Sejjaħlu Alex, mhux Alexandru

Alex hu wieħed li jirrakkonta l-istejjer li joqgħod fiċ-ċentru ta’ Transilvanja – jew forsi fis-smewwiet! Huwa Rumen? Uffiċjalment, iva, imma…

Min hu Alex?

Alex Glod hu t-tielet kittieb li qatt iltqajt miegħu u hu ħabib ħelu tiegħi. Meta ltqajna l-ewwel darba, ftit xhur ilu, deher għaxar snin ikbar mill-età vera tiegħu, u indirizzani billi qal “Hello, stranġiera”! Hu rakkontatur tal-istejjer, artist, trejner, kittieb; hu jsajjar, hu jaf kif jipprepara għal vjaġġ twil barra fi tletin minuta u hu jnaddaf kamartu perfettament – jew għall-inqas, hekk jgħid. Hu jemmen fl-imħabba, hu jidħak bħal tifel, filgħodu hu jkanta d-diski ta’ Louis Armstrong fil-ġnien pubbliku u jgħajjat biżżejjed biex jisimgħu kulħadd, u meta jitkellem, qisu kien ilu jgħix fuq din il-pjaneta għal iktar minn seklu. Il-biża’ tiegħu jkun li jgħix fi gżira mbiegħda mingħajr nies, għax għandu bżonn in-nies madwaru. Aħna rranġajna intervista fuq it-telefon; nindirizzah billi ngħid “Buna ziua, ce faci?”, u hu jwieġeb “Jien tajjeb, qalbi, kif int! Em, int tkellimt bir-Rumen, jew qed inkellem lil xi ħadd ieħor?”

 

Alex thinking © Alex Glod
© Alex Glod

Imwieled f’Novembru tal-1988, Alex jesprimi “gratitudni kbira lejn l-għażiża ommu talli ġarritu ġo fiha għal disa’ xhur”.  Hu ġej mill-belt żgħira Barlad, fir-Rumanija, imma wara diversi problemi personali li kellu hemm, iddeċieda li jitlaq mill-belt fejn trabba u jmur jaħdem, għall-ewwel fil-kostruzzjoni (“anki jekk meta tħares lejja ma kontx temminha”, jgħid hu), u mbagħad bħala barmen. Wara li rrealizza li ma akkwista xejn barra mill-eżerċizzju fiżiku u li qatta’ daqshekk ħin kważi għalxejn, irritorna f’Barlad, biss telaqha ftit wara għal Sibiu, fejn hemm irreġistra għal-lawrja; Relazzjonijiet Internazzjonali u Studji Ewropej (“Ħanini, għal xi raġuni stramba, ridt insir politikant,”). F’dan iż-żmien, Alex ingħaqad mal-AIESEC; organizzazzjoni internazzjonali mmexxija mil-istudenti, u skopra l-passjoni għat-taħriġ ta’ żvilupp personali, u għall-kultura internazzjonali!

Alex thanks us for the Interview 2 © Alex Glod
©Alex Glod

U l-lingwa li toħroġ minn fommu hi…

Alexandru jitkellem l-Ingliż b’aċċent Brittan, u jekk wieħed joqgħod jinnota, hu anki juża vuċi differenti minn dik “Rumena”, filwaqt li anki l-espressjonijiet ta’ wiċċu jinbidlu. Meta jitkellem bir-Rumen, hu brikkun, b’moħħu mkemmex u b’xufftejh kemm kemm mitbuqa, iżda meta jaqleb għall-Ingliż isir wieħed pulit u sensittiv. Il-kotba tiegħu kienu wkoll oriġinarjament miktuba bl-Ingliż. Għalfejn qed ngħidu l-istorja tiegħu hawn fuq Meeting Halfway? Għax il-kotba ta’ Alex “ġejjin dritt mill-qalb” – proprjament huma jsawru “l-istorja ta’ ħajtu, imżejna bil-psikoloġija u pariri ta’ żvilupp personali, biex jingħaqdu ma’ xogħlu”, imma din hi l-istorja ta’ ħajjet wieħed Rumen miktuba bl-Ingliż.

…Għaliex dan?

Hemm eżempji ta’ kittieba li kitbu b’ilsien differenti minn dak nattiv tagħhom, bħall-awtur Grieg, Vassilis Alexakis, li kiteb bil-Franċiż, imma għamel dan wara li kien ilu jgħix għal bosta snin fi Franza. Minbarra l-perjodi qosra li qatta’ fl-Ewropa jmexxi sessjonijiet ta’ żvilupp personali maż-żgħażagħ, Alex, jgħix f’pajjiżu u m’għandu ebda raġuni ovvja għala sempliċiment ma jiktibx bir-Rumen u wara jittraduċi l-kotba tiegħu, jew li jara li jkunu tradotti.

Alex jgħid li jħossu “assolutament komdu b’din il-lingwa barranija” u li dan l-użu estensiv tal-Ingliż mhuwiex suġġett biex “jippromwovi” l-karriera tiegħu bħala kelliem fil-pubbliku jew bħala wieħed li jħarreġ l-iżvilupp personali fuq livell internazzjonali, jew biex jilħaq konsumaturi barranin. “Jien hu, l-veru Alex, meta nkun qiegħed nitkellem bl-Ingliż; bla ebda dubju l-Ingliż mhuwiex mezz biex ngħatti xi ħaġa li diffiċli nitkellem fuqha bl-ilsien nattiv tiegħi, bħalma hu għal xi nies li jistħu jużaw xi kelma bil-lingwa nattiva tagħhom jew biex pereżempju, jitkellmu fuq xi tabù. Irrid li leħni jinstema’ fid-dinja, mhux għax ikolli iktar nies li jħallsu għall-kotba tiegħi jew għas-servizzi tiegħi bħala life coach, imma għax irrid lin-nies jisimgħu li ngħid.”

