Ġranet għall-Ġinġrin fi Breda, l-Olanda: Issieħeb fil-Ġinġrezza!

Kull sena, fil-bidu ta’ Settembru, il-belt Olandiża ta’ Breda tkun miżgħuda b’nies ġinġrin minn madwar id-dinja kollha. L-ispettaklu, il-pjaċir u s-sens ta’ komunità huma l-elementi ewlenin ta’ Redhead Days (Ġranet għall-Ġinġrin), festival li jilqa’ lil kulħadd, hu x’inhu l-kulur ta’ xagħarhom, in-nazzjonalità jew l-etniċità.

Miktub minn Iris Pase / 5.2.2018

Aħmar skur, ġinġer, bjond-ħamrani, f’kelma waħda: ġinġrin.

Minħabba li jirrappreżentaw biss 2% mill-popolazzjoni dinjija, huwa pjuttost rari li tara iktar minn, ejja ngħidu, tlieta min-nies ġinġrin fl-istess post. Però, jekk iżżur il-Belt Olandiża Breda, taf tara mijiet, jekk mhux eluf ta’ ġinġrin fl-istess ħin. Fil-fatt, kull sena, waqt l-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Settembru, din il-belt tospita Jum il-Ġinġrin, jew bl-Olandiż Roodharigendag, festival ta’ tlett ijiem iddedikat lill-persuni b’xagħarhom aħmar.

L-Istorja wara l-festival

Kollox beda lura fl-2005, meta when Bart Rouwenhorst, artist lokali li issa sar ukoll il-fundatur tal-festival, ippubblika riklam fil-gazzetta minħabba li ried isib ħmistax-il mara ġinġrija naturali. Il-ħsieb tiegħu kien kważi klassiku u tistħajtu Pre-Raffaelit bħal tal-artisti tal-passat – li jpenġi lil dawn in-nies ġinġrin, però qatt ma seta’ jobsor ir-rispons li kellu jirċievi:aktar minn 150 mara rrispondiet għar-riklam, u, minħabba li rrifjuta milli jgħid lil xi wħud minnhom, is-Sur Rouwenhorst organizza laqgħa fejn in-nisa ħadu sehem f’lotterija. U b’hekk tnediet l-ewwet edizzjoni ta’ Roodharigendag.

Ritratti: Stampi minn Ġranet għall-Ġinġrin 2017 © Iris Pase

Il-festival illum il-ġurnata

Il-festival kiber ġmielu f’dawn l-aħħar snin, u issa joffri divertiment ġenwin għall-parteċipanti għal tlitt ijiem sħaħ. Kollox jingħata bidu permezz ta’ festin tal-bidu nhar il-Ġimgħa: opportunità għall-parteċipanti li jiltaqgħu ma’ ħbieb antiki, kif ukoll isiru jafu lil nies ġodda waqt li jqattgħu l-lejl jiżfnu. Il-jumejn ta’ wara huma mballati b’attivitajiet varjati, fosthom laqgħat ta’ malajr, mawriet f’postijiet tax-xorb differenti, tlielaq biż-żraben tat-takkuna (għall-irġiel, ovvjament!), diskorsi, u ħafna pjaċir! M’hemmx bżonn ta’ biljetti jew ħlas għad-dħul: kulma għandek bżonn huwa l-entużjażmu li tkun parti mill-“familja”. Hu x’inhu l-kulur ta’ xagħrek, intx ġinġri jew le, se tħossok milqugħ. L-avveniment jgħaqqad nies minn kullimkien: mill-Ġermanja, Belġju, Franza … xi wħud saħansitra taru mill-Istati Uniti u minn Iżrael apposta biex ikunu parti mill-festival Ġranet għall-Ġinġrin! U meta għedt li tħossok milqugħ, verament hekk ridt infisser: kull min jattendi dan l-avveniment jibqa’ mistagħġeb bis-sens ta’ komunità u l-libertà li jikkaratterizzaw il-Ġranet għall-Ġinġrin.

Minkejja l-parteċipazzjoni numeruża u dejjem tikber tiegħu, Redhead Days 2017 kien l-aħħar “festival għall-ġinġrin li ttella’ fi Breda minħabba li jeħtieġ post ikbar biex il-festival jilħaq il-potenzjal massimu . Allura, x’qed iżommok?! Tixtieq li tospita eluf ta’ ġinġrin f’beltek? Tihom ċempila u organizza festival ġdid! 😉

Awtriċi

Iris Pase (Italja) Tistudja: L-Istorja u l-Filosofija

Lingwi: Taljan u Ingliż

L-Ewropa hija … meta tiltaqa’ ma’ Ewropew ieħor u tħoss storja, kultura u raġunament komuni

Blogg: The Venetian Rover

Traduttriċi

Laura Cioffi (Malta)

Taħdem: Mużiċista u Għalliema tal-Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Qari tal-provi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: il-Malti f’livell universitarju

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php