Filwaqt li l-politika Ewropea għaddejja tiddiskuti l-miżuri politiċi simboliċi, u l-popolisti tal-lemin fil-pajjiżi kollha qed jippruvaw jgħaddu liġijiet rigward id-deportazzjonijiet u jipprevjenu l-immigrazzjoni, mijiet ta‘ nies jibqgħu jitilfu ħajjithom fil-Meditterran, huma u jippruvaw jaqsmu għall-Ewropa mill-baħar. Nies ċivili tas-salvataġġ fuq il-baħar qed jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jipprevjenu dan – u talli qed jagħmlu dan, qed jiġu kkritikati u kkriminalizzati bl-ikrah. Tkellimna ma‘ Claus-Peter Reisch, il-kaptan ta‘ Lifeline, dwar din is-sitwazzjoni taħraq.
Miktub minn Anja Meunier / 24.7.2018

Claus-Peter Reisch, Il-Kaptan ta’ Lifeline.
Photo: Anja Meunier
Lifeline huwa vapur tas-salvataġġ mill-organizzazzjoni ċivili għas-salvataġġ fuq il-baħar MISSION LIFELINE. L-ekwipaġġ tagħha jsalva lin-nies milli jegħrqu fil-Meditterran. Wara li l-vapur tella’ 234 ruħ abbord f’Ġunju li għadda, l-ewwel l-Italja, imbagħad Malta t-tnejn ma ħallewhomx idaħħlu l-vapur fil-baċiri tagħhom. Kien biss wara ħamest ijiem li l-vapur ingħata permess biex jidħol fil-port tal-belt Valletta, iżda minnufih bdew il-proċeduri legali kontra Claus-Peter Reisch u l-vapur ġie issekwestrat. Iltqajna mas-Sur Reisch mal-ġenb tat-triq fejn kienet qed issir il-protesta ‘Ausgehetzt’ (“waqqfu d-diskors tal-mibegħda”) fi Munich.
MH: Sur Reisch, il-vapur tiegħek, Lifeline, qiegħed Malta bħalissa u ma jistax jitlaq. Għaliex?
Reisch: Mhuwiex biss il-vapur tagħna li qiegħed Malta u ma jistax isalpa, imma t-tliet vapuri li normalment ikunu stazzjonati Malta m’għandhomx il-permess li jsalpaw. Wieħed minnhom peress li l-awtorità Maltija għat-traffiku mhix qed tippermettieh jagħmel dan u m’għandniex il-permess li nsalpaw aħna minħabba li l-vapur ġie issekwestrat bħala evidenza fis-sentenza kontrija. Bħalissa fil-fatt, qed niddiskutu dwar jekk iċ-ċertifikat huwiex validu jew le, ċertifikat li mhuwiex skadut u lanqas m’hu falz. Id-dinja m’għadx fiha sens. M’għadniex qed niddiskutu s-salvataġġi fuq il-baħar, li huwa s-suġġett li jimpurtani minnu.

Salvaturi fuq il-baħar u rifuġjati fuq dgħajsa tal-gomma. Ritratt: Danilo Campanilla / Mission Lifeline
MH: Bħalissa hemm xi vapuri ċivili oħrajn li qed iwettqu salvataġġi fuq il-baħar fil-Meditterran?
Reisch: Bħalissa għad hemm tliet vapuri fuq il-baħar, imma qed jiġu kkoordinati minn Spanja u qed jieħdu wkoll lir-rifuġjati Spanja. Iridu jittraspurtaw lin-nies fuq distanzi twal. B’dan il-mod, il-vapuri jinżammu barra miż-żona tas-salvataġġ fuq il-baħar. Mhijiex l-għażla tagħna f’liema portijiet nieħdu lin-nies; jiġu assenjati lilna mill-aġenziji tal-gvern. Ma niddeċidux aħna fejn nieħdu lir-rifuġjati.
MH: Kritiċi tas-salvataġġi fuq il-baħar jgħidu li, li kieku ma kienx hemm vapuri tas-salvataġġ, kienu jkunu inqas in-nies li jippruvaw jagħmlu dan il-vjaġġ bil-baħar. F’dawn l-aħħar ġimgħat, issa li hemm inqas vapuri tas-salvataġġ, rajt xi evidenza ta’ dan?
Reisch: Le, l-oppost eżatt. Qed imutu iktar nies minn qatt qabel. Lulju tal-2018 se jibqa‘ magħruf bħala l-iktar xahar qerriedi fl-istorja tas-salvataġġ fuq il-baħar. It-traffikanti tan-nies ma jimpurtahhomx minn jekk isalvawx in-nies jew le. In-negozju sar; flushom ħaduh u n-nies qed jintremew fil-baħar.

