Kulma rridu nagħmlu, nivvutaw

F’Mejju ta’ din is-sena se nintalbu nivvutaw għall-elezzjonijiet Ewropej.

Miktub minn Milena Parotti / 13.03.2019

Għal xiex se nivvutaw eżatt? Se neleġġu 705 MEP għll-perjodu leġiżlattiv 2019-2024 fil-Parlament Ewropew, maqsum skont il-popolazzjoni ta’ kull pajjiż. Bħalissa, in-numru ta’ MEPs huwa 751 , li fosthom hemm il-President li tul dan il-perjodu leġiżlattiv kien it-Taljan Antonio Tajani. Madankollu, in-numru ta’ MEPs se jonqos f’Mejju minħabba l-Brexit. Kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea se jivvota bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju bis-sistema elettorali tiegħu. Pereżempju, Franza għandha sistema proporzjonata b’limitu ta’ 5% għall-għotja ta’ siġġijiet, filwaqt li l-Ġermanja għandha sistema proporzjonata mingħajr limitu1. Meta pajjiż ikollu limitu, il-partiti li ma jilħqux dak il-limitu fuq livell nazzjonali ma jistgħux jidħlu fil-Parlament Ewropew.

X’inhu l-Parlament Ewropew? Dan hu istituzzjoni fl-UE, bħall-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill għall-Unjoni Ewropea. Iżda, b’differenza mill-istituzzjonijiet l-oħra, il-Parlament Ewropew hu l-uniku wieħed li jiġi elett direttament miċ-ċittadini Ewropej. F’sens wiesa’, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi liġijiet ġodda, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għall-Unjoni Ewropea jgħadduhom u mbagħad l-istati membri kollha u l-istituzzjoni tal-UE jew l-istituzzjonijiet konċernati japplikawhom. Il-Parlament Ewropew jiltaqa’ fi Strasburgu u Brussell u l-irwoli tiegħu huma dawn: li jaqbel dwar/jimmodifika/jirrifjuta l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, li jieħu d-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ arranġamenti internazzjonali u d-dħul ta’ pajjiżi ġodda fl-UE, li jeleġġi l-President tal-Kummissjoni Ewropea u jara l-programm ta’ ħidma tiegħu. Grazzi għall-inizjattiva tar-Rappreżentanza tal-Parlament Ewropew fll-Italja, f’tentattiv li jkissru l-miti, issa li nafu li l-Parlament Ewropew jiswa lil kull wieħed u waħda minna €3.96 fis-sena, bejn wiehed u ieħor il-prezz ta’ sandwich. Fil-fatt, il-baġit tal-Parlament Ewropew huwa 1.999 biljun u li l-UE għandha madwar 504 miljun ċittadin, li jfisser li l-manteniment tal-Parlament Ewropew lanqas 4 ewro għal kull ċittadin Ewropew ma jiswa2.

Għal min nistgħu nivvutaw? L-MEPs ma jitqassmux skont in-nazzjonalità, imma skont l-affinità politika tagħhom. Bħalissa hemm 8 gruppi politiċi Ewropej, li huma magħmulin minn tal-anqas 25 persuna u jirrappreżentaw tal-inqas kwart tal-istati membri. L-akbar żewġ gruppi huma l-“Partit Popolari Ewropew” u l-“Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi.” Tal-ewwel huwa grupp lemini, filwaqt li l-ieħor huwa grupp tal-ċentru-xellug. Il-gruppi politiċi Ewropej oħra huma l-Konservattivi u r-Riformisti Ewropej, l-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa, Grupp Konfederali tax-Xellug Magħqud Ewropew – Xellug Aħdar Nordiku, Grupp tal-Ħodor/Alleanza Ħielsa Ewropea, Grupp għal Ewropa tal-Libertà u d-Demokrazija Diretta, u l-Ewropa tan-Nazzjonijiet u tal-Libertà.

