Twieled il-Bambin! Glorja! – Il-Milied fl-Ukrajna

F’dan l-artiklu, se nitgħallmu ftit dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tas-Sena l-Ġdida u l-vaganzi tal-Milied fl-Ukrajna.

Miktub minn Nataliya Sira  / 6.1.2018

Wieħed diġà jista’ jisma’ d-diski tas-Sena l-Ġdida u jxomm ir-riħa friska tas-siġra tal-arżnu fl-arja xitwija ta’ qabel ma’ jibdew il-vaganzi. In-nies ilhom jistennewhom sena sħiħa. Fl-aħħar ġejjin il-btala tas-Sena l-Ġdida u magħhom, l-opportunità li noqogħdu d-dar mal-familja u nirrilassaw, ’il bogħod mill-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum. Kemm huma sbieħ id-dwal u t-tiżjin tal-festi, jixegħlu u jteptpu f’kull kantuniera tal-bliet il-kbar! Il-vaganzi tas-Sena l-Ġdida jfissru l-ġabra mal-familja. Huwa f’dawk il-mumenti meta s-silġ jgħatti d-djar u jbiddel il-belt f’dinja xitwija maġika, u meta t-temperatura ta’ barra taqa’ għal -10°C, jew anke għal -20°C li l-mument meta nkunu madwar il-fuklar taċ-ċumnija mdawwrin mill-familji tagħna jsir wieħed imprezzabbli. Żid ma’ dawn is-sħana ta’ ġewwa d-dar għall-kuntrarju tal-kesħa ta’ barra, ir-rigali, ikliet festivi delizzjużi u xi ngħidu, għandek miraklu tas-Sena l-Ġdida liema bħalu! X’aktarx li l-istennija kollha marbuta mal-festa tagħti iżjed importanza lil dawn it-tipi ta’avvenimenti minħabba li, bħall-Milied, is-Sena l-Ġdida tiġi darba waħda biss fis-sena.

Siġra tal-Milied f’Kjev:. Photo: flickr (Adam Lederer)

Waħda mill-ikbar festi reliġjużi li jindikaw il-wasla tas-Sena l-Ġdida u l-festi tal-Milied hija Jum San Niklaw. Fl-Ukrajna niċċelebraw din il-festa fid-19 ta’ Diċembru. It-tfal kollha Ukreni jistennew dan il-jum b’kurżità peress li huwa matul il-lejl li jseħħ miraklu: jingħad li San Niklaw iżur lit-tfal kollha bravi waqt li dawn ikunu reqdin u jħallilhom rigal taħt l-imħadda. Ir-rigali jistgħu jkunu ħelu, kotba jew ġugarelli jew kwalunkwe ħaġa oħra li t-tfal ikunu talbu għalihom lil San Niklaw minn qabel permezz ta’ ittra li jkunu kitbulu. Fatt interessanti ta’ min insemmu hu li t-tradizzjonijiet marbutin mal-festa ta’ San Niklaw bdew fil-Ġermanja u wara ġew adottati minn ħafna pajjiżi oħra Ewropej.

Il-festa li jmiss hija s-Sena l-Ġdida. Fil-lejla ta’ bejn il-31 ta’ Diċembru u l-1 ta’ Jannar, il-pajjiż kollu jiċċelebra l-bidu tas-sena l-ġdida permezz taż-żfin, il-mużika u ikliet kbar bil-lejl. Normalment, l-Ukreni jqattgħu lejlet is-Sena l-Ġdida ma’ sħabhom u rari ma’ familthom.

L-iktar avveniment reliġjuż importanti tax-xitwa huwa l-Milied, it-twelid ta’ Ġesu Bambin, li fl-Ukrajna jiġi ċċelebrat fis-7 ta’ Jannar, skont il-kalendarju Ġuljan. Huwa magħruf li dan il-kalendarju ġie introdott f’Ruma fis-sena 46 QK minn Ġulju Ċesare u minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tiegħu, fis-seklu XVI, il-Knisja Kattolika qalbet għall-kalendarju Gregorjan (il-kalendarju tal-Papa Gregorju XIII). Fl-Ukrajna, il-kalendarju Gregorjan ġie introdott fis-sena 1918. Minkejja dan, il-Knisja Ortodossa Ukrajna u l-Knisja Kattolika Griega Ukrena jibqgħu jsegwu l-kalendarju Ġuljan, li huwa differenti mill-kalendarju tal-knisja Gregorjana b’13-il ġurnata. Dan l-aħħar, il-kwistjoni tat-tranżizzjoni possibbli tal-Knisja għall-kalendarju Gregorjan kien rilevanti ħafna fis-soċjetà Ukrena. Pereżempju, fl-2017 ġie deċiż li l-25 ta’ Diċembru, jiġifieri, il-Milied Kattoliku skont il-kalendarju Gregorjan, jingħata l-istatus ta’ jum ta’ festa. Forsi fil-futur dan iwassal biex niċċelebraw il-Milied Ukren fil-25 ta’ Diċembru.

Tkun xi tkun il-ġurnata, il-lejla ta’ qabel dejjem se tkun Lejla Mqaddsa. Fil-lejla tas-6 ta’ Jannar, in-nies Ukreni jiltaqgħu ma’ qrabathom biex jaraw l-ewwel still fis-sema, li tkun se tħabbar it-twelid tal-Bambin Ġesu. Tradizzjonalment, insajru 12-il ikla mingħajr laħam u wara nżul ix-xemx, jibda l-kant tal-karols min-nies li jkantaw il-karols filwaqt li jimxu minn dar għall-oħra. Tista’ tisma waħda mill-kanzunetti l-iktar favoriti tiegħi tas-Sena l-Ġdida, eżegwita minn Oleg Skrypka u Le Grand Orchestry “Shchedryk” https://www.youtube.com/watch?v=dg1eMpFfexk

Il-vaganzi tal-Milied fis-soċjetà Ukrena ġeneralment ikunu marbutin mill-qrib mal-Knisja, u minbarra l-pjaċir li wieħed jqatta’ ż-żmien mal-qraba tiegħu u jduq l-ikel delizzju, il-parti l-kbira tal-familji Ukreni jagħtu importanza kbira lil-liturġiji mqaddsa u jattenduhom bi ħġarhom.

Awtriċi

Nataliya Sira (L-Ukrajna)

Tistudja: Il-Lingwi Barranin għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Komunikazzjoni

Lingwi: L-Ukren, it-Taljan, l-Ingliż, ir-Russu, il-Ġermaniż

L-Ewropa hija… ħafna opportunitajiet għal kulħadd!

Traduttriċi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Traduttriċi mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

This post is also available in English, Español, Français, Italiano and [Main Site].

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

Il-konfigurazzjonijiet tal-cookies fuq dan il-websajt huma ssettjati għal "aċċetta cookies" sabiex ikollok l-aħjar esperjenza possibbli ta' tiftix fuq l-Internet. Jekk tkompli tuża dan il-websajt mingħajr ma tbiddel il-konfigurazzjonijiet tiegħek tal-cookies jew jekk tikklikkja isfel fuq "Aċċetta", allura qed tagħti l-kunsens tiegħek għal dan.

Agħlaq