Nies salvati fuq il-vapur. Ritratt: Hermine Poschmann / Mission Lifeline
MH: Il-vapuri li tara fil-baħar ta’ spiss huma ma jkunux tajbin għal fuq il-baħar. Ir-rifuġjati għala jaċċettaw li jirkbu dawn id-dgħajjes?
Reisch: Ifhem, dawn in-nies ma jkollhomx esperjenza ta’ baħar. Jiġu minn pajjiżi mis-sub-Saħara, mis-Saħara. Hemmhekk m’hemmx baħar. Hemm baħar ta’ ramel. Imbagħad, f’xi punt, jaraw dan il-volum enormi ta’ baħar, li qatt qabel ma jkunu raw f’ħajjithom, u ovvjament, ħafna minnhom jibdew jibżgħu. Imma jekk ma jirkbux id-dgħajsa minn rajhom, jisparaw fuq xi tnejn jew tlieta minnhom, u jitilgħu l-oħrajn.
L-għan tal-organizzazzjoni huwa li jsalva lil kull persuna milli tegħreq u lil kull persuna li tinsab f’diffikultà fil-baħar. Għalhekk, qed tiffoka fuq iż-żona fil-baħar fejn bħalissa qed imutu l-iktar nies – il-Meditterran ċentrali. L-organizzazzjoni tippattulja l-kosta Libjana bil-vapur tagħha ‘LIFELINE’ f’ibħra internazzjonali u tfittex għal nies li jinsabu f’diffikultà, issalvahom u tieħu ħsiebhom. Tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet oħrajn ta’ għajnuna u ta’ salvataġġ f’dan l-isforz. B’riżultat ta’ dan, fl-2017, issalvaw mijiet ta’ persuni.
Jekk tixtieq tappoġġa MISSION LIFELINE, tista’ tagħmel dan billi tagħti donazzjoni (IBAN: DE85 8509 0000 2852 2610 08) jew billi tixtri xi ħaġa mill-Merchandising-Shop.
MH: Il-fatt li r-rifuġjati jittieħdu l-Ewropa wara u mhux lura lejn il-Libja jew xi pajjiż ieħor fl-Afrika ta’ spiss tirċievi kritika. X’inhi r-raġuni għal dan?
Reisch: Hemm bosta raġunijiet għal dan. Raġuni minnhom hija li niġu assenjati l-port, dak li jissejjaħ il-Port tas-Sigurtà, miċ-Ċentru għall-Koordinazzjoni għas-Salvataġġ f’Ruma. Jassenjawlna port u aħna rridu mmorru f’dak il-port. Jien m’għandix għażla f’dan. It-tieni punt huwa li teżisti il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u din tgħid li ma tistax tieħu lin-nies lura fil-pajjiż li jkunu qed jaħarbu minnu. F’dak il-każ, ikolli nieħu n-nies lura l-Libja. M’għandix permess nagħmel dan. Li kieku nagħmel hekk, inkun ħati ta’ offiża. Barra minn hekk, ikun perikoluż ħafna għalija, għall-ekwipaġġ tiegħi u għall-vapur tiegħi jekk nidħlu f’ibħra Libjani. Qed isseħħ gwerra ċivili hemmhekk, u min se jivvjaġġa b’mod volontarju f’pajjiż li għaddej minn gwerra ċivili? It-Tuneżija lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata. Veru li mhix għaddejja gwerra ċivili imma mhix pajjiż sikur lanqas. In-nies hemmhekk qed jiġu deportati f’hekk imsemmija ktajjen ta’ deportazzjoni u l-Amnesty International qed tirrapporta li fit-Turkija qed issir it-tortura u ħwejjeġ simili.

