L-Iljieli Maġiċi ta’ San Giovanni

Turin, il-kapitali ta’ Piemonte fit-Tramuntana tal-Italja. Belt tal-arti, b’binjiet meraviljużi mibnija mill-familja rjal Savoy, il-pjazzez il-kbar tagħha, il-mużewijiet. Belt magħrufa għall-futbol u l-lowgo tal-FIAT. Però, Turin għandha wkoll lat moħbi li ħafna ma jafux dwaru, lat konness mal-maġija u twemmin antik pagan.

Miktub minn Alessandra Ivaldi / 23.6.2018

Il-belt kapitali ta’ Piemonte minn dejjem kienet post maġiku, fejn it-tradizzjonijiet Kristjani u Pagani jitwaħħdu f’armonija. Fuq naħa minnhom, kulħadd jaf li fil-katidral tal-belt, jew id-Duomo, jinsab il-liżar ta’ Turin, li jattira folol ta’ segwaċi reliġjużi li jiġu biex jaraw din ir-relikwa b’għajnejhom stess. Mill-banda l-oħra, ftit huma dawk li jafu li Turin hija rikonoxxuta għall-prattika tal-arti okkulti, peress li hija l-punt ta’ tlaqqigħ ta’ żewġ “triangoli maġiċi” – wieħed abjad li jgħaqqadha ma’ Lyon u Praga, u wieħed iswed li jgħaqqadha ma’ Londra u San Francisco.

Jgħidulek li dawn huma biss leġġendi, imma dawn is-superstizzjonijiet kif jirnexxielhom jinfiltraw il-ħajja konkreta ta’ belt moderna u dinamika? Għal dan trid tifhem li għal jumejn fis-sena, Turin terġa’ tgħajjex il-maġija tal-passat u tiċċelebra anniversarju kurjuż, li twieled mit-twaħħid ta’ twemmin pagan u Kristjan.

Dan l-anniversarju jseħħ fit-23 u l-24 ta’ Ġunju, meta n-nies lokali ta’ Turin jiċċelebraw il-padrun tal-belt, San Ġwann. Saħansitra fil-Medju Evu, kien tradizzjonali li ma jkun hemm ebda attività fil-belt għal jumejn sħaħ propju għal dan l-anniversarju importanti li għandu għeruq iżjed antiki. Traċċi tal-oriġini ma jinstabux biss fl-Italja, iżda wkoll f’pajjiżi Ewropej oħra.

“L-iljieli ta’ San Ġwann iqassmu l-‘mosto’, iż-żwieġ, il-qamħ u l-qamħirrun.” (‘mosto’ huwa l-isem mogħti lill-għeneb magħsur qabel ma tibda l-fermentazzjoni biex isir l-inbid). Dan il-qawl, b’oriġini Venezjani, juri kif ċertu twemmin dwar il-lejl bejn it-23 u l-24 ta’ Ġunju nfirex mal-pajjiż kollu. Huwa maħsub li waqt dan il-lejl partikolari, wieħed jista’ jinfluenza l-ħsad tas-sena li ġejja permezz tal-maġija (b’hekk ir-referenza għall-‘mosto’, il-qamħ u l-qamħirrun), kif ukoll id-destin tat-tfajliet li wasslu fl-età taż-żwieġ.

Ritwali profetiċi jsejħu għal żieda fl-ammont ta’ ħġejjeġ tan-nar, kemm fil-kampanja u kif ukoll fl-ibliet, tradizzjoni li għadha tiġi osservata f’diversi postijiet, u mhux biss fl-Italja.

Pereżempju, fil-pajjiżi Skandinavi, dan jirrapreżenta anniversarju importanti li waqtu, dawn il-ħġejjeġ spettakolari jinfdu d-dalma ta’ din il-lejla maġika, jiskorraġġixxu l-ispirti l-ħżiena u jagħtu l-ħajja lill-pajsaġġ pittoresk. L-Ingliżi wkoll għandhom t-twemmin tagħhom relatat ma’ dan iż-żmien tas-sena partikolari. Tgħid jaħsbu li forsi kienet kumbinazzjoni li l-avvenimenti maġiċi tad-dramm “A Midsummer Night’s Dream” ta’ Shakespeare jseħħu waqt il-lejl ta’ San Ġwann?

