Jiena Ingliża … nista’ nuża l-lingwa tiegħek?

Li jkollok l-Ingliż bħala lsien twelidek ifisser li tista’ tikkomunika mad-dinja barra minn pajjiżek bla ma tagħmel ebda sforz żejjed, peress li m’għandekx bżonn tistudja l-lingwa u għaldaqstant tinstab f’sitwazzjoni vantaġġjuża. Huwa minnu dan? Jew jista’ jkun li dan ixekklek milli titgħallem lingwi oħra? Kompli aqra hawn taħt dwar l-esperjenza ta’ żewġ studenti Ingliżi f’Barċelona.  

© Private
© Privat

Qiegħed/da in-Norveġja, l-Italja jew il-Portugal. Tidħol f’ħanut u tixtieq tistaqsi għall-prezz ta’ xi ħaga iżda mintix familjari mal-ilsien. Allura x’tagħmel? Bla dubju, l-Ingliż huwa l-ilsien globali li n-nies jużaw biex jikkomunikaw mal-barranin, u nies li twieldu f’pajjiż li juża l-Ingliż għandhom vantaġġ kbir għaliex m’għandhomx għalfejn jitgħallmuh … iżda forsi jista’ jkun ukoll żvantaġġ. Emma Staples u Dymphna Murphy, żewġ studenti Brittanniċi li kienu qegħdin jagħmlu Erasmus f’Barċelona jagħtuna ħjiel tad-diffikultajiet li jiffaċċjaw meta tkun poliglota u kulħadd ikun juża lsien twelidek.

“Għal bidu li wasalt Barċelona, kont sorpiża meta skoprejt li l-istudenti li qegħdin fuq skambju kollha jużaw l-Ingliż bejniethom, minkejja li qegħdin ġo pajjiż li juża l-Ispanjol bħala l-ilsien ewlieni,” tgħid Emma, li waslet Spanja f’Settembru tas-sena l-oħra. “Ippruvajt fil-bidu nagħmel sforz biex nipprattika l-Ispanjol iżda fl-aħħar spiċċajt qtajt qalbi u bdejt inkellem lil kulħadd bl-Ingliż.” Ħafna studenti mir-Renju Unit jew mill-Amerika ta’ Fuq isibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni meta jsiefru. “Għall-bidu, ħadt gost meta stajt nifhem lil kulħadd, iżda malajr irrealizzajt li dan mhuwiex l-aqwa mod kif tassorbi lingwa,” tgħid Dymphna.

Skont l-aħħar figuri maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu 2011-2012, Spanja huwa wieħed mill-aktar pajjiżi mfittxija bħala destinazzjoni għal El-asmus. Fil-lista tal-iktar 100 istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla li jospitaw dan it-tip ta’ studenti, l-ewwel erba’ postijiet marru għand universitajiet Spanjoli. B’kollox kien hemm 39,300 student li għamlu skambju tul dan il-perjodu. Dawn il-figuri jinkludu biss nies li għamlu skambju waqt l-istudji universitarji tagħhom u ma jinkludux nies li jaħdmu fl-iskejjel jew li għamlu kollokament f’impjieg.

© Private
© Privat

Bil-kontra ta’ Emma, li kienet ilha 10 snin tistudja l-Ispanjol, Dymphna waslet Barċelona xahar qabel ma bdew il-lezzjonijiet biex tagħmel kors intensiv fil-lingwa. Hi ttamat li jkollha l-istess livell ta’ Spanjol li kellhom l-istudenti sħabha. “Qatt ma kont studjajt ilsien barrani qabel u kont belha meta ħsibt li f’ġimagħtejn se nkun naf il-grammatika bażika biex inkun nista’ nesprimi ruħi bħall-istudenti l-oħra,” tistqarr Dymphna.

Jgħidu li l-Ispanjol mhuwiex ilsien diffiċli biex titgħallem peress li ħafna mill-kliem jinħass bħalma jinkiteb u s-sintassi grammatikali hija pjuttost flessibli. Minkejja dan, Dymphna spjegat li “kien pjuttost diffiċli li tidra l-pass użat min-nies li jużaw il-lingwa, l-espressjonijiet ta’ kuljum li jużaw u d-djaletti,” waqt li Emma tammetti li “Jien imlejt kamarti b’noti mwaħħlin b’verbi irregolari, li kien wieħed mill-aktar aspetti li sibt l-aktar diffiċli biex nitgħallem.”

Fl-Ingilterra, it-tagħlim ta’ lsien barrani mhuwiex prijorità fl-iskejjel daqs l-istudju ta’ suġġetti xjentifiċi. Ħafna studenti ma jikkunsidrawx lingwa barranija bħala suġġett ewlieni u ma jagħtuhx importanza daqs kemm jagħtu importanza lill-Matematika, għall-argument. Fil-każ ta’ Emma, l-iskola tagħha kienet toffri l-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ispanjol għall-istudenti ta’ 11-il sena, u ta’ 14 l-istudenti setgħu jagħżlu jekk ikomplux jitgħallmu dan is-suġġett jew le. “Kien f’dak il-punt li għaraft li ridt nkompli nitgħallem l-Ispanjol iktar mill-livell mitlub ta’ bilfors, u għażilt li nistudja l-Ispanjol u l-Istorja fl-Università ta’ Liverpool.”

