‘Hong Kong mhix Xianggang”

Ir-ritratti mill-Moviment tal-Umbrella daru madwar id-dinja kollha, imma minn dak iż-żmien ’l hawn, Hong Kong sparixxiet mill-palk dinji. Tjiebet is-sitwazzjoni minn dakinhar? Le, għall-kuntrarju. L-attivisti minn Meta Hong Kong mhumiex lesti li jaċċettaw din is-sitwazzjoni u qed jagħmlu kampanja għal Hong Kong aktar demokratika u soċjali.

Miktub minn Anja Meunier / 16.4.2018

“Hong Kong mhix Xianggang! Issapportjawna! Hong Kong mhix Xianggang!” tirrepeti l-vuċi għal darba darbtejn minn fuq il-megafon waqt il-Fiera tas-Sena l-Ġdida Ċiniża f’Victoria Park f’Hong Kong. Fost l-istudenti tal-gruppMeta Hong Kong hemm Francis Cheong u Dennis Shan, u qegħdin jippruvaw jinteraġixxu man-nies biex iqajmu kuxjenza fuq il-kwistjonijiet politiċi varji. Qegħdin ibigħu basktijiet u flokkijiet b’kartuns u frażijiet fuqhom li jikkritikaw l-inġustizzji soċjali, u l-involviment li dejjem jikber taċ-Ċina fir-reġjun awtonomu.

Francis jispjega t-tifsira tal-frażi “Hong Kong mhix Xianggang.” “L-isem oriġinali tal-belt hu Hong Kong, imma jekk tħares lejn mappa miċ-Ċina, xi drabi tara l-isem Xianggang, b’romanizzazzjoni u pronunzja differenti. Imma jekk tippronunzja Hong Kong bħala Xianggang, mela titqies kelma sempliċi bil-Mandarin u titlef it-tifsira ta’ Hong Kong.” L-isem Hong Kong jgħodd ukoll bħala simbolu tal-indipendenza politika u kulturali. “Iċ-Ċina għandha influwenza kbira fuq Hong Kong, allura nittamaw li dawn il-prodotti jistgħu jqajmu kuxjenza.”

“Hong Kong mhix Xianggang!” jgħajjat Francis minn ġol-megafon. © Anja Meunier

Fis-snin ta’ qabel il-bidla f’Hong Kong minn kolonja Brittanika għaċ-Ċina fl-1997, għall-ewwel ħafna residenti inkwetaw fuq kif se jżommu l-libertajiet tagħhom. Kien hemm biża’ mir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-kelma, u laqgħat tal-midja u tal-pubbliku. Ma kienx il-każ. Wara li ngħata liċ-Ċina, Hong Kong ngħatat l-istatus ta’ Reġjun Amministrattiv Speċjali u l-indipendenza politika tagħha kienet garantita taħt il-prinċipju ta’ “Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi.”

Madankollu, wara perjodu twil ta’ awtonomija vera, il-gvern Ċiniż beda proċess gradwali ta’ tibdil u influwenza. F‘Hong Kong, tapplika l-hekk imsejħa Liġi Bażika, il-kostituzzjoni tal-Hong Kong. Minkejja dan, f’każi ta’ inċertezza, il-Kungress tal-Poplu Ċiniż għandu l-opportunità li jiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn il-liġijiet. Dan jista’ jsir permezz tal-inizjattiva tal-gvern ta’ Hong Kong, l-ogħla qorti f‘Hong Kong jew il-Kungress innifsu. “Fil-passat, din is-sistema bilkemm intużat, għax għandna wkoll il-Qorti tal-Appell Finali. Normalment il-problema tissolva hemmhekk. Imma riċentement, il-Gvern Ċiniż beda juża din is-sistema biex jinterpreta l-Liġi Bażika,” jispjega Francis. “Minħabba f’hekk, il-ġenerazzjoni l-ġdida qiegħda tinkwieta għall-futur ta’ Hong Kong. Għad għandna awtonomija?”