Ejja nibqgħu fl-Italja, speċifikament f’Turin. Il-festivitajiet li jseħħu fiċ-ċentru tal-belt jinkludu diversi attivitajiet: xows fil-pjazez, logħob, kunċerti, attivitajiet tad-divertiment għat-tfal … Imma bla dubju, l-iktar mumenti importanti waqt dawn il-jumejn ta’ festa huma dawn li ġejjin: il-Farò (il-Ħuġġieġa), il-parata tal-kostumi u l-logħob tan-nar pirotekniku.

Nhar it-23 ta’ Ġunju wara nofsinhar, it-toroq ta’ Turin jiġu invażati minn parata ta’ kostumi storiċi li jfakkru l-passat glorjuż tal-belt. Passat li tul is-sekli, minn żmien l-antikwità, kien taħt l-okkupazzjoni Rumana, u mbagħad il-belt kapitali tar-Renju ta’ Sandenja spiċċat taħt il-familja Savoy u finalment, spiċċat bħala l-belt kapitali tar-Renju tal-Italja mill-1861 sal-1865.

Il-parata tispiċċa għall-ħabta tal-10 ta’ filgħaxija fi Piazza Castello, quddiem Palazzo Madama (il-sede tas-Senat Taljan), wieħed mill-binjiet meraviljużi li nbnew fil-belt mill-familja Savoy waqt ir-Renju tagħha.

Huwa sewwasew f’din il-pjazza fejn ta’ kull sena, wara tmiem il-parata tal-kostumi, isir il-Farò spettakolari. Farò, fil-lingwa ta’ Piemonte, tfisser ‘ħuġġieġa’. Id-dawl tal-ħuġġieġa jdawwal Piazza Castello tul il-lejl kollu.

Fil-qalba tal-ħuġġieġa tittella’ forma kbira ta’ barri, is-simbolu tal-belt ta’ Turin. Il-fjammi jikkunsmaw din il-forma u f’xi ħin matul il-lejl, il-forma tal-barri taqa’ mal-art. Anka llum il-ġurnata, in-naħa ta’ fejn jaqa’ l-barri hija meqjusa bħala predikazzjoni ta’ jekk is-sena li ġejja hix se tkun sena mimlija ġid jew deni għall-belt. Jekk jaqa’ f’direzzjoni minnhom, il-barri jsib ruħu taħt l-influenza tal-maġija sewda, mentri jekk jaqa’ fid-direzzjoni l-oħra, il-Belt u l-abitanti tagħha jkunu taħt il-protezzjoni tal-maġija bajda.

Il-festa ta’ San Ġwann tradizzjonalment tiġi fi tmiemha fil-lejl tal-24 ta’ Ġunju permezz ta’ spettaklu tal-logħob tan-nar tal-arju li jdawwal is-sema ta’ Turin u jirrifletti fuq ix-xmara Po li taqsam il-belt.

Din is-sena l-Kunsill ta’ Turin ippropona alternattiva unika għall-ispettaklu tradizzjonali tal-logħob tan-nar. Biex idawwal ix-xmara Po, se jkun hemm armata ta’ 200 drone jiddi. Id-dinja miexja ’l quddiem, però t-tekonoloġija qatt ma tista’ toħlom li t-tradizzjonijiet antiki jingħataw il-ġenb. Minflok, ikollhom jiġu ntegrati flimkien, bħalma l-Kristjaneżmu kellu jitwaħħad mal-maġija antika pagana.

Awtriċi

Alessandra Ivaldi (l-Italja)

Tistudja: Il-Lingwi Barranin għall-Komunikazzjoni Internazzjonali

Lingwi: Taljan, Ingliż, Ġermaniż, Franċiż

L-Ewropa hija… wirt kulturali.

Traduttriċi

Laura Cioffi (Malta)

Taħdem: Mużiċista u Għalliema tal-Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.


Qari tal-provi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Traduttriċi mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

This post is also available in English, Français, Italiano and [Main Site].

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php