Kull sena, ġimgħatejn wara l-Għid, il-belt kapitali Andalusjana tospita l-festa tant mistennija tal-Feria de Abril (Il-Festa t’April), festa dinamika fejn it-tradizzjonijiet kulturali, mużikali u kulinarji huma l-ikbar protagonisti. Hija opportunità unika fejn kulħadd ikun jista’ jintegra b’ruħu u ġismu fl-istil ta’ ħajja u fit-tradizzjonijiet Andalusjani. Din is-sena l-festa se ssir bejn l-4 u l-11 ta’ Mejju.
Miktub minn Monica Nicol / 29.04.2019
Il-Feria de Abril bdiet bħala fiera agrikulturali sempliċi bil-baqar, imma matul is-snin saret avveniment folkloristiku kbir u ta’ divertiment, kif ukoll attrazzjoni turistika b’impatt ekonomiku konsiderevoli. Madankollu, xorta għadha tirrapreżenta laqgħa soċjali importanti għan-nies ta’ Sivilja, u opportunità biex wieħed jiskopri mill-ġdid it-tradizzjonijiet ta’ Sivilja. Hija sebat ijiem intensivi ta’ festi fejn in-nies tal-lokal u t-turisti joħonqu t-toroq ta’ Sivilja, fejn iċ-ċekċik ta’ karrettuni u ż-żwiemel li qed jiġbduhom jidwi ma’ kullimkien u fejn kollox jixgħel bil-kuluri jgħajtu tal-imrewħiet u t-trajes de flamenca, ilbiesi tradizzjonali eleganti jiżżegilgu u jiċċaqalqu bil-movimenti ta’ żfin tas-sevillanas, varjetà lokali tal-flamenco.
L-atmosfera vibranti u ferriħija li mxerrda f’Sivilja tilħaq il-qofol tagħha ġewwa r-Real de la Feria, il-gradilja li titwaqqaf kull sena fejn issir il-festa fiż-żona tal-belt li jisimha Los Remedios. Din tirrapreżenta belt fittizja fi ħdan il-belt kapitali, mibnija fuq art ramlija safranija definita bħala albero, fejn jitwaqqfu iktar minn elf caseta. Dawn huma tined ikkuluriti ta’ kull daqs u li jidhru qishom djar żgħar b’arredamenti eleganti tal-injam, u mżejna b’purtieri irrigati u bi fjuri fejn il-familji jiġu flimkien u jiċċelebraw. Għall-kuntrarju ta’ festi Andalusiji oħrajn, kważi l-casetas kollha f’Sivilja huma privati, jiġifieri li l-aċċess għalihom huwa riservat għal ċerti mistednin. Madankollu, jeżistu wkoll casetas pubbliċi li jirrappreżentaw il-partiti politiċi, l-ibliet viċinat tal-belt kapitali, u l-muniċipalità. Il-casetas jittellgħu fuq firxa ta’ 24 kantuniera u fuq firxa ta’ 15-il triq. Kull waħda mill-casetas hija msemmija għal torero Siviljan famuż u hija mżejna b’fanal magħmul minn karta kkulurita, li jissejjaħ farolillos. Il-gradilja kbira tal-fiera żżomm fiha wkoll l-hekk imsemmija Calle del Infierno, ‘it-triq infernali’, li hija ddedikata lill-viżitaturi ta’ età żgħira. F’din it-triq hemm park sabiħ tad-divertiment b’karużell u bil-Ferris Wheel dejjem preżenti, kif ukoll ħafna kjoskijiet li jkunu qed jbiegħu l-ġugarelli u affarijiet tal-ikel.
Hemm żewġ avvenimenti li mhux ta’ min jitlifhom waqt din il-ġimgħa ta’ divertiment u żfin għall-ħoss ta’ mużika tradizzjonali: iċ-ċeremonja alumbrado u l-logħob tan-nar li jikkaratterizzaw rispettivament il-ftuħ u t-tmiem tal-Feria de Abril.
Iċ-ċeremonja alumbrado sseħħ fin-noche de pescaito (il-lejla tal-ħut moqli) u hija kkaratterizzata mill-ikla tradizzjonali ta’ frott tal-baħar u mit-tidwil tal-farolillos u l-portada, l-arkata kbira fid-daħla tal-gradilja, li tibda mat-tokki ta’ nofs il-lejl.
It-tidwil kien jimmarka l-bidu tal-ġimgħa ta’ festi fejn fost il-bosta tradizzjonijiet ta’ Sivilja, l-ikel għandu rwol importanti wkoll. Fil-casetas, dejjem tista’ ssib it-tortilla de patatas (patata moqlija) u perżut nej lokali tajjeb immens, flimkien ma’ ħafna aktar delikaziji u vino fino u manzanilla, żewġ varjetajiet ta’ inbid abjad niexef. Madankollu, ir-re tal-festa, mingħajr ebda dubju, jibqa’ r-rebujito, xarba rifreskanti u ftit alkoħolika. Din hija xarba essenzjali biex tikkumbatti t-temperaturi inkredibbli ta’ Sivilja u biex terġa’ tikseb saħħtek bejn żifna u oħra. Issir mit-taħlita ta’ vino fino u manzanilla mas-soda u … kemm trid silġ!
Bħall-istejjer tat-tfal, din il-festa ta’ kuluri, togħmiet, żifniet, kanzunetti u tradizzjonijiet tiġi fi tmiemha mat-tokki ta’ nofs il-lejl fis-seba’ ġurnata, meta jintfew id-dwal tal-portada u tal-farlillos wara wirja bellezza tal-logħob tan-nar. Tmiem li tħalli sensazzjoni ta’ melankolija fil-qlub tal-ispettaturi li m’għandhom l-ebda għażla oħra ħlief li jistennew b’ħerqa kbira għall-Feria li jmiss.
L-Aħħar Kummenti