Fil-kuntest ta’ ineffiċjenzi potenzjali tal-UE, xi ilħna qed jiddefendu l-ħtieġa li tinħoloq federazzjoni Ewropea simili għal dik tal-Istati Uniti tal-Amerka. Imma din fil-verità, tista’ ssir? Fl-artiklu tal-lum se nippreżentaw xi riflessjonijiet fuq din il-kwistjoni.
Miktub minn Miriam Vázquez / 16.1.2018
Il-kontroversja dwar il-futur tal-UE hija importantissima. Il-kritiċi tagħha jenfasizzaw xi wħud mill-imperfezzjonijiet tagħha, bħan-nuqqas ta’ unjoni fiskali fost l-istati membri tagħha jew il-parteċipazzjoni baxxa tal-votanti fl-elezzjonijiet Ewropej. Bl-istess mod, ma jqisux il-kisbiet importanti tal-UE, bħas-sitt deċennji ta’ paċi jew il-ħolqien taż-żona Schengen. Dawn is-suċċessi jisbqu l-problemi potenzjali tagħha. Madankollu, ma jiġġustifikawhomx.
Hemm żewġ alternattivi bażiċi li jistgħu jittieħdu biex tisboqhom: li tagħti s-sovranità lura lill-Istati Membri jew li tkompli tippersisti għal integrazzjoni aħjar. Minkejja dan, il-fenomenu tal-globalizzazzjoni bl-ebda mod ma jagħmilha possibbli li jinbidlu l-hekk imsejħa “ekonomiji magħluqin”. Għalhekk, l-integrazzjoni tispiċċa tidher bħala l-aħjar alternattiva u, minkejja dan kollu, xi nies jiddefendu l-ħolqien ta’ federazzjoni Ewropea. Imma qabel ma niddefendu din l-idea huwa importanti li nifhmu minn xiex inhi għaddejja l-UE bħalissa u għalfejn l-implimentazzjoni tal-mudell tal-Istati Uniti tal-Amerka fl-istampa tal-UE hija idea inġenwa.

Mappa tal-Unjoni Ewropea © d-maps
Meta staqsejna l-istudenti tal-università xi tfisser l-UE għalihom, xi ftit mit-tweġibiet tagħhom kienu: “Organizzazzjoni internazzjonali bi pretensjoni supranazzjonali” jew “grupp ta’ pajjiżi li jfittxu li jistabbilixxu sistema ekonomika aħjar għal fosthom”. Liem hi t-tweġiba t-tajba? Minkejja l-partikularitajiet tagħhom, it-tnejn li huma huma korretti. Fil-fatt, anke l-esperti ma jaqblux dwar id-definizzjoni tal-UE. Xi wħud minnhom iqisuha bħala post fejn l-interessi tal-istati membri huma fuq kull ħaġa oħra (l-intergvernmentaliżmu) u oħrajn isostnu li l-UE għandha istituzzjonijiet li għandhom iżjed poter minn dawn l-istati (supranazzjonaliżmu).
Madankollu, ir-realtà tal-UE hija ħafna iktar kumplessa minn hekk u nistgħu naraw dawn il-karatteristiċi miż-żewġ perspettivi. Kien għalhekk li f’dawn l-aħħar snin, ħarġet teorija ġdida li tfittex li tgħaqqadhom permezz ta’ federazzjoni: il-governanza fuq bosta livelli. Il-politoloġist Michael Keating jiddefendi din it-teorija fl-artiklu “Europe as a multilevel federation” (“L-Ewropa bħala federazzjoni fuq bosta livelli”) u jara l-UE bħala post fejn jinteraġixxu atturi u perspettivi differenti. Skontu, il-livelli sottostatali għandhom ukoll irwol importanti u dan kollu jaqa’ taħt l-umbrella tal-federaliżmu. Dan għalhekk huwa l-prinċipju ta’ ordni li jgħaqqad l-unità mad-diversità.
Keating iżda, mhuwiex l-ewwel awtur li ssuġġerixxa l-idea ta’ Ewropa federali. Fis-seklu li għadda, personalitajiet kbar bħal Winston Churchill iddefendew din l-idea. Il-politiku Brittaniku b’mod speċifiku uża t-terminu “l-Istati Uniti tal-Ewropa” biex jiddeskrivi l-mudell ideali tiegħu, espressjoni li ntużat għall-ewwel darba fis-seklu 19 mill-kittieb Victor Hugo. Fit-tali sitwazzjoni allura, għaliex din l-idea ma tqisitx bħala proposta vera għal federazzjoni? Fost raġunijiet oħrajn, raġuni minnhom hija kawża tar-riservazzjoni tal-parti l-kbira tal-istati meta dawn ittrasferew id-drittijiet u l-kompetenzi li minn dejjem kienu marbuta mal-politiċi nazzjonali tagħhom, bħas-sigurtà, l-industrija jew il-kultura.
Fattur ewlieni ieħor għas-suċċess tiegħu huwa li f’federazzjonijiet oħra, bħal dik tal-Istati Uniti tal-Amerka, is-sitwazzjoni soċjali u politika tal-kolonji tagħha fil-federazzjoni, kienet ferm differenti minn tagħna. Hemm evidenza storika li l-istess formula li ħadmet għal pajjiż ma jfissirx li se taħdem u tirnexxi f’pajjiż ieħor. Fil-fatt, Daniel Ziblatt, il-professur ta’ Harvard, jitkellem dwar din il-kwistjoni fl-istudju tiegħu bl-isem “Rethinking the origins of federalism” (“Kunsidrazzjoi mill-ġdid tal-oriġini tal-federaliżmu”). F’dan l-istudju huwa jispjega għala l-implimentazzjoni ta’ mudell federali fil-Ġermanja kienet waħda ta’ success, iżda għala dan il-mudell ma kienx possibbli li jiġi stabbilit fl-Italja.
Is-suċċess ta’ federazzjoni Ewropea għalhekk tiddependi kompletament mir-rieda tal-istati membri biex iċedu l-kompetenzi tagħhom, kif ukoll mill-iżvilupp ta’ mekkaniżmu federali adattat għall-partikolaritajiet Ewropej. U mill-aspett loġiku, mhuwiex possibbli li tikkopja l-mudell tal-Istati Uniti tal-Amerka. Il-punt tat-tluq huwa totalment differenti.
L-Aħħar Kummenti