Tkellimna ma’ Andrey Glushkó, li mar joqgħod fi Spanja biex jgħix fil-“libertà”, il-ħabiba tiegħu Anastasiya Belickaya, il-politikanta u xjentista żagħżugħa Nina Ivanova u l-korrispondent għal El Mundo (gazzetta Spanjola li toħroġ kuljum) f’Moska biex niskopru għala 74% tar-Russi ma jaċċettawx l-omosesswalità soċjalment.
Ir-Russja u Spanja qegħdin f’naħat totalment opposti tal-Ewropa: it-Tramunatana u n-Nofsinhar, il-Lvant u l-Punent. Ir-Russja taqsam fruntiera mal-Asja, u Spanja mal-Afrika. Separazzjoni ġeografika tremenda li ma fixklitx ir-relazzjoni mexxejja bejn dawn iż-żewġ pajjiżi.
Imma, minkejja dawn l-affarijiet komuni bejniethom, bejn dawn iż-żewġ stati wieħed jista’ jsib differenza kbar soċjo-politiċi, li ċ-Ċentru għar-Riċerka ta’ Pew tella’ fil-wiċċ b’mistoqsija sempliċi. “Is-soċjetà għandha taċċetta l-omosesswalità?” 88% tal-Ispanjoli wieġbu “iva”, l-ogħla figura fid-dinja; 74% tar-Russi qalu “le” – l-iktar figura baxxa fid-dinja.
L-informazzjoni li ssuġġerixxa dan l-istudju tikkorrispondi ma’ livell leġislattiv fiż-żewġ pajjiżi. Mill-2005, fi Spanja l-koppji tal-istess sess tħallew jiżżewġu b’termini indaqs u bl-istess drittijiet. Skont rapport tal-BBC fuq id-diskriminazzjoni kontra l-orjentazzjoni sesswali, fir-Russja, unjonijiet tal-istess sess mhumiex leġislati u lanqas ma teżisti xi liġi.
Iktar minn hekk, dal-aħħar għaddiet liġi fir-Russja li tissanzjona dawk li jxerrdu l-idea, fost iż-żgħażagħ, tal-“orjentazzjonijiet sesswali mhux tradizzjonali” jew “l-idea li orjentazzjonijiet sesswali tradizzjonali u dawk mhux tradizzjonali għandhom l-istess post fis-soċjetà”.
Din il-kwotazzjoni ta’ Xavier Colás, korrispondent ta’ El Mundo f’Moska, tispjega kif jinterpreta l-liġi fir-Russja “Minkejja li l-liġi kienet ifformulata bħala għodda li żżomm il-messaġġ tal-“gays” ’il bogħod mit-tfal, fil-prattika, l-omosesswali ma jistgħux jorganizzaw funzjonijiet jew protesti fil-pubbliku u lanqas ma jistgħu jużaw il-midja…”
Lil hinn minn dawn l-istħarriġiet u l-liġijiet, hemm in-nies u l-opinijonijiet tagħhom. F’Meeting Halfway aħna ridna nipproduċu stħarriġ b’faċċati differenti, b’erba’ opinjonijiet fuq dan is-suġġett wieħed. Andrey Glushkó, li telaq mir-Russja minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu; Anastasiya Belickaya, li ma temminx li l-omosesswali huma omosesswali min-natura; il-politikanta u xjentista żagħżugħa Nina Ivanova, li tgħid li l-omossesswali żgħażagħ kollha fir-Russja għandhom jaħbu l-preferenzi sesswali tagħhom għax jistgħu jkunu attakkati mill-gangs; u l-korrispondent ta’ El Mundo f’Moska, Xavier Colás, li qal li teżisti manija fir-Russja li torbot in-nies omosesswali mal-pedofelija li tikkomplika d-dibattitu.
Intervista ma' Andrey Glushkó
Andrey Glushkó twieled 26 sena ilu fi Krasnodar, belt b’miljun abitant fin-Nofsinhar tar-Russja, viċin ta’ Cáucaso. Hu studja l-ekonomija f’Pyatigorsk u qabel li jgħidilna għala ddeċieda li jitlaq minn art twelidu biex jibda jgħix f’Madrid.
