Il-Milied fl-Italja

Il-Milied huwa wieħed mill-festi l-aktar maħbubin kemm miż-żgħar u anka mill-kbar, imma huwa wkoll wieħed mill-festi l-aktar sorprendenti minħabba li jiġi ċċelebrat b’modi differenti madwar id-dinja kollha. Ejja nagħtu ħarsa lejn il-peninsula Taljana.

Miktub minn Alessandra Ivaldi / 23.12.2017

Ara iktar artikli relatati mal-Milied hawn.

Fl-Italja, il-perjodu tal-Milied jibda’ nhar it-8 ta’ Diċembru, il-festa’ tal-Immakulata Kunċizzjoni[1]. L-iskejjel u l-uffiċini jagħlqu u t-Taljani jqattgħu l-ġurnata jiddekoraw djarhom, itellgħu is-siġra tal-Milied u x-xeni tan-natività (jew ‘xeni tal-maxtura’, magħrufa f’Malta bħala presepji). Dawn tal-aħħar jirrappreżentaw tradizzjoni ferm importanti, minħabba li hija kreazzjoni unikament Taljana: l-ewwel xena tan-natività ittellat fl-1223 minn ħadd ħlief San Franġisk ta’ Assisi.

Dawn il-presepji jistgħu jkunu rappreżentazzjonijiet żgħar tas-‘Sacra Famiglia’ (il-Familja Mqaddsa: Marija, Ġużeppi u Ġesù), jew jistgħu jkunu fuq skali akbar, b’ħafna ħaxix li jifforma l-bażi tax-xena u mudelli tal-għar imnaqqxa mill-injam. Ġewwa dawn il-presepji jiddaħħlu pasturi li juru r-rgħajja, it-Tliet Slaten Maġi, Ġużeppi u Marija, il-gendus u l-ħmara … u ma jonqosx Ġesù Bambin, li l-istatwetta tiegħu titpoġġa f’postha biss nhar il-Milied. Dan jissimbolizza li l-avveniment tant mistenni, it-twelid ta’ Kristu, għadu kif wasal.

Presepe. Foto: Pixabay

Barra minn dawn, isiru diversi presepji ‘ħajjin’ li jokkupaw villaġġi sħaħ għal diversi jiem. In-nies tar-raħal jilbsu lbies tradizzjonali u kulħadd jieħu sehem, b’tali mod li jirrikreaw l-atmosfera u l-karatteristiċi naturali tax-xena tal-maxtura. Issib rgħajja, negozjanti ta’ professjonijiet differenti, mużiċisti u, naturalment, il-Familja Mqaddsa. Dawn l-avvenimenti huma maġiċi b’mod partikolari minħabba li s-sbuħija tal-ambjent rurali Taljan titwaħħad mal-atmosfera maġika u antika tal-Milied.

Nhar l-24 ta’ Diċembru niċċelebraw Lejlet il-Milied. Il-familji jingħaqdu flimkien u f’ħafna reġjuni jqattgħu l-jum jieklu flimkien. Fin-nofsinhar tal-Italja, fejn għadha tiġi osservata t-tradizzjoni li wieħed isum mil-laħam qabel il-Milied, il-menu fl-24 ta’ Diċembru jikkonsisti fi platti tal-ħut. Pereżempju, fir-reġjun tax-xlokk tal-Puglia, wieħed mill-platti tradizzjonali għal Lejlet il-Milied huwa ross bil-maskli u l-patata.

It-tradizzjoni tgħid li familji li ngħaqdu mill-ġdid jgħaddu l-lejl jilagħbu logħob tal-mejda flimkien, bħal-logħob tal-karti jew ‘tombola’, bil-Malti, tombla. Wara, il-familji reliġjużi jmorru l-Quddiesa ta’ Nofs il-Lejl, li tiġi ċċelebrata billejl bejn l-24 u l-25 ta’ Diċembru. Dan għadu avveniment sentimentali ħafna u f’ċerti reġjuni jaf idum sa sagħtejn.

Nhar il-25 ta’ Diċembru filgħodu, it-tfal jaqbżu mis-sodda ħerqana biex jiftħu r-rigali mogħtija lilhom minn ‘Babbo Natale’ (Missier il-Milied), jew il-Bambin Ġesù. Infatti, l-Italja hemm diversi figuri ‘eletti’ li jqassmu r-rigali lit-tfal waqt il-perjodu tal-Milied. Waħda mit-tradizzjonijiet partikolari hija tal-martri Kristjana, Santa Luċija, li bejn il-lejl tat-12 u t-13 ta’ Diċembru ġġib rigali lit-tfal f’reġjuni speċifiċi, primarjament fit-Tramuntana tal-Italja. F’partijiet oħra, it-tfal jirċievu rigali fl-għodwa tas-6 ta’ Diċembru, wara li San Nikola jmur idur minn dar għal dar bl-ixkora rigali …

Huwiex Missier il-Milied, San Nikola, jew Santa Luċija, it-tradizzjoni li tipprepara l-mejda għalihom il-lejl ta’ qabel għall-mistednin speċjali ta’ mal-lejl dejjem tgħodd. Tfal madwar l-Italja kollha jħejju l-mejda qabel imorru jorqdu, u jħallu ħalib u biskuttini għal min ġej bir-rigali, kif ukoll karrotti għaċ-ċriev ta’ Missier il-Milied jew għall-ħmajra ta’ Santa Luċija. Il-ħmajra ma ġġorrx biss ġugarelli iżda wkoll ħlewwiet bħaċ-ċikkulata komuni minn Piemonte magħrufa bħala Cri Cri, li kultant tissejjaħ “caramelle di Santa Lucia” (ħlewwiet ta’ Santa Luċija). Fatt interessanti huwa li Santa Luċija mhijiex parti mit-tradizzjoni ta’ Piemonte (però milli jidher, tħobb il-ħlewwiet ta’ dan ir-reġjun!)

