Insiru Ċampjins tad-Dinja – eħfef milli tista’ timmaġina

Kulħadd iħobb jirbaħ. Imma li ssir Ċampjin tad-Dinja ttik taħlita ta’ emozzjonijiet speċjali – wara kollox, dan ikun ifisser li int l-aqwa fid-dinja kollha! Sfortunatament, din l-emozzjoni ftit hawn nies li jesperjenzawha. Jew? Forsi trid issib id-dixxiplina partikolari li tmur mat-talenti tiegħek biex jirnexxilek tispikka. Jekk għadek ma sibtx il-qasam tiegħek, hawn għandna xi alternattivi għall-isports li nafu bih, b’assessjar taċ-ċans li għandhom il-ġodda li jirbħu t-titlu prestiġjuż ta’ Ċampjin tad-Dinja.

Miktub minn Anja Meunier / 5.9.2018

Ġlied tas-swaba’ tas-saqajn

Dan l-isport ġie vvintat minn erba’ rġiel fl-Ingilterra li kienu xebgħu jittamaw li jkun hemm Kampjonat Dinji Ingliż, u sar popolari madwar id-dinja kollha. Minkejja dan, petizzjonijiet biex dan l-isport isir sport Olimpiku għadhom ma rnexxewx.

Regoli: Din il-logħba tintlagħab b’saqajn ħafjin. Il-plejers iridu jqabbdu subgħajhom ma’ ta’ xulxin u sieq kull plejer trid tkun ċatta fuq sieq il-plejer l-ieħor. Tat-tim l-ieħor iridu jippruvaw jagħfsu sieq ta’ kontrihom taħthom għal tliet sekondi. Hemm 3 rawnds, wieħed li jintlagħab bis-sieq il-leminija, ieħor bix-xellugija, u mbagħad jerġgħu bil-lemin.

Post: Il-Kampjonat Dinji tal-Ġlied tas-Swaba’ tas-Saqajn isir kull sena f’Fenny Bentley fl-Ingilterra.

Għall-ġodda: Għandhom ċans tajjeb, jekk għandhom saqajhom u subgħajhom b’saħħithom!

Toe Wrestlers

World Toe Wrestling Championship in Fenny Bentley, United Kingdom. Photo: Caravanum | CC BY 2.0

Tfigħ tal-bwiez

Jgħidu li dal-isport imur lura għall-Finlandja fis-seklu 19, imma kien dan l-aħħar li reġa’ sar popolari fil-Finlandja u lil hinn.

Regoli: Ir-regoli huma sempliċi – itfa’ l-buz tal-lasktu ’l bogħod kemm tista’.

Post: Il-Kampjonat Dinji tat-Tfigħ tal-Bwiez 2018 se jsir f’Kinnula fil-Finlandja fis-7 u t-8 ta’ Lulju, 2018.

Għall-ġodda: Il-komunità ta’ nies li jitfgħu l-bwiez mhix kbira wisq, li jagħti ċans lill-ġodda ta’ talent li jiksbu marki għoljin.

Kitarra fl-arja

Kereel ”Your Daddy” Blumenkrants

Kereel ”Your Daddy” Blumenkrants (RUS). Photo: Juuso Haarala / Air Guitar World Championships

Id-daqq tal-kitarra tal-arja jsir meta wieħed jitlef lilu nnifsu u jidħol fil-mużika mingħajr ma jkollu strument. Kulħadd jista’ jħossu stilla tar-rock billi jdoqq il-kitarra tal-arja. M’hemmx bżonn apparat, u m’hemmx limiti ta’ post jew ħiliet.

Regoli: L-istrument tal-parteċipant irid ikun inviżibbli, i.e. l-arja. Il-parteċipanti jistgħu jdoqqu kanzunetta li jagħżlu huma, u r-rebbieħ jintagħżel mill-ġurija.

Post: Il- Kampjonat Dinji tal-Kitarra tal-Arja jsir kull sena f’Oulu fil-Finlandja, din is-sena se jkun bejn it-22 u l-24 t’Awwissu.

Għall-ġodda: Il-ġodda jistgħu jinkitbu billi jieħdu sehem f’kompetizzjoni li tikkwalifikahom għall-finali jum qabel il-Kampjonat innifsu. Ir-rebbieħa ta’ dil-kompetizzjoni jgħaddu għall-kompetizzjoni proprja kontra ċ-Ċampjins Nazzjonali u ċ-Ċampjin Dinji. Għalhekk, anke dawk ġodda fjamanti jistgħu jsiru leġġendi mil-lejl għan-nhar.

Xomm it-tabakk

Insa Oktoberfest, dan l-isport hu turija vera tal-kultura tal-Bavarja. Forsi mhux xena daqshekk sabiħa, imma awtentika żgur.

Regoli: Il-parteċipanti għandhom minuta biex ideffsu 5 grammi ta’ tabakk fi mneħirhom. Jekk jagħtsu jew ipoġġu t-tabakk xi mkien ieħor apparti minn imneħirhom, jiġu diskwalifikati mill-kompetizzjoni. Wara li jgħaddi l-ħin, it-tabakk li jifdal jiġi mkejjel sal-0.1% ta’ gramma biex jiġi żvelat ir-rebbieħ.

Post: Dis-sena, the il-Kampjonat Dinji ta’ Xomm it-Tabakk se jsir f’Knodorf-Irsching fil-Ġermanja fit-30 ta’ Ġunju, 2018.