Kif kienet ħajtek fir-Russja?
Kont kuntent; kont interessat fl-istorja tar-Russja – il-kultura, il-letteratura, l-arti tagħha. L-aspetti kulturali ta’ pajjiżi jogħġbuni, imma l-ħajja mhijiex tajba ħafna, speċjalment għall-omosesswali. Jekk tkun omosesswali, u trid li jkollok ħajja kwieta u normali u familja fil-futur, qatt ma jista’ jkollok il-libertà, qatt ma jista’ jkollok ħajja kwieta, bażika, bażikament ħajja normali.
Għalfejn tlaqt?
Il-ħaġa hi li fir-Russja kollox jimxi b’pass mgħaġġel u sakemm tagħlaq 22 sena, mistenni li tkun persuna aktar adulta, iktar stabbli u ssettiljata u jekk tasal f’din l-età u ma jkollokx mara u tfal, in-nies iħarsu lejk b’mod stramb. Jien kont diġà lħaqt it-22 u spiċċajt il-lawrja, kelli xogħol u kollox kien sejjer tajjeb sakemm irrealizzajt li ma kien hemm xejn iktar għalija. Ma setax ikolli sieħeb jew familja, iż-żewġ dinjiet tiegħi kienu qegħdin jaħbtu. Ridt niddeċiedi jekk ridtx nibqa’ fil-ħajja “normali” tiegħi jew jekk kellix nitlaq u nerġa’ nibda ħajti mill-bidunett. Iddeċidejt li kien aħjar li nibda mix-xejn…għax diġà ma kelli xejn. Fid-dinja tiegħi fir-Russja, lanqas biss konna nitkellmu fuq l-omosesswalità. Kelli ċirku żgħir ta’ ħbieb omosesswali imma kollox kien sigriet. Għalhekk tlaqt kollox, għedt lill-familja tiegħi li ridt nitlaq u nistudja barra, dik kienet l-unika ħaġa li għedt lill-ġenituri tiegħi. Missieri għadu jaħseb li qiegħed hawn għal raġunijiet kulturali għax il-ġenituri tiegħi ma jafux li jien omosesswali u fil-verità qatt mhu se jkunu jafu. Oħti taf għax għedtilha madwar sena ilu.
U fi Spanja, tħossok komdu?
Iva, kuntent. Spanja nħobbha, hi t-tieni pajjiż tiegħi. Però nsibha ftit diffiċli biex ngħix waħdi, għax l-Ispanjoli huma ftit… ħeq, intom nies miftuħin għal ħaddieħor imma diffiċli ħafna biex tagħmel ħbieb ma’ xi ħadd Spanjol. Kollha jkellmuk u jibdew b’etiketti normali imma mbagħad kulħadd jitlaq. L-Ispanjoli huma soċjevoli sa ċertu punt imma wara mhumiex daqstant. Imma nħossni komdu ħafna fi Spanja; kieku jkolli noqgħod hawn għall-bqija ta’ ħajti, noqgħod. Jien ivvjaġġajt bosta drabi madwar l-Ewropa u dan hu l-pajjiż li jogħġobni l-iktar. Inħossni iktar protett hawn milli kif kont inħossni f’pajjiżi stess.
Taħseb li l-informazzjoni li toħroġ mill-istħarriġ, dawk li jgħidu li l-maġġoranza tar-Russi mhumiex tolleranti fl-omosesswalità affettwatek f’ħajtek ta’ kuljum?