Parlament Ewropew

L-Unjoni Ewropea tista’ tidher li hija entità ’l bogħod minna sal-punt li nistgħu nitħassbu dwar x’tagħmel l-Unjoni Ewropea għalina. Ix-xogħol tal-Unjoni Ewropea għandu x’jaqsam ma’ ħafna oqsma, li fosthom hemm l-ambjent, is-sigurtà, l-enerġija, l-impjiegi, istruzzjoni u ħafna aktar. Iżda l-inizjattivi tal-Unjoni Ewropea b’mod partikolari lanqas tgħoddhom. Għalhekk għandna s-sit elettroniku Dak li Tagħmel l-Unjoni Ewropea Għalija, sit sempliċi ħafna li juri kif l-Unjoni Ewropea taffettwa l-ħajja tagħna ta’ kuljum pass pass. Is-sit hu maqsum fi tliet sezzjonijiet: 1. “fir-reġjun tiegħi”, 2. “f’ħajti”, 3. “fid-dettall”. Pereżempju, sirt naf li fir-reġjun tiegħi l-UE qed “tikkontribwixxi b’76 miljun ewro għal proġett għal titjib fl-effiċjenza tal-enerġija f’bini pubbliku”. Barra minn hekk, f’sezzjoni 2. “f’ħajti”, tista’ ssib informazzjoni dwar proġetti Ewropej għall-istudenti, ħaddiema, familji, nies b’diżabbiltà, nies tal-isport, turisti u ħafna iżjed. Hemm ukoll sezzjoni dwar “Min jikkonsma ċ-ċikkulata”, li fiha tista’ ssib li “il-leġiżlazzjoni tal-UE […] tinkoraġġixxi l-produzzjoni ta’ Ċikkulata ta’ kwalità għolja. […] Bosta standards tal-UE jillimitaw il-pestiċidi u l-livelli ta’ inkwinanti f’affarijiet tal-ikel, biex inaqqsu r-riskju għal min jikkunsmahom.” Insomma, hemm xi ħaġa għal kulħadd!

Hemm ħaġa waħda biss li missna nagħmlu issa: li nivvutaw u nispjegaw lin-nies ta’ madwarna għaliex hu daqshekk importanti li nivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej. Ittieħdu diversi inizjattivi sabiex jissimplifikaw dan il-proċess. Eżempju wieħed hu l-proġett “Yvote” li għandu t-tir li jżid l-involviment taż-żgħażagħ fil-proċessi demokratiċi tal-Unjoni Ewropea. Yvote jikkollabora ma’ diversi assoċjazzjonijiet Ewropej u organizza konvenzjonijiet madwar l-Ewropa (Düsseldorf, Tartu, Utrecht, Sofia u Turin).
#StaVoltaVoto, magħruf ukoll bħala #ThisTimeImVoting, #EstaVezVoto, #DiesMalWaehleIch u l-bqija, ġej direttament mill-istituzzjonijiet Ewropej. Huwa strument li jħalli lin-nies jipparteċipaw fl-attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-elezzjonijiet, u fuq kollox, hu mod kif jipperswadi lil kulħadd jivvota, għax “jekk kulħadd jivvota, kulħadd jirbaħ.”

Nota:
¹ Sors: https://www.repubblica.it/dossier/politica/elezioni-europee-2019-ue-23-26-maggio/2019/01/24/news/elezioni_europee_2019_come_si_vota_in_italia_e_in_europa-217085030/
² Dil-kampanja saret mill-kont ta’ Twitter @PE_Italia bl-użu tal-hashtags #facciamochiarezza u #BilancioPE

Jekk trid issir taf iktar:

https://what-europe-does-for-me.eu/en/home
http://publications.europa.eu/webpub/com/eu-what-it-is/en/
● (IT) http://www.ansa.it/europa/notizie/europarlamento/news/2018/10/08/eurocamera-costa-meno-dun-panino-lanno-a-europei-_535050c9-b336-46ee-9f0a-a9ffbd25efb3.html
http://www.europarl.europa.eu/about-parliament/en/organisation-and-rules/organisation/political-groups
● (IT) https://www.repubblica.it/dossier/politica/elezioni-europee-2019-ue-23-26-maggio

Author

Milena Parotti (Italy)

Studies: Languages BA and Communication MA

Languages: Italian, English, French, German

Europe is... home!

Traduttriċi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: il-Malti fl-Università

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Qari tal-provi

Laura Cioffi (Malta)

Taħdem: Mużiċista u Għalliema tal-Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

This post is also available in Deutsch, English, Français, Italiano, [Main Site], Ελληνικά and Русский.

Author: alessandra

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php