Sibiu, the place where Alex lives (Anastasia Karouti)
SIBIU, DER ORT AN DEM ALEX LEBT© Anastasia Karouti

Dan l-użu kontinwu ta’ lingwa barranija kif ibiddel l-opinjoni ta’ xi ħadd?

Ir-rakkontatur tagħna jiddikjara li l-Ingliż jgħinu jifhem aħjar id-dinja, peress li hu lsien universali. Joffrilu “perspettiva usa’ fuq l-affarijiet u hu mgħammar bi kliem li jista’ jikkomunika l-ideat li [hu] jixtieq jitkellem fuqhom, xi ħaġa li r-Rumen, româneşte, ma jirnexxilux jagħmel.” Barra minn dan, Alex jikxef li l-kitba tiegħu bl-Ingliż tagħtih l-opportunità li jindirizza udjenza ikbar u tippermetti lilu, kittieb Rumen, li jsir magħruf barra minn pajjiżu. Mhux għall-profit, mhux biex ibigħ aktar kopji tal-kotba tiegħu, imma pjuttost biex joħloq diskussjoni ma’ iktar nies u biex iħallihom isiru jafuh mill-istejjer personali tiegħu. Hu jargumenta li “hemm bosta kittieba famużi li jitkellmu bl-Ingliż madwar id-dinja, filwaqt li meta nqabbluhom, dawk Rumeni huma grupp żgħir,” għalhekk hu jimmira li jbiddel dan (mhuwiex miġnun biżżejjed biex jikkompeti ma’ Ionesco, imma sa ċertu punt biex ikompli fl-għalqa tiegħu).

Alex iħossu aktar moħħu miftuħ meta jitkellem bl-Ingliż? Onestament, hu jfittex il-kumpanija tal-barranin; jaffaxina ruħu bihom. Wara attakk ta’ għatis, bija nixtieqlu “Noroc!” (“Evviva”), imbagħad nirċievi “Grazzi!” perfetta bħala risposta, Alex jitkellem biex jelabora l-ħsibijiet tiegħu. Hu jitkellem bħala lingwista, għalkemm ma studjax il-Lingwistika.

Alex Paints Peace © Alex Glod
ALEX MALT FRIEDEN ©Alex Glod

Alex il-lingwista

Hu jispjega li “l-kliem jikkomunika xi ħaġa iktar mit-tifsira, perspettiva sħiħa differenti, u sfond kulturali differenti.” Hu jaħseb li jekk wieħed ikollu għarfien profond ta’ lingwa barranija, jista’ jilħaq ftehim ma’ nies oħrajn, permezz ta’ esperjenzi komuni li jaqsmu flimkien b’din il-lingwa. Biex jiċċara kliemu b’eżempju, Alex jgħid li kien hemm diversi serje tal-kartuns fid-disingħijiet, fi tfulitu. Hu kien ammiratur ta’ xi serje minnhom, bħalma kienu ftit minn sħabu l-barranin. Il-fatt li huma “jistgħu jitkellmu fuq xi ħaġa li esperjenzaw darba fit-tielet lingwa hi maġika, peress li tagħti kodiċi komuni u rabta qawwija ta’ li taqsam xi ħaġa simili.” Hekk, Alex jemmen li ħakma tajba tal-lingwa tagħmilna ħielsa, fis-sens li “nistgħu naqsmu bejnietna affarijiet komuni mingħajr ma nkunu limitati mill-pajjiż jew mir-reġjon tagħna”.

X’inhuma l-pjanijiet ta’ Alex għall-futur?

Hu jixtieq li jivvjaġġa lejn il-Filippini, jesplora l-Asja, ikompli bil-programm ta’ studju newrolingwistiku, forsi jitgħallem xi ħaġa ġdida fuq il-lingwa. Forsi mbagħad jirritorna r-Rumanija b’approwċ iktar internazzjonali lejn l-affarijiet, forsi jkun sar saħansitra aktar ‘Brittan’! Hu jammetti li jrid ikompli bl-iżvilupp personali tiegħu, inkluża l-lingwa.

Alex jagħti prova ta’ kemm il-lingwa u t-taħdit huma tal-għaġeb, ta’ kif in-netwerks u n-numru tal-ħsejjes jistgħu jbiddlu lin-nies. Bl-istorja tiegħu viċin ta’ qalbna, ejjew nitkellmu, għax, kif Alex jgħid minn taħt l-ilsien bl-entużjażmu, “bil-lingwa aħna ser niskopru d-dinja.”

[crp]

Awtur

Anastasia Karouti (Il-Greċja)

Tistudja / Taħdem: Lingwa u Letteratura Ingliża , Studju tat-Traduzzjoni / Edukatriċi, Trejner, Traduttriċi, Pittriċi.

Lingwi: Il-Grieg, L-Ingliż, ir-Rumen

L-Ewropa hija… il-bejta tiegħi, il-punt tat-tluq, il-post fejn nista’ nuri l-potenzjal tiegħi; L-Akropoli u d-dawl divin tat-Transilvanja.

Blog: caramelisedfruits.tumblr.com

Traduzzjoni

Glynnies Bonnici (Malta)

Traduzzjoni

Laura Cioffi (Malta)

 

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php