L-Oktoberfest ta‘ Munich – attrazzjoni ta‘ bilfors jew nassa turistika?

L-Oktoberfest huwa l-ikbar ‘Volksfest’ (festival folkloristiku) fid-dinja, iżda forsi sar kbir wisq? L-awtriċi tagħna, li oriġinarjament hija minn Munich, tagħti l-opinjoni tagħha dwar x’inhu Oktoberfest, u jekk huwiex verament l-aħjar mod kif tesperjenza l-kultura Bavarjana..

Miktub minn Anja Meunier / 15.9.2017

Jekk għext fuq din il-pjaneta għal xi ftit taż-żmien, żgur mhux forsi smajt bl-Oktoberfest li jsir f’Munich fil-Ġermanja kull Settembru (iva, naf, tat-taħwid il-moħħ din). Munich huwa l-post fejn trabbejt u jekk tinzertani, forsi tiġik it-tentazzjoni li tgħidli li l-post fejn trabbejt int jagħmel il-verżjoni tiegħu huwa wkoll. Imma, ejja ngħidu kollox, xejn ma jikkumpara mal-Wiesn oriġinali, kif insejħulu hawn fi Munich.

Għal ħafna żgħażagħ, li żżur l-Oktoberfest hija xi ħaġa li trid tagħmilha għall-inqas darba f’ħajtek. Xi wħud oħrajn jgħidulek li sar kbir wisq u wisq mimli b’turisti u li hemm alternattivi aħjar kif tista’ tesperjenza l-kultura Bavarjana. Allura, min għandu raġun? Fil-verità, it-tnejn li huma.

L-ewwel Oktoberfest sar fl-1810 u kien ċelebrazzjoni tat-tieġ bejn Ludwig I tal-Bavarja, li aktar tard sar ir-Re tal-Bavaria, u l-Prinċipessa Therese ta’ Saxe-Hildburghausen. L-għelieqi fejn seħħew iċ-ċelebrazzjonijiet kien jisimhom Theresienwiese (“Il-Mergħat ta’ Therese”), u ċ-ċelebrazzjonijiet għadhom isiru hawnhekk sal-lum il-ġurnata. Is-sena ta’ wara, iċ-ċittadini ta’ Munich iddeċidew li jirrepetu l-fiera popolari u ta’ suċċess, u b’dan il-mod, twieldet din it-tradizzjoni.

Il-Ferris Wheel fl-Oktoberfest fi Munich © Michael Alger

Il-Ferris Wheel fl-Oktoberfest fi Munich © Michael Alger

Minn dak iż-żmien s’issa, l-Oktoberfest inbidel f’avveniment kbir fejn jattira madwar 6 miljun viżitatur kull sena, kemm dawk lokali kif ukoll dawk internazzjonali. Il-festival tradizzjonalment huwa magħmul minn żewġ partijiet: it-tined tal-birra u l-attrazzjonijiet.

Hemm erbatax-il tinda kbira u bosta tined oħra iżgħar, u kollha kemm huma jbigħu platti Bavarjani u xorb, u m’hemmx għalfejn ngħidu, jbigħu l-iktar, il-birra. Kull tinda għandha l-karattru tagħha; allura, filwaqt li Hofbräu-Festzelt hija popolari l-iktar mat-turisti internazzjonali li jħobbu jixxalaw, iż-żgħażagħ lokali jiffrekwentaw Hacker u Augustiner. Hemm ukoll tined li huma aktar adattati għall-familji, kif ukoll tined esklussivi li jilqgħu lis-soċjetà għolja ta’ Munich u tad-dinja, kif ukoll liċ-ċelebritajiet internazzjonali.

It-tieni parti tal-festival, l-attrazzjonijiet, hija daqstant importanti. Nofs iż-żona tal-festival huwa mgħotti mill-Ferris wheels, mir-roller coasters, mill-galleriji tal-isparar, mil-lotteriji u minn attrazzjonijiet tipiċi oħra tal-fieri. Jekk inti t-tip li tfittex l-eċċitament jew jekk għandek il-ħsieb li żżur iċ-ċirku tad-dud, m’intix se tkun iddiżappuntat. Waħda mill-attrazzjonijiet favoriti tiegħi jisimha Rotor, u bażikament din hija ċilindru kbir li tant kemm idur malajr u bis-saħħa li teħel mal-ħajt waqt li l-art jinżel ’l isfel. Imma ma nirrakkomandahiex wara li żżur it-tinda tal-birra…