Fejn jidħlu l-ħlewwiet, l-Italja hija magħrufa għall-varjetà tagħha: fir-reġjuni tan-Nofsinhar insibu ‘pesci’ (ħut) jew ‘agnelli’ (ħrief) u għaġin tal-lewż, ‘struffoli’ minn Napli u l-hekk imsejjaħ kuġin tagħhom, ‘purcedduzzi’ (litteralment qżieqeż żgħar). Struffoli huma blalen tal-għaġin, magħmul mill-qamħ, bajd, xaħam, zokkor u aniżetta. Dawn jinqlew fiż-żejt u mbagħad jiġu mbillin fl-għasel sħun. Wara jiżżejnu b’biċċiet tal-larinġ jew konfettura u tiżjin ikkulurit. Purcedduzzi huma wkoll tip ta’ ballun tal-għaġina mħawwar bil-larinġ. Dawn huma wkoll moqlija u wara jitremblu fl-għasel jaħraq u mżejna bi dnub żgħar taz-zokkor jew ċikkulata. Huwa tradizzjonali li tipprepara ħafna minnhom u wara tqassamhom lill-qraba u ħbieb bħala rigali.

Jekk nitilgħu ’l fuq maż-żarbuna tal-Italja, lejn ir-reġjuni taċ-ċentru nsibu minflok il-‘panpepato’: deżerta tonda magħmula minn għaġina mħallta bil-lewż, frott niexef, għasel, kannella, konfettura u f’xi każijiet, trab tal-kakaw, żerriegħa tal-kafè, xorb … M’hemmx riċetta waħda għal din id-deżerta, kull familja għandha t-tradizzjoni tagħha.

Panettone. Photo: Pixabay

L-ikel tal-Milied jinkludi wkoll downats miksija biz-zokkor u l-‘panettone’ – deżerta li oriġinat fit-Tramuntana tal-Italja u li issa saret internazzjonali. Ma nistgħux ninsew il-‘pandoro’, li huwa deżerta oħra li ġejja mit-Tramuntana li issa tinsab mifruxa mal-Italja kollha.

Il-pandoro u l-panettone jeżistu wkoll f’diversi varjetajiet. Għal dawn li jħobbu l-ħelu, jistgħu jżidu iktar ċikkulata, jew tipi differenti ta’ krema, zokkor jew tiżjin, kif ukoll it-tradizzjoni tal-konfettura tal-għaġina tal-panettone. Biex nagħlqu din il-ħarsa ta’ malajr lejn l-ikel tradizzjonali Taljan għal żmien il-Milied, ma nistgħux ninsew il-‘vin brulé’, xarba bbażata fuq l-inbid sħun biz-zokkor u l-ħwawar aromatiċi. Jekk iżżur is-swieq tal-Milied, trid tippruvaha!

Il-25 u s-26 Diċembru huma ddedikati lill-familja, skont it-tradizzjoni. Il-qraba jorganizzaw ikliet kbar … Però l-ikel mhux kollox – għandna wkoll tradizzjonijiet oħra fl-Italja. Bejn il-5 u s-7 ta’ Diċembru f’żewġ reġjuni Trentino-Alto Adige u Friuli Venezia Giulia, it-toroq jiġu invażati minn puċissjonijiet tal-Krampus, dimonji tal-biża’ li jfittxu lit-tfal imqarbin biex jikkastigawhom.

Krampus. Foto: Pixabay

Fiċ-ċentru tal-Italja hemm tradizzjoni inqas tad-dwejjaq – iz-‘zampogne’ (Żaqq Taljana) u z-‘zampognari’ (daqqaqa taż-żaqq). Dawn huma strumenti antiki, li ta’ spiss ikunu preżenti fix-xena tan-natività u ċelebrazzjonijiet oħra tal-Milied.

Befana. Foto: Pixabay

L-aħħar tradizzjoni twassal għall-għeluq tal-perjodu tal-Milied nhar is-6 ta’ Jannar, meta t-tfal jirċievu rigali ġodda, ħafna drabi ħlewwiet, li jiġu mqassma billejl mill-‘Befana’ – saħħara xiħa imma gustuża bi ħwejjeġ imqattgħin li ddur fuq xkupa ttir. Lit-tfal bilgħaqal iġġibilhom ħlewwiet u ġugarelli. Lit-tfal imqarbin iġġibilhom faħam, tewm u basal.

Find more Christmas related texts here.

Awtriċi

Alessandra Ivaldi (Italja)

Tistudja: Lingwi barranin għall-Komunikazzjoni Internazzjonali

Titkellem: Taljan, Ingliż, Ġermaniż, Franċiż

L-Ewropa hija… wirt kulturali.

Traduttriċi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Qarrejja tal-provi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: il-Malti fl-Università

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

This post is also available in Deutsch, English, Français, Italiano, [Main Site] and Русский.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

Il-konfigurazzjonijiet tal-cookies fuq dan il-websajt huma ssettjati għal "aċċetta cookies" sabiex ikollok l-aħjar esperjenza possibbli ta' tiftix fuq l-Internet. Jekk tkompli tuża dan il-websajt mingħajr ma tbiddel il-konfigurazzjonijiet tiegħek tal-cookies jew jekk tikklikkja isfel fuq "Aċċetta", allura qed tagħti l-kunsens tiegħek għal dan.

Agħlaq