Is-sajf li għadda, kont iffortunata biżżejjed li kont waħda mill-1500 żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej ta’ 18-il sena li rebħu pass tal-ivvjaġġar Interrail fil-kompetizzjoni #DiscoverEU, kompetizzjoni li ġiet organizzata mill-Kummissjoni Ewropea. Din hija l-istorja tal-esperjenza tiegħi, l-iskoperti meraviljużi li għamilt u d-diffikultajiet li ltqajt magħhom tul dan il-programm impressjonanti ta’ pubbliċità tal-UE.
Miktub minn Elise Magne / 31.10.2018
Il-kompetizzjoni #DiscoverEU
12-il miljun ewro: il-baġit allokat mill-Kummissjoni għal din il-kompetizzjoni maġġuri mnedija fil-bidu ta’ Ġunju għaċ-ċittadini Ewropej kollha li għalqu 18-il sena fl-1 ta’ Lulju 2018. L-għan? Li tagħti l-opportunità lil żgħażagħ li mhux neċessarjament kienu se jagħmlu jew għandhom l-opportunità li jagħmlu l-qabża u jiskopru bosta pajjiżi Ewropej sabiex jiltaqgħu man-nies tal-lokal u jibnu rabta magħhom.

Split, Kroazja. Ritratt: Clara Vignères
Skont l-MEP, Manfred Weber, il-kap tal-Partit Popolari Ewropew (EPP), “L-Ewropa mhijiex biss dwar politiki teknokratiċi. Hija wkoll dwar li tressaq lin-nies eqreb ta’ xulxin. Irridu nerġgħu nrawmu entużjażmu dwar l-Ewropa fost iż-żgħażagħ.” Għan tassew rispettabbli.
Madankollu, din il-kompetizzjoni ma saritx mingħajr ebda stennija ta’ kontribut min-naħa tar-rebbieħa. Fil-fatt, iż-żgħażagħ magħżula jikkommettu ruħhom li jsiru ambaxxaturi ta’ #DiscoverEU, jiġifieri, li jaqsmu l-esperjenza tagħhom fuq il-midja soċjali regolarment billi jużaw il-hashtag #DiscoverEU u billi jsemmu l-istituzzjonijiet tal-UE. Fi kliem ieħor, li jxandru l-kelma t-tajba. Iżda, biex inkunu preċiżi, m’intix obbligata tgħid il-verità, u tista’ tagħżel ukoll li żżomm id-dettalji ta’ kuntatt tiegħek privati meta tirreġistra sabiex ma terġax tiġi ikkuntattjata.
“Komunikazzjoni fil-massa… nuqqas ta’ komunikazzjoni”
Fl-istadji finali tar-reġistrazzjoni, kien hemm ħafna inkonsistenzi u ostakoli x’tegħleb tul din l-ewwel kompetizzjoni ta’ #DiscoverEU. L-ewwel problema: id-dewmien bejn meta rċevejna l-email fl-aħħar ta’ Ġunju tal-lista tar-rebbieħa, u l-email li talbitna nikkonfermaw ir-reġistrazzjoni tagħna sabiex nirċievu dak il-biljett prezzjuż tal-Interrail, li rċevejt f’nofs Lulju. Oriġinarjament, kelli l-intenzjoni li nagħmel vjaġġ ta’ xahar u minħabba dan id-dewmien, kelli nqassar il-vjaġġ.
Barra minn hekk, fil-proċess tar-reġistrazzjoni, kellna nagħżlu bejn bosta għażliet: fiss jew flessibbli, li nivvjaġġaw weħidna jew fi grupp. Il-kwistjoni: minħabba li konna mgħarrqin f’baħar ta’ informazzjoni ġejja minn uffiċjali differenti fejn deher biċ-ċar li ma kellhomx l-istess informazzjoni, ma tantx konna nafu x’kienu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull għażla, pereżempju ħlasijiet żejda u l-proċeduri tekniċi involuti.
Allura, il-parti l-kbira tagħna tlaqna fuq din l-avventura tista’ tgħid fl-għama, fejn kollha kemm aħna konna konnessi flimkien permezz ta’ għodda waħda ewlenija mtellgħa u amministrata mill-Kummissjoni: il-grupp ta’ Facebook DiscoverEU, li laqqgħet ir-rebbieħa mit-28 pajjiż flimkien u ippermettitilhom jaqsmu d-diffikultajiet u s-sejbiet tagħhom flimkien u anke biex jiltaqgħu waqt il-vjaġġi rispettivi tagħhom.
Opportunità unika
Dħalt għal din l-esperjenza ma’ tlieta minn sħabi u flimkien, intgħażilna biex nirċievu dan il-biljett Interrail tant popolari. Ivvjaġġajna għal ġimagħtejn bil-flex pass, mit-22 ta’ Lulju sal-5 ta’ Awwissu. Filwaqt li r-regolamenti tal-kompetizzjoni pprovdew żjarat għal massimu ta’ 4 pajjiżi, irrealizzajna li bil-flex pass stajna nżuru aktar. Fil-fatt, il-pass li kien jiswa €255, kien jagħti aċċess għal ivvjaġġar bil-ferrovija għal 7 ijiem f’perjodu ta’ xahar, fil-pajjiżi sħab kollha ta’ Interrail. Tlaqna minn Toulouse u rnexxielna nżuru Ġinevra, Milan, Rijeka, Split, Zagreb, Ljubljana, Budapest u Vjenna, fejn qgħadna bejn 24 siegħa sa 3 ijiem f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi.

