“Mhux Leica biss għandek bżonn, imma ras u għajn ukoll”.

Fl-1914, Oskar Barnack, impjegat ma’ Leitz, intrapriża tal-ottika li tinstab fil-belt Ġermaniża, Wetzlar, u produttur dilettant u appassjonat tal-films, żviluppa l-ewwel kamera żgħira li ma kinitx taħdem b’espożizzjoni permezz ta’ ħġieġa bħalma kienu kameras oħra dak iż-żmien, imma li kienet tuża l-film fuq romblu. Wara li daħlet fis-suq fl-1924, il-kamera kienet ta’ suċċess mad-dinja kollha u d-daqs żgħir tagħha ppermetta tip totalment differenti ta’ fotografija. Mill-2014, il-wirja “Għajnejn Miftuħin Beraħ!” – 100 Sena ta’ Fotografija Leica” kienet qiegħda tagħti ħarsa lejn il-kultura ta’madwarha u tippreżenta l-aħjar ritratti tas-seklu f’bosta bliet Ewropej.

Prototip tal-Leica minn 1914

Prototip tal-Leica minn 1914 © Leica Camera AG, 2016 / Kunstfoyer

Hans-Michael Koetzle, studjuż tal-istorja tal-fotografija u l-kuratur tal-wirja jibda ż-żjara gwidata fil-‘Kunstfoyer München’ bl-invenzjoni u d-dettalji tekniċi tal-ewwel Leica. Dak iż-żmien, l-inventur Oskar Barnack semmiha ‘Liliput’ peress li d-daqs żgħir tagħha kien il-karatteristika speċjali tagħha. Din kienet ukoll ir-raġuni għas-suċċess għalkollox ġdid tal-kamera u r-revoluzzjoni li kkawżat. ‘F’daqqa waħda stajt tpoġġi l-kamera fil-but tal-ġakketta, stajt iġġorrha miegħek dejjem. Jekk kien hemm ġlieda fit-triq, stajt toħroġha, u f’kemm ilni ngħidlek, kellek ritratt. Li kieku kellek toqgħod tmur id-dar biex iġġib din il-kaxxa kbira, il-mument kien ikun ilu li laħaq għadda,’ jispjega Koetzle.

Minħabba l-għexieren ta’ possibilitajiet kreattivi ġodda, għall-ewwel darba, il-fotografi setgħu jippreżentaw il-viżjoni unika tagħhom tad-dinja. Henri-Cartier Bresson, membru fundatur ta’ Magnum Agency darba qal, ‘Kont għadni kif skoprejt il-Leica. Saret l-estensjoni ta’ għajni u qatt ma nfridt minnha minn meta skoprejtha. Kont inħuf fit-toroq il-ġurnata kollha u kont inħossni eċċitat ħafna u dejjem lest biex niġbed ritratt, determinat li ‘naqbad’ il-ħajja – li nippreżerva l-ħajja fl-att tal-għejxien.’ L-ispontanjetà u l-prossimità mal-avvenimenti – dawk kienu l-aspetti li għamlu lir-ritratti tal-Leica daqshekk uniċi.

Ramón Masats, Bla Titlu, Tomelloso, Spanja 1960 © Ramón Masats, 2016 / Kunstfoyer

Ramón Masats, Bla Titlu, Tomelloso, Spanja 1960
© Ramón Masats, 2016 / Kunstfoyer

Iżda dan it-tip il-ġdid ta’ fotografija, iddemokratizzat mill-bidla teknika, wassal għal dibattitu li għadu għaddej sal-lum. Il-fotografija, meta titqies bħala arti? U jekk kulħadd jista’ jieħu ritratti, kullimkien u f’kull mument, allura kulħadd huwa artist? Koetzle jikkonkludi li: ‘Mhux Leica biss għandek bżonn, imma ras u għajn ukoll’.

Il-Leica ntużat f’bosta ġeneri għal numru kbir ta’ deċennji. Dan l-ispettru vast li jestendi minn fotografija fit-toroq għal rapportaġġ fuq gwerer u fotografija dwar il-moda qed jintwera wkoll fil-wirja. Fost ir-ritratti hemm bosta kapolavuri li l-maġġoranza tal-viżitaturi ser jagħrfu, pereżempju, ‘The Falling Soldier’ ta’ Ropert Capa li ttieħed waqt il-gwerra ċivili ta’ Spanja, jew ir-ritratt Che Guevara ‘Geruillero Heróico’ ta’ Alberto Korda.

Herbie Yamaguchi: "we are still alive"

Herbie Yamaguchi: “we are still alive” (“Għadna ħajjin”), Ġappun 2011
Tliet ġenerazzjonijiet. Nanna, omm u neputija jerġgħu jiltaqgħu ġo akkomodazzjoni ta’ emerġenza f’Fukushima u jiċċelebraw il-fatt li baqgħu ħajjin, 2011
© Herbie Yamaguchi, 2016 / Kunstfoyer

Iż-żjara hija mimlija bi stejjer tad-daħq dwar il-fotografi, li ħafna minnhom jafhom Koetzle personalment. Jgħidilna dwar id-darba meta Alberto Korda ta kopja tar-ritratt famuż tiegħu Che lill-ħabib tiegħu René Burri, li huwa wkoll fotografu, iffirmat, ‘Għal sieħbi, l-iktar ritratt famuz ta’ Che Guevara.’ Wara, Burri rritorna l-korteżija b’kopja ta’ xogħolu stess, ‘El Che Fumando’, li kien iffirma, ‘Għal sieħbi, l-aħjar ritratt ta’ Che Guevara.’

Imma anki waqt il-wirja biss, Koetzle diġà għadda minn numru kbir ta’ esperjenzi. ‘Rajt familja Ġappuniża: missier, omm, u tliet subien. Kienu qed iħarsu lejn ir-ritratti ta’ Herbie Yamaguchi li ttieħdu wara t-theżżiża tal-art f’Fukushima. Staqsejthom, “Jogħġbukom ir-ritratti?” B’mod kalm, il-missier għamel sinjal b’rasu li iva, u qal, ‘Iva fil-fatt. Jien il-fotografu.” Il-familja kienet ivvjaġġat daqshekk fit-tul sempliċiment biex tara dawn ir-ritratti mdendlin ma’ dan il-ħajt fil-Ġermanja. Kienet tassew xi ħaġa li messitli qalbi.’

Il-wirja turi x-xogħol ta’ fotografi tal-Leica magħrufa internazzjonalment, bħal Alexander Rodtschenko, Henri Cartier-Bresson, Robert Capa, Christer Strömholm, Bruce Davidson, F.C. Gundlach, Fred Herzog, Robert Lebeck, William Eggleston, Will McBride, Paolo Roversi, René Burri, Alberto Korda, Thomas Hoepker, Bruce Gilden, Mark Cohen, Nobuyoshi Araki u ħafna oħrajn. Ser tiġi esibita fil- Kunstfoyer München (f’Munich) sal-5 ta’ Ġunju. Wara, il-wirja ser tkompli l-mawra tagħha fi bliet Ewropej differenti, inkluż f’Madrid u f’Londra. Ġie ppubblikat katalgu estensiv minn Kehrer.

 

 

[crp]

Awtriċi

Anja Meunier (Ġermanja)

Tistudja: Il-matematika u l-ekonomija

Lingwi: Ġermaniż, Ingliż, Spanjol

L-Ewropa għandha… pajjiżi sbieħ, nies interessanti u stil ta’ ħajja eċċellenti. U għandha tibqa’ magħquda.

500px: Anja Meunier

Traduttriċi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php