Minn Texas għal Kharkiv – Ħsibijiet ta’ Amerikan fl-Ukraina

Nile Miller huwa minn Austin, Texas. Hu mar fil-belt ta’ Kharkiv, l-Ukraina f’April li għadda bħala student fuq skambju. Qatt ma seta’ jobsor li kien se jkun xhud ta’ revoluzzjoni sakemm idum f’dan il-pajjiż. Hu jaqsam magħna ta’ MH il-ħsibijiet li ħafna drabi ma ma jirnexxilux jaqsam mal-familjari tiegħu fl-Amerka.

Ir-russi għandhom qawl li jitfa’ raġġ ta’ dawl fuq kull ħaġa tista’ tiġri fil-ħajja ta’ kuljum, kemm kbira u kemm żgħira. Wieħed minn dawn il-qwiel jgħid “Ilsienek ħa jwasslek sa Kiev,” u xahrejn ilu ġejt fi kliem dan il-proverbju meta spiċċajt propju f’nofs Maidan Nezalezhnosti (Pjazzi Indipendenza) ta’ Kiev. Jum qabel, il-President Yanukovich kien ħabbar id-deċiżjoni li ma jkomplix bil-ftehim li seta’ jwassal biex l-Ukraina eventwalment tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, u jien inzertajt fil-kapitali. Fejn stajt nobsor li dawk l-għexieren ta’ dimostranti ffrustrati iżda ottimisti jiżfnu u jkantaw taħt tinda ta’ bnadar tal-UE u tal-Ukraina jperpru fir-riħ u x-xita ta’ Novembru li kont qed nara l-bidu ta’ revoluzzjoni. Kien in-namur tiegħi għal-ivvjaġġar u l-interess li għandi fil-lingwa Russa li ġiegħel lili, student universitarju minn Texas, nikkunsidra l-idea li nagħmel sena nistudja l-Ukraina, imma wara sitt xhur hawn, qed nirrealizza kemm huwa pajjiż uniku, li jwaħħad ir-Russja tal-passat mal-Ewropa tal-futur.

L-Ukraina tal-lum hija taħlita mħawra ta’ żewġ reġjuni distinti storikament, ġeografikament u lingwistikament. In-naħa tal-Punent huwa meqjus iktar ‘Ewropew’, fejn il-lingwa mitkellma hija l-Ukren, bit-toroq dojoq u knejjes kattoliċi. In-naħa tal-Lvant, mill-banda l-oħra, huwa iktar Russu u ħafna iktar industrijalizzat. Jien nistudju f’Kharkiv, it-tieni l-ikbar belt fl-Ukraina, li tinsab ftit minuti vjaġġ bit-trejn ‘il bogħod mill-belt Russa ta’ Belgorod. Kharkiv kienet il-kapitali tar-Repubblika Soċjalista Sovjetika tal-Ukraina sal-1934 – anka llum il-ġurnata, din il-belt għad għandha t-titlu tal-ewwel kapitali Ukrena – u fiż-żminijiet Sovjetiċi, kienet ċentru ferm importanti għal edukazzjoni, kultura u xjenza. Kieku n-naħa tal-Lvant tal-Ukraina kellu jkollu kapitali għalih, Kharkiv ikun jistħoqqilha dan it-titlu. L-ilsien Ukren ma jintużax fil-ħajja ta’ kuljum ta’ hawn. Babushki (nisa anzjani) b’wiċċ iż-żonqor jintlemħu jzekzku fuq kollox fuq il-bankijiet ta’ ġonna bir-Russu. Studenti universitarji fil-kurituri jinstemgħu jitkellmu bir-Russu. In-nies ta’ hawn kollha għandhom ħbieb, familjari jew kuntatti tax-xogħol li joqogħdu r-Russja u hemm ħafna jaqsmu l-fruntieri għar-Russja b’mod regolari.

Infatti, kultant biex neħles, spiċċajt ngħid lil sħabi u lil tal-familja, li l-post li ngħix fih huwa “bażikament parti mir-Russja” minħabba li huwa diffiċli nagħti stampa tal-ħajja fl-Ukraina, pajjiż li, biex inkunu għedna kollox, ħafna Amerikani qas biss jafu fejn jiġi fuq mappa. Ibda biex, l-Ukraina huwa wieħed mill-iktar pajjiżi fqar fl-Ewropa. Minkejja li ħafna Ukreni llum huma f’qagħda aħjar milli kienu fiż-żmien wara l-waqa’ tal-Unjoni Sovjetika, it-toroq kollha ħofor, il-faċċati tal-appartamenti jaqgħu biċċiet u l-liftijiet daqqa jaħdmu u daqqa ma jaħdmux li niltaqa’ magħhom ta’ kuljum juru stampa ċara tas-sitwazzjoni ekonomika preżenti tal-pajjiż. Iżda kull darba li nirfes l-għatba ta’ dar Ukrena nintebaħ kemm dawn in-nies vera japprezza dak li għandhom. Il-preżentabbiltà donnha saret waħda mill-karatteristiċi nazzjonali. Fejn fl-Amerka ta’ skiwit tara żgħażagħ li ma jiddejqux joħorġu liebsin xorts, flok taċ-ċingi u papoċċ tal-ġiri, l-Ukreni jippruvaw jidhru tal-moda kull darba li joħorġu fil-pubbliku. In-nies jilbsu lbiesi u tkaken u l-irġiel jxiddu l-ġins tal-aħħar moda u żraben għal ponta jleqqu. Kemm jekk qegħdin fis-suq tal-prodotti tal-biedja, fuq it-trejn jew miexjin fil-ġonna, l-Ukreni dejjem jidhru qishom lesti għal parada tal-moda. L-Ukreni huma selettivi fil-ħbieb tagħhom daqskemm huma fitti f’ilbieshom; taf issibha diffiċli biex tidħol fiċ-ċirku ta’ ħbieb ta’ xi ħadd Ukren, imma la darba tidħol, ibqa’ żgur li se tibqa’ hemm. Huma għandhom nuqqas ta’ pretensjoni li xi Amerikani jistgħu jinterpretaw bħala friġidità, daħka u tbissima jintużaw biss meta vera hemm bżonnhom. Il-Knisja Ortodossa hija waħda mill-iktar forzi b’saħħithom fis-soċjetà – kważi kull raġel Ukren jilbes kuruna b’salib bi tlett dirgħajn taħt il-qmis; rġiel u nisa ta’ kull età jroddu s-salib u jsellmu kull darba li jgħaddu minn quddiem katidrali bil-koppli tondi fi triqithom lejn l-iskola jew ix-xogħol.

