Madwar id-dinja kollha, in-nies qed iħejju biex jiċċelebraw l-Għid. Ejjew naraw x’inhu jiġri fl-Italja.
Miktub minnAlessandra Ivaldi / 1.4.2018
L-Għid huwa l-iktar festa importanti għall-Kristjanità minħabba li jiċċelebra l-Qawmien mill-Mewt ta’ Ġesù Kristu. Skont it-tradizzjoni, din għandha tiġi ppreċeduta minn perjodu ta’ astinenza u sawm li jdum erbgħin jum u li jissejjaħ ir-Randan. L-għan tiegħu hu li jipprepara lill-fidili għas-solennità tal-Għid.
L-Aħħar Ħadd qabel l-Għid jissejjaħ Ħadd il-Palm u jfakkar id-dħul trijonfali ta’ Ġesù f’Ġerusalemm fejn intlaqa’ mill-folla li kienet qed ixxejjer zkuk tal-palm biex tilqgħu. Huwa għalhekk li z-zkuk tal-palm – jew iz-zkuk taż-żebbuġ, peress li s-siġra tal-palm ma tantx hija komuni fl-Italja – għadhom jitqassmu lill-fidili waqt il-quddiesa ta’ Ħadd il-Palm.
Wara Ħadd il-Palm, l-aħħar ġimgħa qabel l-Għid tissejjaħ il-Ġimgħa Mqaddsa (settimana santa), u għandha tkun iddedikata lis-silenzju u l-meditazzjoni. Fil-jum tal-Ħamis ix-Xirka – jiġifieri l-aħħar Ħamis qabel l-Għid – issir il-quddiesa tal-Griżma fil-katidrali Taljani u l-isqfijiet jikkonsegraw iż-żjut imqaddsa li se jintużaw tul is-sena waqt il-Griżma tal-Isqof u l-magħmudijiet jew għall-ordinazzjoni tal-qassisin jew għat-tberik tal-morda.
Finalment, waqt il-lejl bejn Sibt il-Għid u Ħadd il-Għid, isir il-Vġili tal-Għid, jiġifieri talb lejlet il-festa, li jitqies bħala iktar importanti mill-Vġili tal-Milied, speċjalment fir-reġjuni tan-Nofsinhar fejn din il-quddiesa, li tista’ ddum sa tliet sigħat, tiġi ċċelebrata b’kanzunetti u ritwali. Madankollu, dawk li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fil-Vġili, jistgħu jattendu l-Quddiesa Sagra f’Ħadd il-Għid. Minħabba li l-Għid għadu jitqies bħala festa importanti ħafna fl-Italja, huwa rari li n-nies ma jipparteċipawx f’mill-inqas waħda minn dawn is-servizzi reliġjużi.
Fil-ġranet ta’ qabel l-Għid, hija tradizzjoni li l-familji Taljani jagħtu xi tip ta’ rigal lil xulxin: bajd taċ-ċikkulata! Minn fejn hi ġejja din it-tradizzjoni tajba? Taħsbu li hija biss invenzjoni tal-industrija tal-ħelu? Jekk taħsbu hekk, mela għandkom żball! L-għoti tal-bajd tal-Għid huwa tradizzjoni antika li tmur lura sal-Medju Evu. Naturalment, dak iż-żmien, in-nies ma kinux jagħtu bajd taċ-ċikkulata imma bajd ta’ veru, li kien jinżeba’ għall-okkażjoni. Fil-fatt, il-bajd minn dejjem kien simbolu tat-twelid mill-ġdid u fil-kultura Kristjana, dan hu relatat mill-qrib mal-Qawmien mill-Mewt ta’ Kristu.
Madankollu, minbarra l-bajd taċ-ċikkulata “universali,” il-familji Taljani għandhom varjetà wiesgħa ta’ ikel bnin, kemm dak ħelu kif ukoll dak li mhuwiex, li s-soltu jingħataw f’jum il-Għid fir-reġjuni differenti tagħna.
Nibdew bil-colomba di Pasqua, li fil-verità tfisser “ħamiema tal-Għid.” Tirreferi għal żewġ tipi ta’ ikel ħelu, li l-ewwel wieħed minnhom li issa sar famuż fl-Italja kollha, ivvintatu fit-tletinijiet kumpanija minn Milan, Motta, li hija magħrufa għall-ħelu tagħha u b’mod partikolari, għall-panettone tagħha, li jsir fil-perjodu tal-Milied. Il-colomba bdiet issir bl-intenzjoni li fir-rebbiegħa, jintużaw l-istess għaġina u makkinarju li jintużaw biex jipproduċu l-panettone tal-Milied. U hekk ġiet ivvintata l-colomba ħelwa, li l-forma tagħha ta’ għasfur, jew biex inkunu iktar preċiżi, ta’ ħamiema, hija simbolu ta’ paċi. L-għaġina oriġinali tinkludi dqiq, bajd, butir, zokkor, konfettura tal-larinġ u lewż. Madankollu, illum il-ġurnata tista’ ssib ħafna varjetajiet oħra ta’ din ir-riċetta. Din tgħodd għal min iħobb ħafna l-ħelu…