Jien ma rajtx każi ta’ aggressjoni fir-Russja, għax fil-verità l-omosesswalità kienet qisha ma teżistix. Issa qed nitkellmu fuqha iktar bil-gvern ġdid ta’ Putin. Ma nafx għala qegħdin jindirizzaw dan is-suġġett daqshekk, forsi biex iwarrbu l-attenzjoni minn affarijiet oħra li huma aktar serji. L-argument tal-omosesswalità issa qed jitkellmu fuqu kuljum, qegħdin jgħidu li l-omosesswalità hi ħaġa ħażina, u fl-aħħar mill-aħħar in-nies se jibdew jemmnuha. Fil-fatt, meta għaddew il-liġi li tipprojbixxi il-propaganda tal-omosesswalità, missieri ċempilli biex jgħidli kemm għamlitu kuntent. Hemm anki partit politiku li b’mod miftuħ qed imexxu l-propaganda favur li joqtlu n-nies omosesswali fil-Pjazza l-Ħamra. Hemm nies li qed jitilfu ftit il-boxxla…
Fi żmien l-Unjoni Sovjetika, l-omosesswalità kienet titqies bħala marda. Kien hemm xi progress reċentement?
Fil-verità, kienu joħduk il-ħabs. Jien naħseb li l-agħar haġa hi li hemm linja rqiqa li ġiet imċajpra. Hemm liġi li għaddiet dal-aħħar li jisimha “projbizzjoni tal-propaganda omosesswali u tal-pedofelija”. Bħallikieku huma l-istess ħaġa. Il-problema hi li fil-lingwa Russa m’hemmx wisq differenza meta tisma’ l-kliem “imxaqleb” u “pedofelu”, allura għal din ir-raġuni ħafna nies jemmnu li hi normali, li pedofelu u omosesswali huma l-istess.
Din il-liġi li tipprojbixxi l-propaganda tal-omosesswalità kienet approvata minn kważi l-membri kollha tal-parlament. M’hemmx partit li hu tolleranti?
Hemm ċirku ta’ politikanti li huma omosesswali b’mod miftuħ u jiġġieldu għad-drittijiet tagħna. Hu x’inhu dan l-argument kollu hu li r-Russja suppost hi pajjiż demokratiku imma mhijiex. Ir-Russja mhijiex pajjiż demokratiku u qatt ma kienet. Ma tolqotnix bħala pajjiż demokratiku; tolqotni bħala dittatorjat għal darb’oħra jew xi ħaġa simili. Qegħdin immorru lura fiż-żmien.
Id-deċiżjonijiet li tagħmel ir-Russja fuq dan is-suġġett qegħdin jaffettwaw pajjiżi oħra. Pereżempju, fi Spanja, ir-Russja ipprojbixxiet l-adozzjoni ta’ tfal Russi sakemm l-awtoritajiet Spanjoli jistgħu juru li dawn it-tfal ma jkunux adottati minn omosesswali.
Fir-Russja hemm bosta tfal li m’għandhom lil ħadd. Jien kont immur f’kulleġġ li kien jilqa’ wkoll l-orfni u t-tfal abbandunati. Rajt kif ikunu ħajjiethom, dejjem jippruvaw jgħixu. Għalhekk nemmen li dejjem ikun aħjar għal dawn it-tfal li jkollhom omm jew xi ħadd li jista’ jieħu ħsiebhom, u li se jkun hemm għalihom anki matul żminijiet ħżiena. Imma li qed jagħmel il-gvern Russu jimplika li l-omossesswali m’għandhomx jitħallew imorru ħdejn tfal, lanqas ikellmuhom għax huma inkwetati li se jxerrdu xi tip ta’ marda.
Għaliex taħseb li qiegħed jiġri dan fir-Russja?
Primarjament naħseb li dan jiġri minħabba li, f’termini ta’ omosesswalità, ir-reliġjon Ortodossa Russa hi waħda mill-iktar stretti, hi iktar stretta mill-Kattoliċiżmu. It-tieni, naħseb li Stalin għandu parti mit-tort, għax hu ħoloq l-ewwel liġijiet kontra l-omosesswalità, u għad hemm ħafna nies b’din il-mentalità komunista. Fil-verità, hi akkumulazzjoni ta’ affarijiet.
Imma meta nħarsu lejn Spanja, hemm persentaġġ kbir ta’ Kattoliċi li mhumiex kontra l-aċettazzjoni tal-omosesswalità li qiegħda tiżdied…
Imma hawn fi Spanja l-omosesswali ma japprezzawhiex.
