Il-Couchsurfing sar it-Tinder mhux konvenzjonali?

Nies lokali joffru akkomodazzjoni b’xejn u kumpanija tajba f’post mill-isbaħ? Donnha ħolma għall-vjaġġatur b’ħorġa fuq dahru! Għadha hekk, imma?

Miktub minn Iris Pase / 9.9.2017

Couchsurfing huwa servizz ta’ ospitalità u sit soċjali li sar famuż mad-dinja kollha u li llum għandu aktar minn 14-il miljun membru, u n-numru qiegħed dejjem jikber. Kif tifhem mill-isem stess, din il-pjattaforma tagħti lill-membri tagħha ċ-ċans li jospitaw jew ikunu l-mistednin f’dar xi ħadd – x’aktarx fuq is-sufan ta’ xi ħadd, u ċ-ċans ukoll li jinteraġixxu direttament man-nies tal-lokal. Aktar minn hekk, għal dawk li forsi ma jħossuhomx lesti li joqogħdu ma’ stranġier, jistgħu sempliċiment jiltaqgħu man-nies jew jingħaqdu għal attivitajiet organizzati mill-komunità tal-CS lokali.

Il-filosofija wara dan il-proġett tippromwovi skambju kulturali billi timxi mal-eqdem verità minnhom kollha: “Il-bniedem huwa annimal soċjali min-natura tiegħu.” Fil-fatt, m’hemmx mod aħjar kif tesplora u ssir taf xi post ġdid, milli billi tiltaqa’ man-nies t’hemmhekk, u tħossok komdu/a taqsam l-esperjenzi u l-ideat f’ambjent ġdid, u għalhekk, tinħoloq konnessjoni bejn individwi li qegħdin jippruvaw jifhmu mentalitajiet differenti.

Ritratt: flickr (ephidryn)

Imma kif beda dan il-Couchsurfing?

Lura fl-1999, Casey Fenton, żagħżugħ ta’ 25 sena li jipprogramma l-kompjuters, ibbukkja titjira rħisa lejn l-Iżlanda, imma ma kellux fejn joqgħod. Huwa rrifjuta li joqgħod f’post ordinarju, allura sfida xortih u bagħat ittre lil aktar minn 1500 student Iżlandiż f’Reykjavik, jistaqsihom jekk jospitawhx fuq wieħed mis-sufanijiet tagħhom. Tar-raġel fortunat li hu, irċieva ħafna tweġibiet u għall-gost tiegħu, dawn l-istudenti ma kinux qegħdin joffrulu sufan biss, imma ċ-ċans li jdawruh u jara lil Reykjavik tagħhom. Tant ħa gost b’din l-esperjenza, li għażel li “couchsurfing” isir il-mod ta’ vjaġġar tiegħu.

Ftit snin wara, irnexxielu jressaq l-esperjenza tiegħu kemm f’organizzazzjoni li ma tiħux profitt u anke fuq sit, u għalhekk ħoloq wieħed mill-aktar eżempji famużi tal-ekonomija maqsuma. Madankollu, l-istatus ta’ CS bħala organizzazzjoni bla profitti pprevenieha milli jkollha r-riżorsi biex tlaħħaq mal-mewġa ta’ membri ġodda, li rriżultat f’ħafna problemi tekniċi.

Peress li bla donazzjonijiet ma setgħetx issostni lilha nnifisha, Couchsurfing aċċettat $7.6 miljuni mingħand il-kapitalist ta’ riskju Benchmark Capital u Omidyar Network, u saret – kif jgħid Fenton stess – Korporazzjoni B, li hija intrapriża li tuża l-poter ta’ negozju biex tikkrea benefiċċju pubbliku. Sena wara, il-kumpanija rċeviet fondi ta’ $15-il miljun oħra li ppermettew l-organizzazzjoni li issa kienet tieħu profitti biex tiġġedded u żżid servizzi ġodda; għalkemm, anke jekk il-problemi finanzjarji kienu ġew riżolti, kien se jinqala’ gwaj ieħor.

Couchsurfing jew… sexsurfing? Żmien il-“couchsurfers innoċenti” wasal fi tmiemu?

“Għamilna dak kollu li kienu jagħmlu l-adulti. X’mar żmerċ?”
― William Golding, Lord of the Flies

Sa mit-trasformazzjoni ta’ din l-organizzazzjoni f’waħda li tagħmel profitt, it-tkabbir kostanti ta’ din il-komunità apparentament iddetermina tmiem l-innoċenza tal-Couchsurfing: ħafna membri ġodda ma jaqblux mal-filosofija tal-qsim, anzi pjuttost għandhom attitudni “do ut des”, ħafna drabi jistennew li jitħallsu bis-sess talli jilqgħu lil xi ħadd għandhom.

