm il-fatt li jien tajt l-opinjoni tiegħi u li l-opinjoni tiegħi ma kellhiex siwi. Li għoġobna lil Donald Trump ma niflaħx għaliha. Iktar u iktar li ngħatajna approvazzjoni mingħand persuna bħal Marine Le Pen. Imma dak li huwa importanti fi żmien bħal dan huwa li naħdmu fuq id-deċiżjoni li rebħet b’mod demokratiku u li nimmiraw li nillimitaw il-ħsara li saret b’kawża ta’ din id-deċiżjoni.

Naf li fuq livell personali l-affarijiet mhux se jinbidlu b’mod sinifikanti għalija. Se nibqgħa nivvjaġġa fl-Ewropa, inkun ispirata minnha u nitgħallem minnha u nsibha bi tqila li nimmaġina żmien meta dak mhux se jibqa’ jkun il-każ. Imma l-fatt li l-politika ta’ pajjiżi issa m’għadhiex taqbel mat-twemmin personali tiegħi se jibqa’ jagħtini ġewwa.

Meta pajjiżek għaddej jagħmel xi ħaġa mingħajrek, xi ħaġa li attwalment se taffettwa l-iktar lilek u lil sħabek, issir diffiċli li trażżan sentimenti ta’ skumdità u għadab. Nispera li dan ir-residwu emozzjonali inizjali se jehda sal-punt li nistgħu nkunu kontributuri kostruttivi għar-relazzjoni l-ġdida tal-Brittanja mal-UE. Dawn iż-żminijiet jistgħu jkunu ta’ sfida għall-Brittanja, u għall-Ewropa wkoll sfortunatament, imma l-fatt li l-maġġoranza ta’ sħabi vvutaw bħali jġiegħlni nħoss tama għall-futur fejn nistgħu naħdmu flimkien biex inkunu eqreb tal-Ewropa milli kemm qishom jixtiequna nkunu l-‘Brexiteers’ li dejjem qed jonqsu.

 

Awtriċi

Sarah Robinson (Ingilterra)

Tistudja: Franċiż u Ġermaniż, il-Lingwa u l-Letteratura

Lingwi: Franċiż, Ġermaniż, Ingliż

L-Ewropa hija… kumplessa u ta’ valur kbir.

Illustrazzjonijiet

Luzie Gerb (Ġermanja)

Tistudja: Storja tal-Arti, Fine Arts u l-Istudji Kulturali Kumparattivi

Lingwi: il-Ġermaniż, l-Ingliż, l-Iżvediż, il-Franċiż

L-Ewropa hija… mimlija postijiet maġiċi, nies interessanti u l-istejjer tagħhom.

Websajt: luzie-gerb.jimdo.com

Traduttriċi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Qarrejja tal-provi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php