Allura ma japprezzawx il-libertà li għandhom?
Le, huma mdorrijin jgħixu ħajja kalma u faċli. Jien stess drajtha wkoll, imma meta sħabi jiġu jżuruni f’Madrid, jibqgħu mgħaġġbin. Tkun miexi u taħseb, vera saret daqshekk estrema? Naħseb xi kultant hemmhekk hi daqsxejn eseġerata wkoll. Għalija, l-iktar ħaġa importanti hi li nkun nista’ ngħix ħajja trankwilla u libera.
Issa, wasalna fi tmiem l-intervista. Il-mistoqsijia finali hi jekk tridx ismek jidher fuq din l-intervista jew tippreferi li tuża psewdonimu?
Poġġi ismi, m’għandi xejn x’naħbi.
Intervista ma' Anastasiya Belickaya
Anastasiya Belickaya toqgħod f’San Pietruburgu u hi ħabiba sew ta’ Andrey Glushkó. Hi ffirmat l-email tagħha lili b’apoloġija, “Jiddispjaċini jekk weġġajt is-sentimenti ta’ ħaddieħor”.
“Jien nemmen fi mħabba omosesswali vera IMMA fil-verità, ma naħsibx li kull omosesswali hu hekk b’mod inerenti, ċerti nies huma influwenzati faċilment minn tendenzi tal-moda, jista’ jkun tkun fażi kreattiva jew anki jkollhom bżonn jippruvaw xi ħaġa ġdida sesswalment. Ngħid għalija, naf ftit minn dawn in-nies imma ma ngħixx l-istess stil ta’ ħajja li jgħixu huma. Min-naħa l-oħra, id-dinja kollha hi eterosesswali b’mod naturali, int, jien, kulħadd. Imma kulħadd għandu l-punti dgħajfa u x-xewqat. Wieħed raġel jista’ jagħżel relazzjoni tradizzjonali, li tkun ġejja mill-imitazzjoni ta’ relazzjonijiet familjari li diġà jeżistu, waqt li oħrajn, u din tista’ tinstema’ reliġjuża, jista’ jkun li ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-kunflitti ġewwiena tagħhom, u għalhekk iduru għall-omosesswalità.
Hu diffiċli ħafna għalija li nikteb lilek, lill-irġiel li joqogħdu fi Spanja, pajjiż b’mentalità u filosofija tal-ħajja totalment differenti, li huma differenti ħafna mir-Russja. L-attitudni tagħna lejn dan is-suġġett tmur lura għall-istorja tagħna, u l-omosesswalità, storikament, mhijiex tip ta’ relazzjoni tipika, u jien naqbel. Ma rridx lit-tfal tiegħi, lil missieri u lil nannti li jaraw omosesswali effemminati fit-toroq li skont in-natura għandhom ikunu simbolu ta’ kuraġġ, kunfidenza u fl-aħħarnett is-sess iktar b’saħħtu.
Dwar il-protesti fil-pubbliku, jien kontra l-wirjiet“pornografiċi”. Jekk il-gays iridu jgħixu ħajjiet normali, għandhom jieqfu jimponu dan is-suġġett fuq ħaddieħor. Jien nifhem kemm hu importanti għall-gays li jipproteġu l-istil ta’ ħajja tagħhom u nifhem kemm hu diffiċli li tibqa’ għaddej meta kuljum int suġġett għall-pressjoni psikoloġika. Għandi ħafna ħbieb omosesswali u ma nkellimhomx fuq l-omosesswalità tagħhom, għax nittrattahom bħall-ħbieb l-oħra tiegħi mingħajr ma niddiskriminahom.”
Intervista ma' Nina Ivanova
Nina Ivanova, li tippreferi tidher taħt psewdonimu, għandha 23 sena u studjat ir-Relazzjonijiet Internazzjonali u Studji Reġjonali, issa toqgħod f’Ekaterimburgo – il-kapitali ta’ Urales. Offriet li tagħtina taqsam magħna l-opinjoni personali tagħha fuq il-liġi li għaddiet kontra l-propaganda dwar ir-relazzjonijiet mhux tradizzjonali lill-minuri.
