Il-lingwa tiegħi, dari: l-Ukren

F’din il-parti mis-serje tagħna ‘Il-lingwa tiegħi, dari’, nitgħallmu dwar l-Ukren, lingwa mitkellma minn 45 miljun persuna, u li ħafna min-nies jafu ftit li xejn dwarha.

Miktub minn Nataliya Sira  / 23.11.2017

Tista’ ssib iktar testi tas-serje “Il-lingwa tiegħi, dari” hawn.

Kemm-il darba naħsbu dwar is-sbuħija tal-lingwa tagħna, dwar il-ġmiel ta’ ħossha u kemm għandha kapaċità li tittrażmetti ħsibijietna u l-ħsus tagħna?

Ħafna min-nies ma tantx jagħtu importanza lil ilsien twelidhom, u spiss il-perċezzjoni ta’ ċerti karatteristiċi tal-ilsien nattiv jintagħrfu bis-saħħa tal-istudju ta’ lingwi barranin. Hu biss meta nibdew nistudjaw lingwi oħra u nibdew infittxu similaritajiet ma’ lsien twelidna li nintebħu li lsien twelidna għandu diversi regoli grammatikali u lessikali differenti li għad-dirittura ma jeżistux fil-lingwi barranin li nkunu qegħdin nitgħallmu.

Kien biss waqt li studjajt it-Taljan, l-Ingliż u l-Ġermaniż fid-dettall li bdejt naħseb dwar ir-rikkezzi tal-lingwa Ukrena. Meta kont inkun barra minn pajjiżi u nkun qed nuża lingwi barranin bdejt ninnota li waqt li bl-Ukren stajt nesprimi ruħi b’tali mod, bil-Ġermaniż, Taljan jew Ingliż kelli naddotta struttura ta’ kliem kompletament differenti. Fl-Italja, pereżempju, irrealizzajt illi li kieku f’sitwazzjoni ta’ kuljum qbadt u sempliċiment ittraduċejt direttament mill-Ukren “għandek bżonn taqbad ix-xarabank numru 3” (‘Вам потрібно сісти на автобус номер 3’), in-nies ma kinux se jifhmuni. Dan għaliex bit-Taljan wieħed jgħid ‘Deve prendere l’autobus numero 3’ (litteralment ‘Trid taqbad ix-xarabank numru 3’), mentri bl-Ukren, dak li jkun “ipoġġi fuq ix-xarabank”. Meta l-barranin jisimgħu l-Ukren mitkellem għall-ewwel darba dejjem tolqothom il-mużikalità tal-lingwa, u l-preżenza ta’ ċerti ħsejjes li ma jinstabux f’diversi lingwi Ewropej oħra.

Hawn tista’ tisma’ waħda mill-iktar baned Ukreni famużi u storiċi, Okean Elzy u d-diska ferm popolari tagħhom ‘Обійми’, ‘Tgħanniqa’)

L-ilsien Ukren jappartjeni għall-grupp Slaviku tal-familja lingwistika Indo-Ewropea u huwa l-ilsien uffiċjali tal-Ukraina. Huwa mitkellem minn madwar 45 miljun persuna. Il-maġġorparti minnhom jgħixu fit-territorju Ukren. Il-bqija ta’ dawk li jitkellmu il-lingwa jinstabu fil-Belarus, Moldova, Polonja, Russja, Rumanija, Slovakja, Każakistan, Arġentina, ir-Renju Unit, il-Kanada, l-Istati Uniti u diversi pajjiżi oħra fejn jgħixu l-Ukreni.

Map of Ukraine and its neighbouring countries

Mappa ta ‘l-Ukraina u l-pajjiżi ġirien tagħha

L-ilsien Ukren għandu storja rikka fit-taqtigħa għall-eżistenza. Fil-bidu tas-seklu XVIII pereżempju, id-digriet ta’ Pietru I tal-1720 ma ħalliex li jiġi stampat materjal bl-Ukren. Iktar tard, fl-1763, Katerina II pprojbiet li jiġi mgħallem l-Ukren fl-Akkademja ta’ Kyjiv-Mohyla, iżda ppromwoviet il-lingwa Russa. Fis-seklu XIX, il-lingwa Pollakka ġiet introdotta fl-iskejjel kollha ta’ fejn illum insibu il-Punent tal-Ukraina, u fl-1892 kien ipprojbit li wieħed jittraduċi kotba mir-Russu għall-Ukren. Fl-aħħar, bil-kampanja tar-Russifikazzjoni tal-bidu tas-seklu XX, edukazzjoni Ukrena, knejjes Ukreni u l-ilsien mitkellem Ukren ġew ipprojbiti. Minkejja dawn ir-restrizzjonijiet kollha tul sekli sħaħ u minkejja li dawk li jitkellmuh kienu ppersegwitati u saħansitra mitfugħin il-ħabs talli kitbu bl-Ukren jew talli ppruvaw jiddefendu drittijiethom u l-interessi tagħhom, l-ilsien Ukren irnexxielu jegħleb dawn id-diffikultajiet kollha u sar il-lingwa uffiċjali tal-Ukraina. Snin ta’ eżistenza taħt il-ħakma tal-invażuri ħallew il-marka tagħhom u ħafna mir-riformi tal-okkupanti huma riflessi fil-vokabularju tal-lingwa Ukrena, li wasslu biex ġew iffurmati diversi djaletti reġjonali u kodiċi differenti, li l-iktar famuż fosthom illum il-ġurnata huwa s-Surzhyk.