Lifeline fil-baħar Meditterran. Ritratt: Hermine Poschmann / Mission Lifeline
MH: L-akkużazzjonijiet kontrik u dwar is-sekwestru ta’ Lifeline u ta’ vapuri oħrajn attiraw ħafna attenzjoni mill-midja. X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar l-atmosfera rigward is-salvataġġi fuq il-baħar?
Reisch: Naħseb li ħafna nies ftakkru li hemm ħafna nies li qed imutu fl-istess ħin fil-baħar Meditterran ċentrali, speċjalment minħabba li bħalissa m’hemmx ekwipaġġi independent li jagħmlu salvataġġi. Inċidentalment, dawn il-vapuri jsalvaw 40% “biss” tan-nies. Is-salvataġġi l-oħrajn isiru minn bastimenti tal-merkanzija, u parzjalment ukoll, mill-militar, li suppost issa sar illegali wkoll. Jekk ma nsalvawx in-nies aħna, ħadd mhu se jagħmel dan, u n-nies se jispiċċaw imutu hemmhekk.
MH: X’ħiliet irid ikollok jekk trid tkun involut fis-salvataġġi fuq il-baħar fuq vapuri ċivili? Min hu meħtieġ?
Reisch: Mission Lifeline dejjem se jilqa’ operaturi, mekkaniks esperjenzati fuq il-vapuri, teknixins tal-bastimenti u inġiniera. Għandhom rwol importantissimu fuq il-vapur. Neħtieġu wkoll navigaturi, kif ukoll paramediċi, elektrixins, tobba tal-emerġenza jew kirurgi u infirmiera esperjenzati. Neħtieġu wkoll nisa fuq il-vapur peress li nsalvaw ħafna nisa u tfal żgħar u dawn ikollhom relazzjoni differenti ma’ tabiba jew ma’ infirmiera mara milli ma’ raġel.

Nies salvati fuq il-vapur. Ritratt: Danilo Campanilla / Mission Lifeline
MH: Nies li ma jissugrawx jagħmlu dan ix-xogħol diffiċli kif jistgħu jappoġġjaw lill-membri tas-salvataġġ mill-art?
Reisch: L-ewwelnett, permezz tad-donazzjonijiet, u dan japplika għal kull sitwazzjoni. Niffinanzjaw dan il-vapur mid-donazzjonijiet biss. Mission Lifeline tqumilna €2500 kull jum. Neħtieġu ammont pjuttost kbir ta’ dijżil u dejjem ikollna t-tiswijiet x’nagħmlu. Din hija xi ħaġa normali ħafna għal vapuri. Qed infittxu nies ukoll li jistgħu jgħinuna fir-relazzjonijiet mal-midja jew fl-uffiċini.
MH: Għandek xi talbiet konkreti li tixtieq tagħmel lill-gvernijijet, lill-UE jew lill-politika b’mod ġenerali?
Reisch: Ovvjament, l-ewwelnett, is-salvataġġi fuq il-baħar m’għandhom qatt jiġu kriminalizzati. Bħalissa qed jippruvaw jisfurzawna f’kantuniera, li huwa totalment mhux vijabbli. Kont negozjant fil-passat; m’għandix bżonn naqla’ flus mit-traffikar tal-bnedmin, xi ħaġa li ma nagħmlux lanqas. Dawk huma allegazzjonijiet għal kollox mingħajr bażi. Jeħtieġ li dan jieqaf. Jeħtieġ li ningħataw status biex inkunu nistgħu nsalpaw bil-vapuri tagħna u mal-ekwipaġġi kkwalifikati tagħna. Dan huwa importanti ħafna. U fuq kollox, jeħtieġ li nibdew nittrattaw ir-raġunijiet għaliex in-nies qed jaħarbu. Ilna nitkellmu fuq din il-kwistjoni għal 30, 40 sena, imma qatt ma sar xejn. Kollu kliem biss mingħajr ebda azzjoni.
Għal iktar informazzjoni dwar kif tista’ tappoġġa lill-ekwipaġġi tas-salvataġġ fuq il-baħar, agħfas fuq here.
L-Aħħar Kummenti