Għall-ġodda: F’din id-dixxiplina, anke dawk li mhumiex daqshekk atletiċi jistgħu jispikkaw. Imnieħer kbir u eżattezza huma importanti ħafna f’dal-isport. Filwaqt li ħafna mir-rebbieħa kienu mill-Awstrija, mill-Ġermanja u mill-Iżvizzera, kien hemm xi sorpriżi fir-rebbieħa fis-snin li għaddew.

Mogħdija estrema

Jekk m’intx tfittex biss biex tirbaħ ir-rigali, imma anke biex issebbaħ il-profil tiegħek fuq Instagram, dan jaf ikun l-isport it-tajjeb għalik.

Regoli: Kulma trid tagħmel hu li tgħaddi l-ħwejjeġ fl-aktar postijiet estremi possibbli. Id-dixxiplini uffiċjali huma Rocky Style (fil-muntanji jew int u tiela’), Water Style (fuq jew taħt l-ilma), Urban Style (fil-belt), Forest Style (fix-xagħri jew fuq is-siġar), Synchronised Ironing (mogħdija sinkronizzata) u Freestyle. L-ewwel u l-uniku Kampjonat Dinji kien sar fl-2002 fil-Ġermanja, fejn il-kontestanti kellhom jgħaddu mill-parkour u ġew iġġudikati fuq il-veloċità, il-kreattività u tikmix fil-ħwejjeġ mgħoddija tagħhom.

Post: L-aktar post estrem li tista’ ssib.

Għall-ġodda: Għalkemm bħalissa m’hemmx kampjonat dinji ppjanat, tista’ ssir famuż billi tikser wieħed mir-rekords dinjin. Imma diffiċli, għax ir-rekord ta’ mogħdija taħt l-ilma hu ta’ 137 metru u r-rekord ta’ mogħdija fl-għoli hu ta’ 6.962m.

Isserfjar tal-Klieb

Jekk tippreferi tiddelega x-xogħol iebes li tirbaħ il-midalji tad-deheb lil sħabek b’erba’ saqajn, din hi l-kompetizzjoni għalik.

Regoli: Il-klieb jisserfjaw għal 10 minuti, li fihom jippruvaw isibu mewġ kemm jistgħu. Il-punti jingħataw skont kemm idumu jisserfjaw, skont it-teknika tagħhom, il-kunfidenza, il-qies u l-qawwa tal-mewġa, u aspetti stilistiċi oħra.

Post: Il-Kampjonat Dinji għall-Isserfjar tal-Klieb 2018 ikun fl-4 t’Awwissu fil-kosta ta’ North Carolina. Aktar minn hekk, hemm diversi kompetizzjonijiet iżgħar madwar id-dinja.

Għall-ġodda: Jekk għadu ma rnexxilekx tittrenja lill-kelb biex iqum fuq l-4 saqajn u jitlob għal xi ħaġa, forsi din mhix il-kompetizzjoni għalik. Jekk iva, għaliex ma tippruvahiex?

Surfing dog

Ritratt: Kelb jisserfja StarFlames | CC0 1.0

Karta, ġebla jew imqass

Dil-logħba hi magħrufa madwar id-dinja b’diversi ismijiet, bħal “Schnick, Schnack, Schnuck” fil-Ġermanja jew “Kawi-Bawi-Bo” fil-Korea. Ħafna drabi tintlagħab biex tintgħażel persuna minn tnejn. Imma peress li l-persuna ma tintgħażilx bl-addoċċ u tista’ tintlagħab b’ċerta ħila, hi logħba tajba għal tournaments ta’ gost ukoll.

Regoli: Il-ġebla tirbaħ lill-imqass, l-imqass jirbaħ lill-karta u l-karta tirbaħ lill-ġebla. Faċli.

Post: Il-Kampjonati Ewropej RPS 2018 se jsiru f’Londra fit-3 ta’ Novembru 2018.

Għall-ġodda: Għall-ġodda, aktarx m’hemmx logħba aħjar minn din.

Titkerrah

Dehra sabiħa taf tieħdok ħafna postijiet fil-ħajja – imma f’dil-kompetizzjoni kulma jgħodd hu li titkerrah kemm tista’.

Regoli: Hemm kompetizzjonijiet separati għall-irġiel, nisa u tfal. L-għan hu li tagħmel l-agħar wiċċ li tista’, u r-rebbieħ jintgħażel mill-ġurija.

Post: Il-Kampjonati Dinjin ta’ Titkerrah isiru kull sena waqt il-Fiera Egremont Crab fl-Ingilterra, dis-sena bejn l-14 u l-15 ta’ Settembru 2018.

Għall-ġodda: Il-kompetizzjoni hi iebsa f’dal-kuntest stramb. Tommy Mattinson mir-Renju Unit rebaħ fil-kampjonat tal-irġiel 15-il darba, filwaqt li Anne Woods rebħet tan-nisa 28 darba, qabel ma mietet fl-2015. Kontestant famuż ieħor, Peter Jackman, anke neħħa snienu fl-2000 biex ikun jista’ jimmanuvra aħjar.

Awtriċi

Anja Meunier (Ġermanja)

Tistudja: il-Matematika u l-Ekonomija

Lingwi: il-Ġermaniż, l-Ingliż, l-Ispanjol

L-Ewropa għandha… pajjiżi sbieħ, nies interessanti u ħajja tal-ġenn. U jeħtieġ li tibqa’ magħquda.

500px: Anja Meunier

Traduttriċi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: il-Malti fl-Università

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Qari tal-provi

Laura Cioffi (Malta)

Taħdem: Mużiċista u Għalliema tal-Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php