L-orrur u l-misterjuż fit-Tramuntana tal-Italja

Ruma, Venezja, Firenze, Milan… l-Italja għandha fama għall-bliet, il-monumenti u x-xogħlijiet tal-arti meraviljużi tagħha. Madankollu, ħafna drabi t-turisti jużaw l-enerġija tagħhom kollha biex jiskopru l-aqwa u l-aktar bliet famużi, bħal Ruma u Venezja. Dan ifisser li l-bliet ħarira inqas famużi imma mhux inqas affaxxinanti, kważi inevitabbilment ma jiġux rikonoxxuti. Eżempju ta’ dan hi l-belt maġika Turin, il-kapitali ta’ Piemonte, fil-Grigal tal-Italja. L-aġġettiv ‘maġiku’ mhuwiex jintuża b’kapriċċ…

Miktub minn Alessandra Ivaldi / 21.10.2017

Hu u jivvjaġġa, Taljan jista’ jagħti gost lilu nnifsu billi jistaqsi lin-nies, “Int taf b’Turin? Fiex ifakkrek isem dik il-belt?”

L-aktar risposta komuni normalment hija: Fiat, Juventus (il-‘Mara x-Xiħa’!), anke Nutella… Ħadd qatt jiftakar li Turin hija belt bellezza tal-arti? Belt li għandha ħafna x’toffri: ir-Residenzi Savoy li huma meraviljużi, imwaqqfa mid-Dar ta’ Savoja, waħda mill-familji rjali tal-Italja; il-ħafna pjazez sbieħ, il-Katidral, il-mużewijiet u, naturalment, il-Mole Antolleniana – simbolu tal-belt.

Ħafna nies jafu b’dal-postijiet mingħajr ma jintebħu. Fil-fatt, Turin tidher f’ħafna films u dawk in-nies madwar id-dinja li jħobbu l-films żgur li ‘jafuha’ dil-belt, anke jekk b’mod indirett biss. Speċjalment dawk li jissapportjaw il-‘maestro tas-suspens;, Dario Argento.

Id-direttur famuż Taljan, magħruf madwar id-dinja għall-films tal-waħx u tas-suspans tiegħu, minn dejjem kellu xi ħaġa lejn din il-belt misterjuża fi Piemonte, minkejja li hu ġej minn Ruma. Tant hu hekk, li bbaża sebgħa mill-films tiegħu f’Turin. Imma għaliex Turin?

Piazza Vittorio Veneto, Turin. Photo: flickr (Alessio Maffeis)

L-ewwel nett, għal raġunijiet personali: fil-bijografija tiegħu ‘Paura’, ippubblikat fl-2014, Argento jiddeskrivi l-ewwel darba li mar fil-kapitali ta’ Piemonte. Kien għadu tifel meta missieru mar Turin għax-xogħol, u ħa miegħu lil ibnu ċkejken. Waslu filgħaxija. Ix-xita tat lill-belt awra li ssaħħrek, li mill-ewwel ġibditu lid-direttur futur.

Il-karriera tiegħu bdiet fl-1970 bil-film L’uccello dalle piume di cristallo (L-Għasfur bir-Rix tal-Kristall), imma kien fit-tieni film tiegħu, Il gatto a nove code (Il-Qattus b’Sebat Idnub) (1971), li Turin saret il-post ideali għall-films tiegħu. Il-karattri f’dan il-misteru ta’ qtil jgħixu u joperaw fl-isqaqien ta’ din il-belt, sax-xatt tax-Xmara Po u jispiċċaw qalb l-oqbra taċ-Cimiterio Monumentale, iċ-ċimiterju.

Film ieħor inħareġ fl-1971, Quattro mosche di velluto grigio (Erba’ Dubbiniet fuq Bellus Griż), film ta’ suspans ta’ kriminali partikularment tqil. Turin jerġa’ jkun il-post ta’ din l-istorja.

Fl-1975, meta nħareġ il-film disturbanti Profondo Rosso (Aħmar Fond), l-aktar famuż mill-ħafna films ta’ Dario Argento, il-plazas ta’ Turin, ir-Residenzi Savoy tant magħrufa u l-isqaqien fiċ-ċentru ta’ Turin kważi ġew minsuġa fil-plott. Pereżempju, Villa Scott, bini bellezza fuq l-għoljiet tal-belt, huwa konness mal-viżwal tal-biża kkreat fi Profondo Rosso, peress li ntuża bħala ‘dar bil-fatati’ waqt l-iffilmjar.