Colomba di Pasqua/ Colomba tal-Għid Photo: N i c o l a | CC BY-NC-ND 2.0
It-tieni tip ta’ colomba hu inqas popolari minkejja li huwa marbut ma’ tradizzjoni reġjonali iktar antika. Fi Sqallija, in-nies kienu jagħtu lil xulxin ħamiem żgħir b’togħma ħelwa bħala rigal tal-Għid, li wkoll kien ikun mżejjen biz-zokkor ikkulurit. Ġieli, dan il-ħamiem kien ikun qed iżomm qoffa żgħira magħmula mill-marżipan fejn in-nies kienu jqiegħdu bajda mgħollija, li hija iktar konformi mat-tradizzjoni iktar komuni tal-għoti ta’ bajd tal-Għid.
Jekk nibqgħu fir-reġjuni tan-Nofsinhar tal-Italja, ħaġa oħra li ssir ‘dejjem’ fil-btala tal-Għid hija l- pastiera, Napolitana: kejk bl-irkotta, kunfettura, bajd u qamħ, imsajjar fil-ħalib u li jiżdied miegħu l-kannella, il-kunfettura tal-larinġ u l-vanilja għat-togħma.

Pastiera Napolitana. Photo: fagioniglio | CC BY-NC 2.0
Skont il-leġġenda, il-pastiera għamlitha sirena jisimha Parthenope, karattru mill-mitoloġija Griega imma li fiż-żminijiet tal-antik ‘iddaħħlet’ fil-kolonji Griegi fin-Nofsinhar tal-Italja. Kull rebbiegħa kienet toħroġ mill-ilma biex tilqa’ lill-bnedmin u tgħaxxaqhom bil-kanzunetti meraviljużi tagħha. Il-vuċi tagħha tant kienet melodjuża li n-nies kienu jiġru lejn il-bajja biex jiċċelebraw il-wasla tas-sirena. Darba, l-isbaħ seba’ tfajliet mill-villaġġi tal-kosta ġew inkarigati jirringrazzjaw lis-sirena billi jagħtuha dqiq, irkotta, qamħ, zokkor u ħwawar li llum jintużaw biex issir il-pastiera. Parthenope ħadet ir-rigali prezzjużi lill-allat li, bil-poteri divini tagħhom, ħalltu l-ingredjenti u b’hekk ħolqu xi ħaġa li tagħti iktar gost mill-vuċi tas-sirena.
Issa naraw xi jsir fit-Tramuntana. Ir-reġjun ta-Ligurja joffri ikel ieħor tipiku tal-Għid, jismu torta pasqualina (li letteralment tfisser “kejk żgħir tal-Għid”). Din titħejja billi wieħed jiftaħ folji tal-għaġina u jalterna b’mili magħmul minn xorta ta’ pitravi, basal, bajd, ġobon maħkuk u ħwawar. Barra minn hekk, wieħed jista’ jżid bajd nej u waqt li jinħema l-kejk, dan jibbies – dedikazzjoni oħra lit-tradizzjoni tal-Għid meta nagħtu l-bajd bħala simbolu ta’ tama u twelid mill-ġdid.

Torta pasqualina. Photo: GabeD | CC BY-NC-ND 2.0
L-Aħħar Kummenti