Ogulin, Kroazja. Ritratt: Clara Vignères
M’hemmx xi ngħidu, qattajna ħafna ħin fi tranżitu fejn xi vjaġġi damu sa 15-il siegħa. Imma l-vantaġġ kbir tal-ferrovija hu li tippermettilek tiskopri l-pajjiż b’mod ġdid peress li l-ferrovija tista’ tisparixxi f’postijiet remoti li xi drabi jiżvelaw pajsaġġi mill-isbaħ. Barra minn hekk, għall-itwal vjaġġi, għażilna li nivvjaġġaw bil-ferroviji ta’ billejl u dan ippermettielna nkopru l-irqad u nfaddlu xi flus ukoll minflok ma nonfquh fuq akkomodazzjoni.
Ovvjament, ma tistax tistenna li se torqod fl-ifjen kundizzjonijiet, speċjalment meta ma tkunx ħallast il-ħlas meħtieġ ta’ €30 jew €40 biex takkwista sodda żgħira prezzjuża.
Iżda dan ġieli jista’ jwassal għal laqgħat ġodda ma’ passiġġieri oħra jew għal diskussjonijiet animati ma’ spetturi Slovenjani. Barra dan, il-vjaġġi ġieli kienu jinvolvu konnessjonijiet redikoli. Pereżempju, meta nżilna mill-ferrovija billejl fi stazzjon iżolat f’post fl-imwarrab fil-Kroazja u lgħabna karti maġenb persuna bla dar waqt li stennejna għal 5 sigħat għall-ferrovija li jmiss kienet waħda minn dawk l-esperjenzi li qatt ma kienet ġratilna qabel imma li qatt m’aħna se ninsew.
Fl-opinjoni tiegħi, vjaġġ bil-ferrovija huwa esperjenza li għandek tipprova tal-inqas darba f’ħajtek minħabba li huwa differenti ħafna mill-komunissimu vjaġġ bl-‘ajruplan u lukanda’. Vjaġġ bil-ferrovija jġiegħlek tiltaqa’ ma’ nies oħra, li tfendi għal rasek meta tiltaqa’ ma’ ostakoli, li tmur postijiet fejn ma tantx imorru turisti u fl-aħħar mill-aħħar, biex tiskopri l-Ewropa minn lenti ġdida. Naħseb li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħżel biss żgħażagħ ta’ 18-il sena toffri esperjenza li hija katalist tajjeb għall-ħajja adulta f’termini ta’ indipendenza u kif tittratta kwistjonijiet.
Aċċessibbiltà li teħtieġ tibdil
Madankollu, jidher li hemm il-bżonn li l-aspett enfasizzat mill-Kummissjoni Ewropea ta’ “aċċessibbiltà għal kulħadd” jerġa’ jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta’ din il-kompetizzjoni. Anke jekk it-trasport ta’ spiss huwa l-iktar parti importanti tal-baġit għal vjaġġ bħalma huwa dan, ma tistax ma tqisx l-ikel u l-akkomodazzjoni.
Anke jekk dejjem tagħżel l-iktar għażla bażika, għandek bżonn tagħmel baġit ta’ bejn €150 u €300 għal ġimgħa safar. Dan jista’ ma jkunx kwistjoni għal xi nies, imma dawn l-ispejjeż mhumiex dejjem aċċessibbli għal studenti f’kulleġġ jew studenti tal-università, u rigal bħal dan malajr jista’ jwassal għal esperjenza qarsa hekk kif l-ispejjeż kollha neċessarji jibdew jakkumulaw, speċjalment meta jkollok tirriserva post fuq il-ferrovija li mhuwiex kopert mill-biljett Interrail. Għandek bżonn tagħmel baġit ta’ madwar €20 għal kull reżervazzjoni. Ħafna mir-rebbieħa esprimew id-diżappunt tagħhom fuq il-grupp ta’ Facebook dwar l-ispejjeż addizzjonali.
Permezz tal-pajsaġġi, il-lingwi, il-muniti, l-abitanti u t-tradizzjonijiet tal-Ewropa li esperjenzajt, il-programm #DiscoverEU tani ċ-ċans nara Ewropa verament mingħajr fruntieri. Ninsab iktar u iktar konvinta li l-UE għandha bosta riżorsi iżda tbati mis-saħta tal-injoranza taċ-ċittadini tagħha, liema injoranza tibqa’ ħajja kawża tal-komunikazzjoni limitata mill-UE u d-diffikultà li titkellem b’vuċi waħda. Huma għalhekk dawn l-inizjattivi prattiċi li l-UE hija nieqsa sew minnhom sabiex takkwista l-għan ewlieni tagħha li tgħaqqad (mill-ġdid) iċ-ċittadini tagħha.
L-Aħħar Kummenti