Wara, il-kapitali ta’ Piemonte, intagħżlet bħala l-post għal erba’ films oħra. L-ewwel wieħed minn dawn kien il-film ta’ suspans Non ho sonno (Bla Rqad) fl-2001, u warajh ġie Ti Piace Hitchcock (Jogħġbok Hitchcock?), film li sar għat-televixin fl-2005 b’omaġġ għall-maestro l-ieħor tas-suspans, l-Ingliż Alfred Hitchock. Fl-2007, l-iffilmjar ta’ La terza madre (It-Tielet Omm) ukoll sar f’Turin. Dan kien il-kapitlu finali mit-triloġija ‘Le tre madri’, magħrufa bħala s-saga tat-tliet ommijiet: serje ta’ 3 films tal-orrur ibbażati fuq tliet sħaħar tal-antik. Finalment, fl-2009, feġġ il-film Giallo, miġbud f’Turin, naturalment.

Monte dei Cappuccini, Turin. Photo: flickr (Alessio Maffeis)

Anke mingħajr ma ssegwi l-ħajja personali ta’ Argento, tista’ tgħid illi din il-belt tkun ‘post naturali’ għal stejjer ta’ maġija u misteru. F’dal-punt, però, il-qarrejja mhux familjari, li forsi ma jifhmux il-konnessjonijiet bejn Turin u d-dinja tal-maġija, jeħtieġu spjegazzjoni. Il-kapitali ta’ Piemonte hija l-belt l-aktar popolari għall-maġija fl-Italja, u mhux biss għax fiha hemm il-Liżar ta’ Turin, murija fil-Katidral. Hija wkoll magħrufa ħafna għall-prattika tal-arti okkulta u l-post fejn jiltaqgħu ż-żewġ ‘trijangoli maġiċi’: l-abjad konness ma’ Lyon u Prague u l-iswed konness ma’ Londra u San Francisco.

Tista’ tgħid li huma biss miti, imma anke llum f’dinja dominata mill-magni u l-kompjuters, tista’ tħoss, jew tal-anqas timmaġina, xi ħaġa superstizzjuża – il-maġija li baqgħet fl-isqaqien ta’ Turin. Biex ma nsemmux in-netwerk tal-mini taħt l-art u l-kantini moħbija taħt il-belt, ħafna drabi d-destinazzjoni ta’ turisti aktar kuraġġużi li jixtiequ esperjenza rari. Vjaġġi billejl eżistew għal għexieren ta’ snin għal nies li jridu jinvestigaw l-aktar tradizzjonijiet u leġġendi kurjużi tal-‘maġika Turin’. Fosthom huwa d- Dario Argento Tour Locations Torino, li jsir kull sena f’Settembru (l-aktar riċenti kien fit-3 ta’ Settembru). Dan hu wieħed mill-aktar modi oriġinali kif tesplora l-belt, kif ukoll mod li jħobbu ħafna dawk li jħobbu ċ-ċinema. Il-vjaġġ iżur madwar 30 post famuż, kollha fejn ġibed il-films tiegħu Argento. Wieħed ma jistax jitlef is-sezzjoni tal-vjaġġ ta’ Villa Scott, kif ukoll Pjazza C.L.N. – il-post fejn fil-film Profondo Rosso, il-protagonist jiltaqa’ mal-ewwel omiċidju tal-waħx. Hawn, il-medjatriċi Helga Ulmann tiġi maqtula brutalment b’sikkina li juża tal-laħam, arma li jistgħu jammiraw il-membri ta’ dan il-vjaġġ, flimkien ma’ props oħra użati fuq is-sett tal-films ta’ Dario Argento u ‘mxerrdin’ tul il-ħafna sezzjonijiet tal-vjaġġ.

Allura, immorru mixja ħelwa f’Turin issa?

Awtriċi

Alessandra Ivaldi (Italja)

Tistudja: Lingwi barranin għall-Komunikazzjoni Internazzjonali

Titkellem: Taljan, Ingliż, Ġermaniż, Franċiż

L-Ewropa hija… wirt kulturali.

Traduttriċi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: il-Malti fl-Università

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Qarrejja tal-provi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php