Il-moviment għat-twaqqif ta’ Brexit fir-Renju Unit: intervista mas-Supergirl tal-UE

Madeleina Kay hija kampanjatur pro-Ewropea fir-Renju Unit, magħrufa bħala s-Supergirl tal-UE fuq il-midja soċjali. Hija qiegħda tmexxi kampanja favur Vot tal-Poplu dwar il-Ftehim ta’ Brexit, u qed tittama li twaqqaf Brexit milli jseħħ f’Marzu 2019.

Miktub minn Sarah Robinson / 23.03.2019

Xi tfisser għalik l-UE?

Jiena twelidt ċittadina Ewropea. Twelidt bid-drittijiet tagħha. L-idea li dawn id-drittijiet se jinħatfuli tirrabjani bil-kbir. Però, mhux kollox dwari biss, iżda wkoll dwar il-ġenerazzjoni tiegħi u l-kumplament tal-pajjiż. Nobgħod bis-saħħa l-idea ta’ fruntieri, l-idea li n-nies li huma eqreb tiegħek ġeografikament huma iktar importanti jew ta’ valur ikbar. L-UE hija ċelebrazzjoni ta’ diversità kulturali. Hija tissapportja identitajiet nazzjonali, tipprovdi fondi għall-interessi kulturali u tinkoraġġixxina biex naqsmu dawn l-esperjenzi kulturali u biex naħdmu flimkien. Wieħed jikseb ħafna iktar bħala individwu meta jikkopera ma’ ħaddieħor, u l-istess imur għall-istituzzjonijiet u l-pajjiżi meta jikkoperaw bejniethom. B’hekk isiru parti minn xi ħaġa ikbar u iktar b’saħħitha. Jekk nitilqu, ikollna inqas vuċi fil-liġijiet u d-deċiżjonijiet li jittieħdu fuq skala internazzjonali. L-esperjenza kulturali personali tiegħi hija ffurmata mill-fatt li l-ġenituri tiegħi huma letturi universitarji u l-istudenti tal-Masters tagħhom kienu jikru kamra fid-dar tagħna. Dan tani aspettativa internazzjonali minn età żgħira. Tatni l-perspettiva li l-moviment liberu huwa aspett pożittiv għax jikkontribwixxi għad-diversità kulturali tagħna.

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-kampanja favur Vot tal-Poplu?

Il-kampanja biex jitwaqqaf Brexit u jinkiseb Vot tal-Poplu mhix kampanja ta’ partit politiku, iżda hija mmexxija minn organizzazzjonijiet indipendenti. Fuq quddiem tagħha hemm xi membri parlamentarji mill-partiti politiċi prinċipali li qegħdin jirribellaw kontra l-partiti rispettivi tagħhom, iżda mhix kampanja assoċjata ma’ partit partikolari. Il-problema hija li l-istess nies li qed imexxu din il-kampanja mexxew ukoll il-kampanja biex ir-Renju Unit jibqa’ parti mill-Unjoni Ewropea qabel ir-referendum, u sa fejn nista’ nara jien, huma għadhom qed ikomplu bi strateġija li diġa’ falliet, u hija frustranti ferm.

Minn fejn ġejja l-frustrazzjoni tiegħek? Mill-partiti politiċi prinċipali jew minn sorsi oħra?