Tul l-eżistenza tiegħu, l-Ukren dejjem kien f’kunflitt ma’ lsien ieħor mill-grupp Slaviku ta’ lingwi Indo-Ewropej: ir-Russu. Jekk ngħarblu d-differenzi fil-lessiku bejn il-lingwi Slaviċi biex nagħrfu liem lingwa hija l-iktar simili għall-Ukren, nintebħu li l-iktar qrib huwa l-Belarussu, u mbagħad wara jiġi r-Russu. Minkejja dan, il-lingwa kellha sehem importanti fuq l-istat tal-lingwa Ukrena. Il-lingwa Ukrena kienet bdiet titqies bħala lingwa baxxa fil-kuntesti uffiċjali waqt il-perjodu ta’ Russifikazzjoni. Waqt il-perjodi ta’ Russifikazzjoni qawwija bdiet tqum il-lingwa Ukrena – Russa magħrufa bħala Surzhyk. Gruppi kbar ta’ nies li kienu jitkellmu bl-Ukren bdew jippruvaw, jew bdew jiġu mġiegħla jesprimu ruħhom bir-Russu wara li ġew implimentati r-riformi lingwistiċi tar-Russifikazzjoni. Però, minħabba li ħafna min-nies ma kinux jitkellmu bir-Russu, il-popolazzjoni bdiet tuża kodiċi mħallat biż-żewġ lingwi. It-tieni mewġa ta’ Surzhyk tfaċċat waqt id-disgħinijiet, permezz tal-Indipendenza Ukrena, minħabba li issa, il-lingwa Ukrena bdiet titqies bħala lingwa prestiġjuża. Kien matul dan iż-żmien li l-abitanti fl-Ukraina li kienu jitkellmu bir-Russu bdew jippruvaw jesprimu ruħhom bl-Ukren, u r-riżultat kien Surzhyk Russu-Ukren. Wieħed mill-iktar eżempji komuni ta’ Surzhyk huwa il-pronom interrogattiv ‘шо’ [sho], li jikkorrispondi għall-Ingliż ‘what’ (jew Xiex) li ġiet kkreat bħala twaħħida tal-Ukren ‘що’ [shcho] u r-Russu ‘что’ [chto]. Dan il-pronom Surzhyk ma kienx użat biss min-nies fil-kliem ta’ kuljum iżda wkoll fil-letteratura. Eventwalment, sar ukoll l-isem tal-portal bilingwi ta’ kultura kontemporanja ‘ШО.’

Ternopil city

Belt ta ‘Ternopil © N. Sira

Illum il-ġurnata l-istat ta’ lingwa prestiġjuża li jgawdi l-Ukren mhuwiex restritt biss għall-użu ta’ kuljum u għall-ħajja sekulari, iżda wkoll fuq siti tal-Internet, bloggs privati u kif ukoll il-profili ta’ persuni influwenti mfittxija fuq Instagram. Ħafna xogħlijiet ta’ kittieba Ukreni bħal Yuri Andrukhovych, Oksana Zabuzhko, Serhiy Zhadan u awturi famużi oħra ġew tradotti f’lingwi barranin u llum igawdu fama bħala fost l-aktar kotba li jinbiegħu kemm ġol-Ukraina u kif ukoll barra mill-pajjiż. L-ilsien Ukren huwa studjat anka barra, l-iktar minn studenti minn fakultajiet ta’ lingwi barranin li jagħżlu li jispeċjalizzaw fil-lingwi Slaviċi. Meta wieħed jitkellem ma’ studenti Awstrijaċi Ii għażlu li jistudjaw ir-Russu u l-Ukren, b’mod partikolari dawk li jistudjaw fl-Unversità ta’ Vjenna, wieħed ta’ spiss jisma’ li dawn iż-żewġ lingwi huma ferm differenti minn xulxin, mhux biss fil-vokabularju iżda wkoll fil-fonetika u fil-grammatika. L-Ukren qiegħed iżid fil-prestiġju fost l-istudenti barranin li jmorru l-Ukraina bil-ħsieb li jistudjaw il-lingwa Ukrena billi jieħdu korsijiet fil-lingwa. Barra minn hekk hemm diversi pjattaformi fuq l-Internet li huma żviluppati għall-użu ta’ barranin li jinteressahom jistudjaw l-Ukren jew għall-Ukreni li jixtiequ li jtejbu l-għarfien ta’ lsien twelidhom.

Il-lingwa Ukrena qiegħda wkoll tiżviluppa barra l-Ukraina grazzi għal organizzazzjonijiet internazzjonslii ta’ Ukreni; akkademiċi u kittieba li minkejja li huwa barra mill-pajjiż xorta huma involuti f’attivitajiet letterarji bl-Ukren. Barra minn hekk, in-numru ta’ studenti li ta’ kull sena jagħżlu li jistudjaw l-Ukren qiegħed kulma jmur jiżdied, u jekk nistgħu ngħidu biċ-ċert ħaġa waħda, hija din: dment li jkun hemm nies jitkellmu lingwa partikolari u nies li jixtiequ jitgħallmuha, allura l-lingwa tibqa’ teżisti.

Tista’ ssib iktar testi tas-serje “Il-lingwa tiegħi, dari” hawn.

Author

Nataliya Sira (Ukraina)

Studies: Foreign Languaguages for International Cooperation and Communication

Languages: Ukrainian, Italian, English, Russian, German

Europe is… more opportunities for everyone!

Traduttriċi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Qarrejja tal-provi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: il-Malti fl-Università

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php