Iżda forsi l-akbar differenza bejn il-kultura Amerikana u dik Ukrena hija l-mentalità kollettivista tal-Ukreni, riżultat ta’ sekli ta’ servitudni, u imbagħad kienet sfurzata taħt il-Komuniżmu tar-reġim Sovjetiku. Mentalità li tagħti prijorità lilll-interestti ‘tagħna’ qabel l-interessi ‘tiegħi’. Minħabba l-ħruxija li l-Ukreni bagħtew fiż-żminijiet Sovjetiċi (l-Ukraina kienet magħrufa l-’breadbasket’ tal-Unjoni Sovjetika; fit-tletinijiet, milljuni ta’ nies nietu bħala riżultat ta’ ġuħ fil-pajjiż, ġenoċidju magħruf bħala l-Holodomor), ħafna Ukreni għandhom tendenzi anti-Sovjetiċi u anti-Russi ħorox. Pero, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, ir-Russifikazzjoni tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-pajjiż ġab il-qasma li naraw fis-soċjetà Ukrena tal-lum.

Din hija r-raġuni il-għala ħafna nies minn dawn l-inħawi għandhom attitudni ta’ apprensjoni, jekk mhux attitudni negattiva għal-aħħar, lejn il-battalja li qegħda sseħħ fit-toroq ta’ Kiev. Huma ma jissimpatizzawx ma’ sħabhom tal-Punent, li jaraw qasma kbira kulturali bejn l-Ukreni u r-Russi u għandhom sens ta’ animosità lejn il-pajjiż u l-lingwa. Waqt it-taqlib politiku ta’ dawn l-aħħar ftit ġimgħat, Kharkiv kienet kwieta għall-aħħar, il-pjazza tagħha (l-ikbar waħda fl-Ukraina, u waħha mill-ikbar fl-Ewropa) kienet vojta kważi kuljum ħlief għal siġra tal-Milied kbira u villaġġ tal-Milied komplut bi dwejriet, rġiel tas-silġ kbar u pupi tal-Matrijoxka daqs bniedem. U anka wara t-tirid ta’ demm li kien hemm wara li ġie approvat pakket ta’ liġijiet kontroversjali li jillimita l-jeddijiet tad-dimostranti tal-Maidan, l-uniku dimostrazzjoni notevoli li kien hemm f’Kharkiv kienet dimostrazzjoni favur ir-reġim ta’ Yanukovich. Minkejja dan, huma importanti li tasal għall-konklużjoni li l-Ukreni tal-Lvant jaraw lilhom infushom bħala inqas Ukreni minn ħuthom li joqogħdu n-naħa l-oħra tax-xmara Dnieper. Bħala barrani, huwa diffiċli li tifhem eżattament il-finezzi tal-kunflitt bejn il-Lvant u l-Punent tal-Ukraina, imma jien ninterpretah b’dan il-mod: in-nies tal-Lvant ma jarawx il-lingwa u l-kultura RUssa bħala affarijiet li jtellfu l-iżvilupp tal-pajjiż, mentri n-nies tal-Punent jixtiequ li kull rabta mall-passat tinqata’, li ma jibqgħux iħarsu lejn ir-Russja bħala ħuhom il-kbir, u li jirfdu passaġġ storiku distintament Ukren.

Dan ifakkarni ftit fil-qasma li tmur lura ġenerazzjonijiet sħaħ bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Amerka li tissepara in-nies tan-naħa t-isfel li jixorbu tè ħelu mill-nies progressivi, dejjem għandhom x’jagħmlu, li jitkellmu jgħaġġlu tat-Tramuntana – tista’ tgħid, żewġ nazzjonijiet, b’ideat drastikament differenti tal-passat, preżent u l-futur, magħqudin (għalkemm kultant, kontra qalbhom) taħt bandiera waħda. Dan il-pajjiż fit-tarf tal-Ewropa diġa għandu post speċjali f’qalbi u nittama sinċerament li n-nies u l-Gvern tiegħu jsib mezz kif joħorġu minn dawn iż-żminijiet ta’ taqlib u jagħtu lill-Ukreni kollha raġuni biex ikunu kburin. Kburin mhux li huma Ewropew jew Russi, iżda kburin li huma Ukreni.

[crp]

Awtur:

Nile Miller

Joqgħod: Kharkiv, l-Ukraina

Minn: Austin, Texas

Traduzzjoni

Laura Cioffi (Malta)

Traduzzjoni

Glynnies Bonnici (Malta)

 

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php