“Nistħajjel li l-orjentazzjoni sesswali hi parti privata fil-ħajja. Kull persuna, hu jew hi, għandu jkun jista’ jagħżilha. Imma dil-persuna m’għandhiex tisforza oħrajn li jagħżlu l-istess bħalha, jiġifieri l-omosesswalità. Min-naħa l-oħra, l-omosesswali m’għandhomx iħossu l-pressjoni mis-soċjetà minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Fir-Russja n-nies, meta jiġu biex jaċċettaw l-omosesswalità madwarhom, huma ħafna draba konservattivi ħafna. Żgħażagħ gay iridu jaħbu l-preferenzi sesswali tagħhom, inkella jistgħu jkunu attakkati minn gangs jew omofobi aggressivi. Dan jimlieni dieqa..
Naħseb li sħabi għandhom l-istess opinjoni tiegħi. Aħna ngħixu f’belt kbira, nivvjaġġaw ħafna u nifhmu li għandna nkunu tolleranti u nirrispettaw nies oħra, indipendentament mir-reliġjon, età, nazzjonalità jew orjentazzjoni sesswali. Madankollu, meta xi ħadd, omosesswali jew eterosesswali, juri s-sentimenti tiegħu jew juri sinjali ta’ ġibdiet fiżiċi lejn xi ħadd fil-pubbliku inħossni skomda ħafna, għax din għandha tkun parti privata fil-ħajja.
Smajt ukoll nies jgħidu – “Din il-problema li għaddejjin fuqha mhijiex daqshekk serja, in-nies qed jagħtu wisq kas tas-suġġett tal-LGBT. Fir-Russja, hemm problemi soċjali iktar sinifikanti, pereżempju, bosta jridu jistennew ħafna snin għal post fil-kindergardin, eċċ.”
Intervista ma' Xavier Colás, korrispondent ta' El Mundo en Moscú
Xavier Colás hu korrispondent ta’ El Mundo f’Moska; El Mundo hi waħda mill-iktar gazzetti popolari ta’ Spanja. Hu ilu f’din il-pożizzjoni minn Jannar 2012, qabel dan kien jgħix San Pietruburgu bħala student.
Għaliex taħseb li l-omosesswalità mhijiex aċċettata fir-Russja?
Jien naħseb li fir-Russja hemm nuqqas tremend ta’ empatija, is-soċjetà ċivili tagħha hi dgħajfa ħafna, fil-fatt kważi lanqas teżisti. Fi Spanja, tletin sena ilu, ma konniex naċċettaw l-omosesswalità, imma kien hemm ċertu rispett lejn dawk l-affarijiet li ma konniex nifhmu. Maż-żmien, smajna lil din il-komunità u bdejna nħossuna kburin bihom. Fir-Russja hu iktar diffiċli għan-nies li jisimgħu lill-oħrajn minħabba l-inċertezzi tagħhom stess li pproduċiet il-kriżi tal-identità Russa. Fuq dan kollu, hi soċjetà tradizzjonali ħafna f’ċerti affarijiet, mingħajr traċċi ta’ femminiżmu, ambjentaliżmu jew assoċjazziżmu, minkejja li hi pjuttost liberal u miftuħa fuq argumenti bħad-divorżju, is-sess u l-internet. Hawnhekk hawn tendenza li jorbtu l-omosesswalità mal-pedofelija, u nħoss li din tikkomplika d-dibattitu.
Taħseb li din l-intolleranza hi minħabba l-omofobija jew taħseb li hi xi ħaġa iktar kulturali?
