Priġuniera bi Ħsieb Indipendenti: In-Nisa fl-Iran

Imorru l-università, jieħdu sehem fil-Parlament u għandhom influwenza kbira fuq is-soċjetà Iranjana. Minkejja dan kollu, ħajjithom hija kkontrollata bil-kbir u limitata mill-irġiel tar-revoluzzjoni Iranjana. Din hija ħarsa qasira lejn il-kundizzjoni tan-nisa fl-Iran.

Miktub minn Can Yildiz / 17.2.2018

Meta naħsbu fl-Iran, normalment, nassoċjawh mill-ewwel ma’ nisa mgħottijin b’velu u ma’ stil ta‘ ħajja li jdur mar-reliġjon u r-restrizzjonijiet. Ir-realtà iżda, hija ferm differenti minn hekk. In-nisa għandhom rwol attiv ħafna u impatt ikbar fuq is-soċjetà Iranjana milli kemm jaħsbu n-nies. Pereżempju, 60% tal-istudenti fl-Iran huma nisa. Din iċ-ċifra, li hija kważi l-istess bħal dik fl-Ewropa, hija waħda eċċezzjonali jekk inqisu l-fatt li l-Iran huwa repubblika teokratika. In-nisa Iranjani m’huma neqsin minn xejn sa fejn għandha x’taqsam l-edukazzjoni. Fis-sittinijiet, fiż-żmien meta kienet għadha tirrenja l-monarkija, saħansitra ħeġġew l-edukazzjoni tan-nisa.

Fl-1979, in-nisa kellhom rwol fundamentali fit-twaqqigħ tal-poter tas-Shah fejn ittamaw li b’dan kienu se jgħinu fil-ħolqien ta’ soċjetà iktar demokratika u ħielsa. Madankollu, ir-riżultat tar-Revoluzzjoni Iżlamika wassal għall-kuntrarju: għall-oppressjoni u r-restrizzjonijiet. M’hemmx xi ngħidu, dan kien ta’ diżappunt kbir fost in-nisa Iranjani li kienu kunfidenti u edukati sew.

Id-diskriminazzjoni sussegwenti soffruta min-nisa llum il-ġurnata għad għandha l-għeruq tagħha fir-Repubblika Iżlamika tal-Lvant Nofsani. Minkejja li l-Artiklu 3 tal-Kostituzzjoni tobbliga lill-istat “biex jeradika d-diskriminazzjoni inġusta u jiggarantixxi l-aċċess ekwu għar-riżorsi u żoni spiritwali kollha lil kull persuna” fir-Repubbliak Iżlamika, dan ma jfissirx awtomatikament li l-ugwaljanza bejn is-sessi se tkun garantita wkoll.

Fil-fatt, in-nisa ma jistgħux jagħżlu ċerti tipi ta’ karrieri, bħall-maġistratura, u depożizzjonijijet legali min-nisa huma meqjusa li għandhom nofs il-valur minn dawk li jsiru minn irġiel. Barra minn hekk, id-diskriminazzjoni timmanifesta ruħha fil-ħajja ta’ kuljum ukoll: il-vjolenza domestika isseħħ kuljum u ħafna attivitajiet komuni, bħall-ħruġ, huma sempliċiment impossibbli jew jistgħu jkollhom reperkussjonijiet serji għan-nisa u għat-tfajliet Iranjani.

Madankollu, minkejja dawn ir-restrizzjonijiet kollha, m’għandniex ninsew li qed nitkellmu dwar nisa kunfidenti u edukati sew li qed jiġġieldu kontra l-oppressjoni u li qed jużaw il-libertajiet kollha li ngħatawlhom. In-nisa ma ġewx esklużi totalment mis-suq tax-xogħol; illum il-ġurnata, in-nisa huma ġurnalisti, għalliema u anke jieħdu sehem fil-Parlament. Għall-inqas, fl-ibliet il-kbar, ir-regolamenti stretti fil-kodiċi tal-ilbies qed jiġu interpretati b’mod ħieles.

Jekk issir revoluzzjoni oħra fl-Iran, in-nisa se jkunu fuq quddiem nett fir-rigward ta’ kwistjonijiet evidenti: il-libertà, l-ugwaljanza u l-ħajja awtonoma.

Dan l-artiklu ġie ppubblikat għall-ewwel darba fuq is-sit thenewfederalist.eu, il-magazin tal-Federalisti Żgħażagħ Ewropej (JEF). Il-kontenut li jipproduċu huwa ppubblikat ukoll bil-Franċiż, bl-Ispanjol, bil-Ġermaniż, bl-Olandiż u bit-Taljan.

Awtur

Can Yildiz (il-Ġermanja)

Jistudja: il-Liġi Ewropea

Lingwi: il-Ġermaniż, il-Franċiż, l-Ingliż, l-Olandiż, l-Iżvediż, it-Tork, l-Ispanjol

L-Ewropa hija… il-libertà, il-paċi u l-progress.

Traduttriċi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Traduttriċi mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Qarrejja tal-provi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php