Meta l-kurrikulu nazzjonali Ċiniż kien se jiġi introdott f’Hong Kong fl-2012, dan wassal għal dimostrazzjonijiet mill-popolazzjoni studenteska, immexxija minn Joshua Wong, li dak iż-żmien kellu biss 14-il sena. L-okkupazzjoni tal-Pjazza Ċivika eventwalment wasslet lill-gvern biex jikkapitula parzjalment. L-iskejjel għandhom jingħataw id-dritt li jagħżlu minn jeddhom il-kurrikulu li jridu jgħallmu.

L-aħħar sensiela ta’ protesti f’Hong Kong saret fl-2014, wara d-deċiżjoni tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż li jħalli biss numru mill-kandidati joħorġu għall-elezzjoni tal-pożizzjoni ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong, ivverifikata mill-kumitat Ċiniż. Għall-ewwel, madwar 5000 student ipprotesta barra l-kwartieri tal-gvern; 100 minn dawn reġgħu mmarċjaw madwar il-Pjazza Ċivika fis-26 ta’ Settembru, immexxija minn Joshua Wong, li issa kellu 16-il sena. Iżda wara intervenzjoni tal-pulizija – partikolarment bl-użu tal-gass tad-dmugħ fuq l-istudenti li kienu qed jagħmlu dimostrazzjoni paċifika – eluf oħra ngħaqdu magħhom b’solidarjetà. Dan wassal għal madwar 100,000 protestant. L-istudenti okkupaw id-distrett Ċentrali għal ġimgħat sħaħ. Ir-ritratti li dehru madwar id-dinja saru magħrufa bħala l-Moviment tal-Umbrella – bl-umbrella bħala s-simbolu tar-reżistenza paċifika tal-gass tad-dmugħ. Din il-battalja finalment spiċċat mingħajr ebda riżultat ċar fil-15 ta’ Diċembru meta l-pulizija battlu l-post.

Kienu ta’ suċċess il-protesti? “B’ċertu mod għamlu ħafna suċċess. Ġew irrappurtati minn numru sabiħ ta’ midja minn madwar id-dinja, ħolqu kuxjenza internazzjonali u żiedu l-pressjoni fuq il-Gvern Ċiniż biex jagħti iżjed libertà lin-nies ta’ Hong Kong. Minn daqshekk naħseb li rnexxa Joshua Wong,” jgħid Dennis. Il-protesti qajmu kuxjenza dwar il-problema mhux internazzjonalment biss. F’Diċembru tal-2017, fi stħarriġ mill-Università ta’ Hong Kong, minn 134 persuna ta’ bejn it-18 u d-29 sena, 69.7% qalu li jqisu lilhom infushom bħala nies ta’ Hong Kong, aktar milli Ċiniżi. F’nofs l-2014, qabel il-protesti studenteski, ir-riżultati wrew 53.1% biss. Madankollu, apparti minn iżjed kuxjenza tal-problema, il-moviment ma wasal imkien, jgħid Francis. “Jekk titkellem fuq dak li kiseb b’suċċess, voldieri jekk l-influwenza taċ-Ċina naqsitx, it-tweġiba hi le, ma rnexxiex f’hekk. L-influwenza tal-Gvern Ċiniż qiegħda biss tiżdied.”