Il-gvern juri biċ-ċar oppożizzjoni organizzata kontra l-omosesswali, imma mhux lejn dawk li jżommu r-relazzjonijiet tagħhom moħbija. Il-Kremlin ma jridx li l-omosesswali jilmentaw jew jagħtu intervisti bl-Ingliż lill-istamperiji biex iqajmu l-kwistjoni u fl-aħħar mill-aħħar iħammġu l-mod ta’ kif tidher ir-Russja. Min-naħa l-oħra, ir-Russi huma tradizzjonali u jammettuha. Verament jaħsbu li l-omosesswali għandhom problema u li qegħdin iħammġu s-soċjetà. Ma naħsibx li n-nies jafu x’inhuma jgħidu. Ma jafux għax ma jisimgħux u bosta lanqas biss jitkellmu fuqha. Jibqgħu moħbijin fid-dlam. Il-problema mhijiex li hemm preġudizzji li jibqgħu jeżistu, imma attwalment li m’hemmx wisq nies li jindirizzaw dawn il-preġudizzji. In-nuqqas ta’ fiduċja minn forzi barranin, għax ir-Russja jarawha bħala kontinent magħluq, tagħmilha diffiċli biex tinstab soluzzjoni.
Ġieli attendejt dimostrazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-omosesswali, jew xi protesti li jopponuhom? Kif tiddeskrivi l-atmosfera?
Iva, l-atmosfera hi waħda ta’ tensjoni u jkun hemm xi nies bla raġuni li jmorru biss biex jinsultaw lill-oħrajn. L-iktar ħaġa li wieħed għandu jinnota fuq din il-ġlieda fir-Russja hi li m’hemmx ħafna nies eterosesswali li lesti jiġġieldu għad-drittijiet tal-omosesswali. Xi ħaġa li ħafna ma jafux hi li ħafna minn dawk li jweġġgħu huma fil-fatt kontra l-omosesswali. Il-ġlieda għad-drittijiet tal-omosesswali qed tqanqal l-affarijiet hawn fir-Russja. Meta n-nies jgħajjtu “pedofeli” tmien darbiet wara xulxin madwar il-pjazza, dawk li jipprotestaw jaqsmu l-barriera tal-pulizija waqt li jagħtu bil-ponn, biex jiġu faċċata dawk li jipprotestaw kontra l-omosesswali, u jagħtu daqsxejn daqqiet iktar matul it-triq qabel jerġgħu jiġu fejn kienu. Darba mort protesta tal-omosesswali u ħadd ma ġie, kien hemm biss il-pulizija u jien. Bnadar imlewna tal-propaganda omosesswali huma dehra komuni fil-ġemgħat tal-oppożizzjoni parlamentari; minkejja dan, mexxejja ekstra-parlamentari qed ifallu milli jitfgħu dawl fuq dan l-argument. Qisek qed titkellem mal-ħajt. Issa dawk li jipprotestaw favur id-drittijiet tal-omosesswali huma kollha pprojbiti; il-liġi li tipprojbixxi propaganda taħt l-età favur il-gays hi redikola. Għax fil-verità, hemm tfal taħt l-età kullimkien għalhekk ma tistax tgħix bħala omosesswali pubblikament minħabba l-biża’ li toffendi dawn it-tfal. Ir-Russja għalqet il-bibien tagħha lill-omosesswali.
Taħseb li s-sitwazzjoni tmur għall-aħjar fil-futur?
Mingħajr dubju. L-omosesswali se jirbħu l-ġlieda bħalma għamlu fi Spanja. Se tkun qisna qed ngħixu fl-Istati Uniti fis-sittinijiet meta bdew jaffaċċjaw l-ewwel argumenti tad-drittijiet tal-gays. Diffiċli, imma progressiva kontinwament. Is-soċjetà Russa mhijiex iddettata mill-gvern, in-nies huma lesti li jsofru taħt il-kontroll tal-gvern sabiex fil-futur ikunu ħielsa.
Tara ġenerazzjoni żagħżugħa iktar tolleranti?