Jiena ma ninvolvix ruħi fil-politika partiġġjana apposta. Jien ma nagħmilx kampanji u nemmen bis-saħħa fil-koalizzjoni, f’partiti li jaħdmu flimkien. Għandna sistema bi-partitarja fir-Renju Unit fejn naqilbu minn estrem għall-ieħor, u l-effett huwa tribalistiku għall-aħħar. Bħalissa m’hawnx partit tal-oppożizzjoni fejn jidħol Brexit, u din hija problema. L-uniċi partiti li qegħdin jieqfu għal Brexit huma l-Partit Liberali Demokartiku u l-Partit tal-Ħodor. Għandna bżonn sapport minn partiti differenti biex inwaqqfu Brexit. Il-Konservattivi jaħilfu li għandhom mandat biex joħorġu mill-UE, iżda fil-verità m’għandhomx, għax il-karta tal-vot ma kinitx speċifika. Ir-referendum ma jorbotx legalment. F’referendi oħra, biex ir-riżultat ikun jorbot, kienu jeħtieġu minimu ta’ 40% tal-elettorat li jivvotaw favur il-mozzjoni biex ikunu jistgħu jgħaddu bidla kostituzzjonali. F’dan ir-referendum, kienu biss 37%, jiġifieri 26% tal-popolazzjoni tar-Renju Unit li vvutaw għal Brexit, li issa qegħdin jiddeterminaw il-futur tal-100% tal-pajjiż. Theresa May tilfet il-maġġoranza li kellha qabel fl-elezzjoni ta’ malajr u issa baqgħet fil-poter grazzi għall-Partit Demokratiku Unjonist tal-Irlanda ta’ Fuq, prova iktar ċara ta’ kemm il-poplu ma jissapportjax il-Brexit li l-partit tagħha qed jipprova jikseb. Huma jafu li Brexit se jikkawża ħsara ekonomika kbira minn kull xenarju prevvist (it-tlett riżutati possibli huma stmati li se jikkawżaw tnaqqis ta’ bejn 2% u 6% lill-Prodott Domestiku Gross, li jfisser mill-inqas telf ta’ £440 miljun fil-ġimgħa). Huma giddbu lil poplu, u r-riżultat mhuwiex leġittimu. Din hija l-ġustifikazzjoni għal Vot tal-Poplu fuq it-trattat finali. Il-Partit Laburista qed isemmi Brexit fejn l-imjiegi jiġu l-ewwel u qabel kollox, iżda dan mhuwiex possibli jekk Brexit se jikkawża telf ekonomiku taħt kwalunkwe ċirkustanza, li jirriżulta f’inqas impjiegi u opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jistudjaw u jaħdmu barra. 75% ta’ żgħażagħ li kellhom bejn it-18 u l-24 sena vvutaw biex jibqgħu fl-UE, u allura Jeremy Corbyn ma jitkellimx f’isimhom. Il-problema hija li 50% taż-żgħażagħ li jissapportjawh jaħsbu li huwa favur l-UE minħabba li qiegħed jastjeni milli jagħti opinjoni definittiva. Bħalissa, il-politika tal-partit Laburista donnha li għadha favur Brexit aħrax, li nitilqu mis-suq uniku iżda li nibqgħu f’xi parti minn mill-unjoni doganali, imma min jaf jekk jirnexxielhomx jinnegzjaw xi haġa hekk jew le.


X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-fatt li ħafna mill-popolazzjoni tar-Renju Unit, ivvutaw x’ivvutaw issa donnhom xebgħu minn Brexit u jridu li jfittxu jeħilsu minnu?

Din hija opinjoni li tisma’ ta’ sikwit imma ma naħsibx li l-maġġoranza tan-nies jaħsbu hekk. Jekk taħseb li jekk naqbdu mmexxu u noħorġu mill-UE li dan il-ġenn li ilu għaddej sentejn se jieqaf zopptu, se tieħu xokk qawwi. Brexit x’aktarx li se jkarkar għal snin twal, u l-impatt tiegħu se jibqa’ jinħass għal għexieren ta’ snin. Jekk trid tkun pragmatiku, mela l-unika għażla li tagħmel sens hija li nibqgħu fl-UE. Jekk xbajt tisma’ dwar Brexit, mela l-uniku mod li nieqfu nisimgħu dwaru huwa li ma nwaqqfu Brexit għal kollox. Naħseb li ħafna min-nies li vvutaw biex joħorġu ħasbu li se tkun ħaġa sempliċi, imma ħadd ma kien jaf kemm se tkun ikkumplikata u diffiċli l-ħaġa.

X’kienet l-esperjenza tiegħek mal-udjenza Ewropea?

Dik hija waħda mill-ikbar udjenzi li qiegħda niġbed. Irnexxieli niġbed iktar attenzjoni mill-midja Ewropea milli mill-midja tar-Renju Unit, u dan naħseb li huwa minħabba li qed nippromwovi narrativa favur l-UE. Dejjem ikolli bandiera tal-Unjoni Ewropea u dejjem nitkellem dwar il-benefiċċji tal-UE li qatt ma jissemmew, u li sfortunatament għadhom s’issa ma jissemmewx minn l-ebda kampanja fir-Renju Unit. Waqt sessjoni għal YEM (Moviment Ewropew Żgħażugħ) li saret fi Strasburgu, kellhom dibattitu dwar ir-referendum fejn staqsew jekk l-UE għandhiex tilqa’ lir-Renju Unit lura jekk id-deċiżjoni dwar Brexit tiġi rrevokata. Il-ħaġa li spikkat kienet li l-uniku argument li kellhom biex jissaportjaw Brexit kienet li ħasbu li kienet il-ħaġa demokratika. Jien spjegajtilhom fl-indirizz tal-għeluq tiegħi li dan ma kienx il-każ. Ħafna minnhom ma kienux jafu, avolja huma nies li tinteressahom ferm il-politika. Huma ħasbu li kien referendum legalment vinkolanti. Huwa importanti ħafna li nwasslu l-messaġġ fl-Ewropa dwar l-illeġittimità tal-vot u għalfejn irridu nisfidaw ir-riżultat li nkiseb.