Attrazzjoni fl-Oktoberfest f’Munich © Michael Alger

Attrazzjoni fl-Oktoberfest f’Munich © Michael Alger

Allura fejn hi t-tradizzjoni Bavarjana f’dan kollu? Xorta għadha preżenti ħafna. Fiż-żona kollha tal-festival u fil-fatt, fil-belt kollha, se tara lin-nies lebsin id-Dirndl jew Lederhosn, il-kostum Bavarjan tradizzjonali. Filwaqt li ż-żgħażagħ speċjalment jmorru għal verżjonijiet irħas u mhux daqshekk oriġinali, l-istampa ġenerali xorta hija waħda sabiħa. Ikkombina dan mal-Blasmusik (mużika tal-banda tar-ram) Bavarjana tradizzjonali li tindaq fit-tined sas-6 ta’ filgħaxija, Brezn (prezel) enormi bil-Obazda (ġobon tal-krema Bavarjan) jew Wienhendl (tiġieġ fil-forn) tradizzjonali, flimkien ma’ tazza ġiganteska ta’ birra, u tħoss il-Gemütlichkeit, Bavarjana, li bejn wieħed u ieħor tiġi tradotta bħala kumdità, informalità u rilassament.

Iżda meta l-kritiċi jgħidu li d-daqs ġigantesk tal-festival jirrovina l-esperjenza, għandhom punt. L-użu tat-trasport pubbliku tul dan il-perjodu ta’ ġimgħatejn huwa verament uġigħ ta’ ras, u l-prezzijiet għal saħansitra saqqu mal-art huma tal-biża’, biex ma nsemmux ukoll il-prezz tal-birra u tal-ikel fit-tined. Sabiex takkwista mejda f’waħda mit-tined waqt tmiem il-ġimgħa, li huwa neċessarju jekk trid tordna xi ħaġa, trid tbakkarlu fis-sebgħa jew fit-tmienja ta’ filgħodu u tistenna fi kju għal siegħa quddiem it-tinda. Għal ħafna nies, dan jirrovina l-gost kollu.

Ġewwa tinda tal-birra

Ġewwa tinda tal-birra. Photo: flickr (Roman Boed)

Allura jekk inti aktar tat-tip trankwill u xorta trid tagħmel parti tal-festini Bavarjani tradizzjonali, għandek bosta għażliet oħra minn fejn tagħżel, għax ovvjament, il-Bavarjani ma jixxalawx darba fis-sena biss. Il-festi f’Mejju huma għażla tajba, kif ukoll il-Frühlingsfest f’April jew f’Mejju, Nockherberg f’Marzu jew il-bosta Johannifeuer f’Ġunju. Kollha joffru tined tal-birra, ilbiesi tradizzjonali u ikel Bavarjan, u tgawdi esperjenza ħafna aktar rilassata. Xi wħud jinkludu wkoll tradizzjonijiet Bavarjani oħrajn, bħat-twaqqif ta’ Maibaum (siġra ta’ Mejju) bluna u bajda jew nar enormi li jiċċelebra l-itwal ġurnata tas-sena.

Iż-żvantaġġ huwa li xi wħud minnhom huma iktar diffiċli biex issibhom peress li jistgħu jsiru f’villaġġi iżgħar barra minn Munich. Xi wħud m’għandhomx attrazzjonijiet u m’hemmx daqstant għażliet fejn jidħlu t-tined. Madankollu, tista’ tiltaqa’ iktar faċilment man-nies lokali peress li dawn il-festi għandhom tendenza li ma jkunux daqshekk mimlijin b’turisti.

Iżda l-Oktoberfest xorta waħda huwa esperjenza unika, li naħseb jiena, huwa vallapena, għall-inqas għal darba. L-aħjar mod biex iżżurhom ovvjament, huwa ma’ ħbieb minn Munich li jafu l-ħjiliet kollha u forsi anke jħalluk torqod għandhom. Mela, fil-każ li tiltaqa’ miegħi, toqgħodx tirrakontali dwar l-Oktoberfest falz tiegħek – staqsini jekk tistax tiġi l-veru Oktoberfest tiegħi!

Author

Anja Meunier (Ġermanja)

Tistudja: il-Matematika u l-Ekonomija

Lingwi: Ġermaniż, Ingliż, Spanjol

L-Ewropa għandha… pajjiżi sbieħ, nies interessanti u stil ta’ ħajja eċċellenti. U għandha tibqa’ magħquda.

500px: Anja Meunier

Traduttriċi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Traduttriċi mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Qarrejja tal-provi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php