L-istudenti għandhom ideat oħra, barra minn protesti u kunflitti. “Meta bdejna l-grupp tagħna Meta Hong Kong kellna ħsieb. Il-problemi politiċi fil-Hong Kong ma jistgħux jissolvew b’mezzi politiċi,” jiftakar Francis. “Meta l-Gvern Ċiniż iżur il-Hong Kong, mhux mal-Gvern ta’Hong Kong l-ewwel ma jiltaqa’. Jiltaqa’ mas-sinjuri, in-nies ta’ poter. F’Hong Kong, is-sinjuri għandhom iżjed poter mill-Gvern. Għalhekk, il-ħolma tagħna kienet li nsiru kumpanija kbira, biex inħallu l-poter ekonomiku jsir il-poter tan-negozju tagħna. Imma naħseb dan għadu ’l bogħod…”

Francis u Dennis mal-kollega tagħhom Prudence quddiem l-istand tal-Meta Hong Kong stand. © Anja Meunier

Bħalissa, għadna qed niffukaw fuq il-konverżazzjoni u l-persważjoni. “Fil-fiera tas-Sena l-Ġdida ta’ din is-sena, se nippruvaw nolqtu nies minn ġenerazzjonijiet differenti. Ħafna nies jiġu hawn, nies mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna, u anke nies bħalna,” jispjega Dennis. “Nibdew inkellmu lin-nies, nispjegawlhom x’qed naħsbu u nippruvaw inġegħluhom jifhmu l-importanza li nżommu l-kultura tagħna u li ma nkunux influwenzati mill-Gvern Ċiniż.”

Imma qalb l-istands tal-apparat tal-mowbajls, tat-tindif, tal-fjuri jew tal-ħelu, ftit min-nies huma interessati fil-messaġġ politiku tal-attivisti żgħażagħ. Francis jikkritika n-nuqqas ta’ interess taċ-ċittadini żgħażagħ tal-Hong Kong. “Bilkemm jaqraw l-aħbarijiet, moħħhom biex jistudjaw ħa jsibu xogħol u daqshekk. Dik hi ħajjithom. Naħseb li tad-dwejjaq ħafna,” jgħid. “Min-naħa l-oħra, nies akbar ħafna drabi juru appoġġ kbir lill-Gvern, jagħmel x’jagħmel. Jekk dan jiddeċiedi ‘Hong Kong għandha tmur lura għaċ-Ċina’, jgħidu biss ‘kollox sew,’ bħallikieku l-Gvern hu xi alla, u alla ma jistax ifallihom.”

Xogħol l-attivisti hu intens u ħafna drabi mhuwiex sodisfaċenti. Aktar minn hekk, is-sentiment politiku kontra ċ-Ċina hu perikoluż, anke f’Hong Kong awtonoma. “Il-Gvern Ċiniż hu b’saħħtu ħafna. Allura diffiċli immens. Is-sid ta’ ħanut tal-kotba f’Hong Kong, li kien ibigħ kotba fuq l-indipendenza u kotba li jikkritikaw iċ-Ċina, ġie sparixxut. Ġie sparixxut. Li tisparixxi m’għandhiex tkun kelma li tingħad fil-passiv, imma hekk ikollna ngħiduha,” jgħid Francis. Attakki ta’ hackers fuq il-midja huma komuni wkoll fil-Hong Kong. Minkejja dan, l-istudenti f’ Meta Hong Kong ma esperjenzaw l-ebda tpattija s’issa. “Għax m’aħniex famużi issa. Jekk in-nies isiru jafu bina, forsi jirreaġixxi l-Gvern Ċiniż.”

Imma kif għandha tkompli? “Irridu naħsbuha ftit,” jgħid Francis, “irridu nsibu mod ġdid.” Imma ħaġa waħda hi fiċ-ċert; żgur mhumiex se jaqtgħu qalbhom.

Awtriċi

Anja Meunier (Ġermanja)

Tistudja: il-Matematika u l-Ekonomija

Lingwi: il-Ġermaniż, l-Ingliż, l-Ispanjol

L-Ewropa għandha… pajjiżi sbieħ, nies interessanti u ħajja tal-ġenn. U jeħtieġ li tibqa’ magħquda.

500px: Anja Meunier

Traduttriċi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: il-Malti fl-Università

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Qari tal-provi

Laura Cioffi (Malta)

Taħdem: Mużiċista u Għalliema tal-Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php