X’inhi l-istrateġija tal-kampanja għall-Vot tal-Poplu?

Hemm żewġ kampanji x’niġġieldu għalihom. L-ewwel waħda hija li niksbu l-vot, u t-tieni waħda hi li nirbħuha. L-ewwel waħda hija li nappellaw lil dawk li vvutaw kemm lil dawk li vvutaw favur Brexit kif ukoll dawk li jridu jibqgħu, billi nuruhom li jistħoqqilhom jgħidu x’jaħsbħu dwar ir-trattat finali għaliex din hija l-ħaġa demokratika. Din l-istrateġija taħdem, iżda mhux se trebbaħna l-vot jekk ikun hemm vot ieħor. Waħda mir-raġunijiet għalfejn tlifna kien minħabba “Proġett Biża’”. Il-kampanja favur li nibqgħu membri fl-UE kellhom fuq quddiem politiċi ta’ karriera li taw narrattiva kerha dwar x’jiġri jekk noħorġu mill-UE, li biex inkunu għedna kollox, kien minnu. Però, ħafna min-nies li vvutaw għal Brexit ġejjin minn reġjuni fejn, meta jħarsu lejn il-faqar ta’ madwarhom irraġunaw bejnhom u bejn ruħhom, Brexit kif jista’ jkun agħar milli diġà għandna? U iva, ejja! Il-gideb li ntqal lilhom, kollox sar tort tal-UE, l-immigrazzjoni ngħatat importanza kbira, u wegħdu futur fuq ir-rubini fejn ikun hemm iktar flus għas-servizz tas-saħħa, li ħafna min-nies għadhom jemmnu avolja issa ntwera b’mod ċar li din kienet gidba. Huma vvutaw għat-tama, għal futur aħjar u ta’ dan ma nagħtihomx tort, iżda nagħti t-tort kollu lil dawk li qalulhom dawn il-gidbiet kollha. Irridu nwasslu l-messaġġ lil dawk li emmnu l-gideb, li hemm tama għal futur aħjar ġewwa l-UE, speċjalment f’UE riformata. Irrid ninfurmahom u nedukahom dwar x’għamlet l-UE biex tnaqqas l-inugwaljanza li kkawża l-parlament Ingliż billi tat fondi reġjonali f’żonijiet foqra fir-Renju Unit. Hija tal-mistħija li mkien ma jgħidlek fejn intefqu dawn il-fondi Ewropej. Dawn huma r-reġjuni li se jintlaqtu l-iżjed bi Brexit u hemm bżonn li nwasslulhom dan il-messaġġ biex ibiddlu l-vot. Diġà kien hemm ċaqliq fil-poloz minn nisa u ommijiet li kienu vvutaw biex noħorġu, kif ukoll minħabba li hawn ħafna żgħażagħ li issa saru ta’ età fejn jistgħu jivvutaw u li huma naturalment iktar favur l-UE minħabba li kibru b’identità Ewropea u huma iktar komdi b’din l-identità u l-kunċett tal-immigrazzjoni. Konvinta li nistgħu nibdlu l-affarijiet jekk nagħmluhom sew. Imma għandna bżonn aspettattiva pożittiva apparti dik tal-biża’.

X’inhuma r-reazzjonijiet li tara meta tkun qed tikkampanja fit-toroq?

