Diċembru huwa dak iż-żmien tas-sena meta t-tradizzjonijiet ħabta u sabta, isiru importanti ħafna għal kull wieħed u waħda minna. Kull pajjiż, kull reġjun u anke kull familja għandhom il-mod speċjali ta’ kif jiċċelebraw il-Milied. F’din is-serje, l-awturi ta’ MH jgħidulna dwar it-tradizzjonijiet favoriti tagħhom ta’ din il-vaganza.
Miktub minn Sarah Robinson / 19.12.2017
It-tradizzjonijiet marbuta mal-Milied inbidlu tul is-snin fir-Renju Unit, bħal f’ħafna pajjiżi oħra, imma l-parti favorita tiegħi mill-Milied fl-Ingilterra hi kif it-tradizzjonijiet l-antiki jitħalltu mal-ġodda, anke jekk jinbidlu l-affarijiet.
Jekk tistaqsi lil kwalunkwe persuna Ingliża, tgħidlek li aktar ma jmur, aktar donnu li l-Milied jibda kmieni. Għalkemm forsi veru, dan hu mod għalina kif neżerċitaw wieħed mill-akbar passatempi tagħna: il-qrid. L-istess playlist tal-Milied li ġġennek tindaqq u terġa’ tindaqq fis-supermarkets u fil-ħwienet għal xahrejn sħaħ, u Harrods, wieħed mill-aktar ħwienet famużi f’Londra, jiftaħ iż-żona tal-Milied fil-bidu ta’ Novembru. Is-siġar tal-Milied jibdew jintramaw mill-aħħar ta’ Novembru, imma hemm xi ħaġa ta’ pjaċir li tara dawk id-dwal iteptpu mit-twieqi, hu u dieħel il-lejl.
L-istorja klassika li jduru għaliha l-familji, jew fi ktieb jew fuq it-televixin, hija A Christmas Carol (1842) ta’ Charles Dickens, imma nies iżgħar fl-età speċjalment jafu jaraw xi ħaġa aktar moderna bħal Love Actually (2003). Il-kumpaniji tax-xandir juru il-film cartoon bla kliem The Snowman kemm-il darba, li hu film popolari immens u tajjeb għat-tgeddis. Qed titlef jekk għadek ma rajtux! Agħtih titwila hawn.
Ħarġa oħra ta’ żmien il-Milied hi dik tat-teatru biex tara panto (fil-qosor għal pantomima), li ilha teżisti mis-seklu 19. Il-pantomima hija ħrafa tradizzjonali jew moderna, bħalma huma Snow White jew Peter Pan, irrakkuntata b’mod ġdid, b’xi tibdil ċkejken. L-atturi rġiel jilbsu ta’ nisa u normalment ikollhom l-irwoli ta’ ‘nisa kbar’ bħall-omm jew l-omm tar-rispett (ħafna drabi msejħa d-Dama), filwaqt li t-tfajliet jagħmluha ta’ eroj irġiel żgħażagħ, lebsin qalziet qasir issikkat. Ikun fiha ħafna bluha u umoriżmu, kif ukoll konnotazzjonijiet sesswali. Il-favoriti tiegħi huma dawk it-tnejn li jkunu mlibbsa ta’ annimal, normalment ta’ baqra jew żiemel, u jkunu qegħdin iduru fl-isfond (ġieli anke fuq quddiem). L-udjenza trid tipparteċipa bilfors, jew billi tgħajjat frażijiet tipiċi tal-pantomimi, jew billi jittella’ xi ħadd fuq il-palk. Hija stramba u satirika, u ta’ ħafna gost.
Xi ħwejjeġ, iżda, jibqgħu l-istess. Ir-Reġina ilha tagħmel taħdita speċjali fil-Milied mill-1957, li tixxandar fuq il-BBC. In-nies għadhom idendlu d-dielja u l-holly fid-djar tagħhom, kif kienu jagħmlu fiż-żminijiet Pre-Kristjaneżmu għas-solstizju xitwi. Ikun hemm dundjan mixwi, crackers tal-Milied (le, mhux milli jittieklu!), u fl-għodwa tal-Milied dejjem ikun hemm dik in-naqra tama sigrieta għall-borra.
L-Aħħar Kummenti