Il-ħajja mimlija ta’ Papillon

Is-sajf li għadda ntwera għall-ewwel darba fis-swali taċ-ċinema Ewropej il-film Papillon, li huwa verżjoni tal-film tal-1973 tal-istess isem. Dan il-film huwa dirett minn Michael Noer u ispirat mill-istorja drammatika ta’ Henri Charrière, li l-awtobijografija tiegħu ħasdet lid-dinja kollha.

Miktub minn Alessandra Ivaldi / 13.10.2018

Charrière, magħruf aħjar bħala “Papillon” (il-kelma Franċiża għal farfett), minħabba li kellu tatù ta’ farfett fuq sidru, twieled fl-1906 f’Ardèche, Franza. Fl-għoxrinijiet għex Pariġi bħala kriminali.

Nhar is-26 ta’ Marzu 1930, ħajjet Papillon inqalbet ta’ taħt fuq. Dakinhar, sid ħanut tal-laħam Roland Legrand, li kien iħaddem il-prostituti, indarab serjament permezz ta’ tir, u miet ftit wara fl-isptar, iżda mhux qabel ma żvela lill-pulizija l-isem tal-allegatament qattiel tiegħu: Papillon Roger.

Minħabba f’hekk Papillon spiċċa arrestat u ngħata sentenza ta’ xogħol iebes, minkejja l-fatt li hu dejjem ħalef li kien innoċenti. Huwa ttieħed fil-ħabsijiet terribbli tal-kolonji penali tal-Guyana Franċiża, li kienu magħrufa bħala ħabsijiet brutali għall-ħabsin.

Huwa pprova jiskappa diversi drabi flimkien ma’ priġunieri oħra, però dejjem kien jinqabad u jiġi meħud lura ’l ħabs, fejn kien jiġi ikkastigat b’iktar sentenzi inumani ta’ reklużjoni. Huwa għamilha taparsi kellu d-dimensja biex jintbagħat f’ażil minn fejn ikun jista’ jaħrab b’mod iktar faċli. Sfortunatament kellu jabbanduna din l-idea minħabba li safrattant faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija u matul dan iż-żmien, kull min kien jipprova jaħrab kienet tinqatalu s-sentenza tal-mewt.

Papillon qatta’ ħdax-il sena terribbli fil-ħabs. Skont il-ktieb tiegħu, huwa ġiet ttrasferit għal Devil’s Island, li kienet magħrufa għall-kattiverja lejn il-ħabsin u li kienet ikkunsidrata bħala post li impossibli taħrab minnu. Fuq din il-propju gżira, Papillon ippjana l-aħħar ħarba tiegħu li rnexxiet u fl-aħħar irnexxielu jħalli warajh il-Guyana Franċiża permezz ta’ raft magħmula mill-kokonuts. Iżda l-avventuri sfortunati tiegħu kienu għadhom ma wasslux fit-tmiem. Permezz tal-ħarba tiegħu, spiċċa l-Venezwela, fejn spiċċa arrestat u mitfugħ il-ħabs mill-ġdid. Fortunatament, il-kundizzjonijiet fil-ħabs il-ġdid kienu aħjar milli fil-kolonji penali Franċiżi.

Fl-aħħar inħeles, fis-sena 1945, u seta’ jitfa’ l-ankri fil-Caracas, fejn ġab ukoll ir-residenza, grazzi għaż-żwieġ tiegħu ma’ mara Venezwelana, Rita Alcover. Huwa fetaħ restorant u qatta’ ftit snin fil-paċi. Huwa sar magħruf ukoll mar-raħlin, imma fl-1967, terremot farrak dak kollu li kien ħadem qatigħ għalih. Dan xpruna lil Papillon biex jikteb u jbigħ l-awtobijografija tiegħu li mal-ewwel kisbet suċċess internazzjonali. Il-memorji tiegħu jitfgħu dawl fuq il-kundizzjonijiet tal-għixien tal-waħx fil-kolonji penali Franċiżi u wasslu għall-iktar għarfien u bidla fil-mentalità popolari madwar id-dinja kollha, b’mod partikolari fl-Ewropa.

U b’hekk bdiet ħajja ġdida għal Papillon għaliex ħadem fl-industrija tal-films bħala attur, kif ukoll ħadem ma’ diversi diretturi ċinematografiċi u kien determinat li jwassal l-istorja tiegħu għal fuq il-liżar. L-iktar direttur importanti kien Franklin J. Schaffner, li dderieġa l-film tal-1973 Papillon, li kiseb suċċess kbir. Il-film kellu lill-attur Steve McQueen fil-parti ta’ Henri Charrière u Dustin Hoffman bħala Louis Dega, ħaddied u ħabsi sieħeb Papillon.

L-aħħar ftit snin ta’ ħajtu, Papillon għexhom fil-paċi. Fl-1970 inħarġitlu maħfra mid-Dipartiment tal-Ġustizzja u seta’ jirritorna lejn l-Ewropa, b’hekk huwa mar joqgħod fi Fuengirola, Spanja. Huwa miet f’Madrid fl-1973 minħabba kanċer tal-griżmejn u ndifen f’Ardèche, ħdejn ommu.

Ħafna riċerkaturi llum il-ġurnata jaħsbu li l-awtobijografija ta’ Papillon m’għandhiex titwemmen kelma b’kelma; huwa possibbli li wħud mill-episodji u l-avventuri tiegħu ġraw fil-fatt lil sħabu l-ħabsin u mhux lilu, bħalma jgħid hu. Hi x’inhi l-verità, il-ktieb ta’ Papilllon tassew irnexxielu jiftħilna għajnejna għall-vjolenza li seħħet għal snin sħaħ fil-kolonji penali Ewropej, fatt mill-istorja tagħna li għal ħafna żmien inħeba fl-isfond.


Awtriċi

Alessandra Ivaldi (Italja)

Tistudja: Lingwi barranin għall-Komunikazzjoni Internazzjonali

Titkellem: Taljan, Ingliż, Ġermaniż, Franċiż

L-Ewropa hija… wirt kulturali.

Traduttriċi

Laura Cioffi (Malta)

Taħdem: Mużiċista u Għalliema tal-Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Qari tal-provi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Traduttriċi

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

This post is also available in Deutsch, English, Français, Italiano, Nederlands, Polski and [Main Site].

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php