Però, f’livell universitarju, id-differenzi lingwistiċi bejn il-pajjiżi jonqsu. Fil-fatt, ġol-Ewropa, wara 26 sena ta’ skambju ta’ studenti, kien hemm 3 miljun ruħ li għamlu skambju ta’ Erasmus barra minn pajjiżhom.

Barra minn hekk, bejn is-snin 2014 u 2020, il-Kummissjoni Ewropea qed tippjana li tħaddem proġett bl-isem ta’ Erasmus+, li se jimmira li jtejjeb ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet li jagħmlu dawn l-iskambji.

 

© Private
© Privat

Iżda lil hinn mid-diffikultajiet lingwistiċi u burokratiċi, dawn l-istudenti kellhom problema intelletwali doppja meta kienu Barċellona. Dawn għaliex il-Katalunja għandha wkoll lingwa għaliha; il-Katalan, u l-maġġoranza tan-nies li joqogħdu hemm lilha jużaw. Iż-żewġ studenti bdew din il-lingwa b’entużjażmu, iżda l-affarijiet ma marrux eżatti kif xtaqu. “Meta bdejt nistudja il-Katalan ukoll fl-Università, irrealizzajt li ma stajtx inlaħħaq. Kienet wisq diffiċli. Waqt il-klassi tal-Ispanjol bdejt nuża kliem Katalan u viċi versa. L-għalliema bdew juruni fejn nieħu żball imma jien ma bdejtx nagħraf li qed inħawwad il-lingwi minħabba li t-tnejn li huma kienu ġodda għalija,” tispjegalna Dymphna, b’ton ta’ qtigħ il-qalb. Emma għall-kuntrarju, sabet il-Katalan eħfef biex titgħallmu minn Dymphna minħabba li kellha bażi soda fl-Ispanjol. Minkejja li taspira li tkompli tistudjah meta jkollha livell avvanzat sew ta’ Spanjol, għalissa hi kuntenta li taf kif tifforma strutturi bażiċi fiż-żewġ lingwi. “Jekk niddeċiedi li niġi noqgħod hawn għalkollox fil-futur nikkunsidra nitgħallem il-Katalan sew, iżda bħalissa sodisfatta bil-livell li għandi.”

Dan l-isforz biex ittejjeb żewġ lingwi huwa ta’ min ifaħħru. Nies li għandhom l-Ingliż bħala lsien twelidhom ikollhom numru ta’ problemi meta jiġu biex jitgħallmu lingwa ġdida, waħda minnhom, pereżempju, hija meta jmorru ċ-ċinema. Minkejja li films li jkunu oriġinarjament bl-Ingliż ikunu ngħataw vrus bil-lingwa tal-pajjiż fejn qed jiġu murija, il-movimenti ta’ ħalq l-atturi ma jkunx inbidel. Għaldaqstant, nies li jkunu jafu iktar l-Ingliż ġieli jispiċċaw jifhmu bl-Ingliż permezz tal-qari tax-xufftejn, li jista’ jkun ta’ xkiel. “Barra minn hekk, jien sibtha iktar diffiċli li tagħmel ħbieb ma’ nies li jitkellmu b’ilsien twelidhom milli biex issir taf barranin bħali, li hija ħasra u għalija, dan huwa ostaklu ieħor. Fortunatament, l-università tiegħi toffri lista ta’ nies b’lingwi differenti, li għenitni nsib ħbieb minn pajjiżi oħra,” tispjega Emma, li ddeċidiet li tiġi Barċelona minkejja li sħabha kollha kienu sejrin Alcalá de Henares. Hi ħadet din id-deċiżjoni biex tagħti ċans lilha nnifisha  ssir taf nies ġodda u biex issir iktar indipendenti. “Kultant, l-Ingliżi ma jagħmlux sforz biex jitgħallmu lingwa ġdida b’arroganza. Xi nies jaħsbu li kulħadd jitkellem bl-Ingliż u allura m’hemmx għafejn tkun taf ilsna oħra. Imma din mhix raġuni biex tqis lil kulħadd l-istess.” ikkummentat magħna. Bla dubju, Dymphna u Emma huma eżempju tajjeb ta’ nies li juru li minkejja d-diffikultajiet, rieda soda hija fattur importanti meta wieħed qed jitgħallem lingwa ġdida.

[crp]

Awtur

Miriam Vázquez  (Spanja)

Tistudja: Il-Ġurnaliżmu u x-Xjenza Politika u Amministrattiva

Lingwi: L-Ispanjol, Il-Katalan, L-Ingliż, ftit Franċiż u Ġermaniż

L-Ewropa hija… post uniku fejn nies b’kulturi, lingwi u fehmiet differenti jgħixu flimkien.

Twitter: @mirabroad

Traduzzjoni

Laura Cioffi (Malta)

Traduzzjoni

Glynnies Bonnici (Malta)

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php