Hija varjata ħafna. Kull persuna hija kompletament differenti. Nobgħod din l-idea li Brexit ikkawża diviżjoni nazzjonali. Hemm tant aspetti differenti u għandna bżonn ta’ iktar djalogi kostruttivi dwar ir-raġunijiet għalfejn in-nies ivvutaw biex noħorġu mill-UE u x’kienu qed jittamaw mingħajr dan it-tgħajjir u l-mibegħda li għandna madwarna. Iltqajt ma’ nies ikbar minni li qaluli li Brexit mhux se jkun ta’ ħsara daqskemm qed naħseb jien minkejja li urejthom li l-PGD diġà tilef 2.1%. Dawn in-nies jistgħu jkunu rashom iebsa u qatt mhuma se jbiddlu fehmithom. Hemm nies oħra imma li huma iktar miftuħin għad-djalogu. Ħafna min-nies ma jafux x’inhi l-UE u ma jinteressahomx. Ma jafux x’inhuma l-benefiċċji tal-UE, kemm hemm istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet, programmi u anke liġijiet li nibbenefikaw minnhom grazzi għall-UE. Jien indur madwar ir-Renju Unit bil-fuljetti informattivi tiegħi u l-kartelluni bir-raġunijiet għalfejn għandna nibqgħu fl-UE. Huwa importanti li n-nies ikunu nfurmati ħalli jkollna vot serju fuq il-ftehim finali. Hawnhekk il-kartelluni kollhom kuluri jgħajtu tiegħi isiru utli biex iġiegħlu lin-nies jaħsbu. Huma sempliċi u tanġibbli u faċli tara ir-rabta bejn dak li tagħmel l-UE u l-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Imbagħad hemm dawk in-nies li jirrabjaw malajr u jibdew jgħajtu, jippruvaw jikkawżaw il-problemi, imma imbagħad dik hija problema li tmur għand il-pulizija. Hija simplistika wisq li wieħed jaħseb li kuħadd ivvota għal Brexit għall-istess raġunijiet jew li n-nies għadhom bl-istess mentalità bħal qabel ir-referendum.

Inti ġbidt ħafna attenzjoni mingħand il-midja Ewropea. Taħseb li issa għandhom idea iktar ċara ta’ x’qed jiġri fir-Renju Unit issa. Taħseb li huma sorpriżi li jaraw lil xi ħadd bħalek li qed jipprovdi narrattiva differenti?

Naħseb li huma sorpriżi. F’Diċembru li għadda għamilt proġett fejn ġbart ittri ta’ solidarjetà fir-Renju Unit fuq perjodu ta’ 6 xhur, kollha indirizzati lil ħbieb Ewropej anonimi. L-iskop kien li nuri li hemm nies li qed jikkampanjaw kontra Brexit fir-Renju Unit u li jridu jagħmlu konnesjoni umana min-naħa għall-oħra tal-fruntiera. Ħadna madwar 1000 ittra fi Brussel u kellna laqgħa ma’ Guy Verhofstadt u kellna attenzjoni tajba mill-midja. Ir-reazzjonijiet li kellna meta qassamna dawn l-ittri lin-nies fis-suq tal-Milied ta’ Brussel kienu interessanti immens. L-impjegati tal-parlament dehru grati għal dak kollu li konna qegħdin nagħmlu u kienu kuntenti li konna qegħdin nippruvaw inwasslu il-messaġġ. Dawk li ma jsegwux il-politika mill-viċin ma kienux irrealizzaw li kien hemm kampanja kontra Brexit u kemm il-maġġoranza ta’ Brexit kienet żgħira, u kienu jaħsbu li kulħadd fir-Renju Unit kien kuntent bir-riżultat li nkiseb. Jien sibtha utli ferm li jkolli dawn id-diskussjonijiet man-nies.

Taħseb li Brexit se jseħħ?

Din il-mistoqsija kemm-il darba tissemma’. Ir-realtà hija li jekk irridu nwaqqfu Brexit għandna bżonn kemm jista’ jkun is-sapport tal-pubbliku, u rrid li n-nies ikunu kunfidenti li jista’ jitwaqqaf. Irid ikun hemm tama u kunfidenza. Ikar ma’ jkun hemm nies li jwasslu l-messaġġ tagħna, iktar għandna ċans li nwaqqfuh. Neħtieġu r-rieda tal-poplu biex inwaqqfu Brexit. Ma naħsibx li nistgħu nuru ebda ħjiel ta’ dubju f’din is-sitwazzjoni. Dan bħal meta għandek bejjiegħ, trid tkun konvint 100% minn dak li qed tikkampanja għalih. Għalhekk mill-bidu bdejt din il-personalità ta’ Supergirl tal-UE; Supergirl hija karattru li jissimbolizza t-tama u l-pożittività għall-kampanja biex nibqgħu fl-UE. Fil-verità m’iniex supereroj. Personalment għandi iktar kunfidenza minn qatt qabel li tista’ sseħħ. Hemm bżonn li jieqaf, jista’ jieqaf, u se jieqaf.

Kitba

Sarah Robinson (Renju Unit)

Tistudja: Lingwa u Letteratura Franċiża u Ġermaniża

Lingwi: Franċiż, Ġermaniż, Ingliż

L-Ewropa hija … kumplessa u imprezzabbli.

Traduttriċi

Laura Cioffi (Malta)

Taħdem: Mużiċista u Għalliema tal-Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Qari tal-provi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Traduttriċi

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

This post is also available in Deutsch, English, Français, Italiano, [Main Site] and Русский.

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php