Ma naħsibx li huma iktar tolleranti imma bla dubju moħħhom iktar miftuħ u jikkonvinċu ruħhom iktar faċilment. Iż-żgħażagħ lesti jxandru l-opinjonijiet tagħhom iktar, u ma jobdux kull l-iċken idea tal-gvern. Tista’ tara differenza tremenda bejn Moska u San Pietruburgu u l-bqija tar-Russja. F’ċerti postijiet din hi sitwazzjoni kumplessa, għax gangs lokali li jħalluhom ħielsa minkejja l-azzjonijiet tagħhom, jattakkaw ħafna gays. Fil-kapitali, kulħadd jaqsam il-frustrazzjoni, peress li fuq livell personali, l-omosesswali qed jagħmlu dak li jridu fil-privat.
Jien interessat b’mod speċjali fl-opinjonijiet personali tiegħek dwar dak li qiegħed jiġri.
Sena ilu kont qed inkellem żewġ Russi ġo festin u qbadt is-suġġett tad-drittijiet tal-omosesswali. It-tnejn li huma evitaw li jimplikaw lilhom infushom, imma ma setgħux iżommu lura milli jużaw ton dizrispettuż. Baqgħu jgħidu affarijiet bħal, “Le, m’għandi xejn kontrihom, lili m’għamluli xejn, dak hu l-mod ta’ kif inhuma u ma jistgħux jinbidlu, ma rridulhomx ħsara.” Qishom kienu qed jitħassru lill-omosesswali. Ftit xhur wara kien hemm festin ieħor, kollega omosesswali tiegħi kien hemm. Mhuwiex ikrah, lanqas xejn, ġuvni qisu Sud-Amerikan, minn tagħnaħafna li kien jitkellem ir-Russu tajjeb. Meta sab ruħu qalb folla nies, ftakar isem kulħadd u kkumplimenta kull wieħed minnhom. Ġab miegħu s-sieħeb gustuż tiegħu, ġuvni Russu kwiet. Dawn kienu l-istess żewġ ġuvintur li kont tkellimt magħhom qabel. Kulħadd kien imsaħħar bihom, għax kienu aħjar mill-ġuvintur Russi f’ħafna affarijiet. Dawk li kienu l-festin kollha xtaqu li l-kollegi tagħhom kienu bħal tiegħi. Finalment, il-ġimgħa l-oħra kien hemm festin ieħor. Ġrat l-istess ħaġa. Kien hemm koppja ħelwa omosesswali – wieħed Russu u ġuvni Spanjol – it-tnejn għalliema taż-żfin u jħarrġu . Kienu mdawrin bin-nies il-lejl kollu, u fl-aħħar tal-lejl edjaw lil xulxin fuq Facebook u stiednuhom għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ għeluq sninhom. “Kemm huma tal-ġenn!” “X’ġuvintur ħelwin!” Ovvjament dan ma kienx sinjal ta’ pedofelija. Id-dehra tal-omosesswali bħala pedofeli maħmuġin u mġienen se tibqa’ teżisti jekk mhux se jidhru mod ieħor. Imma malli n-nies jibdew jippreżentaw lilhom infushom għal dak li huma, din il-pretensjoni assurda tibda titfarrak, fir-Russja wkoll. U meta l-pretensjoni li turi lill-omosesswali bħala ħela ta’ spazju taqa’, tibda tinkiteb l-istorja. Bħala eterosesswali, qatt ma stajt nifhem għala jsiru ċelebrazzjoni tal-omosesswalità, x’ għandhom biex ikunu kburin? Li tkun omosesswali mhix xi ħaġa li ħaqqha l-proset.. Fir-Russja tgħallimt li għalkemm m’għandhiex mertu, li tkun kburi u jkollok fiduċja fik innifsek hu fundamentali biex tiġġieled id-diskriminazzjoni. F’din il-gwerra omofobika, l-ewwel ħaġa li r-Russja titflef huma n-nisa, bħalma ġara ma’ dawk iż-żewġ ġuvintur. In-nisa dejjem se jkun fuq quddiem għalihom. Għalhekk, malli jitilfu n-nisa, l-omofobi jkunu tilfu l-gwerra.
[crp]
L-Aħħar Kummenti