Ipprova ikteb “couchsurfing” fuq Google jew aqra ftit bloggati tal-ivvjaġġar dwaru u tinnota kif din il-pjattaforma qiegħda tinbidel f’sit tad-dating. M’iniex qiegħda nitkellem fuq sess każwali bejn mistieden u dak li jospitah, ċertament m’iniex nikkritika att ta’ kunsens bejn żewġ adulti. Il-kwistjoni li qed nindirizza huwa l-fatt li, kif tgħid il-blogger li tħobb tivvjaġġa Agnes Walewinder, “in-nies jużaw dal-mod biex jiġru wara tfajliet għal sess b’xejn u viċiversa.” Il-Couchsurfing kellu jkun port sigur għal vjaġġaturi differenti imma minflok, qiegħed jinbidel f’Sexsurfing, u b’hekk, in-nies li jivvjaġġaw, speċjalment dawk nisa, qegħdin jibżgħu jużawh bil-biżgħa li jiġu abbużati sesswalment, stuprati jew anke maqtula.

Bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, il-post issa huwa ppopulat mill-hekk imsejħa artisti pick-up, nies (tipikament irġiel imma mhux esklussivament) mħarrġa biex jattiraw jew jiġru wara sieħba sesswali b’mod normali: liema mod hu aħjar biex isseddaq l-oġġettifikazzjoni u t-tiċkin tal-mara?

Ħu, pereżempju, l-artikli ta’ John Maverick “Kif tisseduċi tfajliet imqarbin tal-Couchsurfing” u “8 sinjali li tfajla tal-Couchsurfing hija mqarba.” L-awtur jgħid li ngħaqad mal-CS biex “jaħxi t-tfajliet” u jaqsam il-“kompetenza” tiegħu biex jgħin lil irġiel oħra li jsibuha diffiċli jorqdu ma’ mara. Ovvjament, minflok ma ssuġġerixxielhom kif javviċinaw lil dawk femminili b’mod ta’ rispett, Maverick jibbaża t-tekniki tiegħu fuq is-sottomissjoni u l-qer q, ipinġi lin-nisa bħala priża, li għandhom jinqabdu billi l-irġiel jieħdu vantaġġ tal-promiskwità u l-frivolità mistħajla tagħhom. Iż-żewġ artikli jirrappreżentaw l-eżempju perfett tas-soċjopatija,ix-xoviniżmu mill-irġiel, u l-misoġinija, kif ukoll tip ta’ razziżmu, u nikkwota: “Filwaqt li xi nazzjonalitajiet huma eħfef minn oħrajn, kien hemm xi ħaġa f’dal-pajjiżi (jiġifieri, Franza, il-Fillandja u l-Polonja) li donnhom jimmanifatturaw tfajliet li huma kważi dejjem ħaxja garantita.”

Sfortunatament, dan mhuwiex każ iżolat: Business Insider iddefinixxa CS “l-aqwa applikazzjoni qatt ivvintata biex tiltaqa’ u tmur ma’ nies għal darba waħda biss”, filwaqt li gwidi ta’ kif tiltaqa’ ma’ xi ħadd biex torqod miegħu għal lejl wieħed biss qegħdin jittellgħu fuq l-internet dejjem aktar frekwentament, flimkien mal-fondazzjoni ta’ siti bħal Couchbangs, repertorju ta’ laqgħat sesswali kkompilat minn ospitanti tal-CS li rnexxielhom jieħdu lill-mistednin tagħhom, maskili jew femminili, ġo soddthom.

Backpackers. Ritratt: flickr (Garry Knight)

Dan hu t-tmiem ta’ Couchsurfing?

Huwa possibbli li CS jintuża b’mod sigur jew għandna nabbandunawh u nużaw xi pjattaforma alternattiva bħal Hospitality Club, Trustroots, jew Be Welcome?

Ċertament, CS sar aktar perikoluż minn qabel, imma l-komunità tiegħu għadha ppopulata minn nies twajba u ġenwini li jħobbu jivvjaġġaw; għalhekk, qatt ma nasal nagħtikom parir li tabbandunaw il-komunità. Aktar minn hekk, jekk il-membri rispettabbli jitilqu, il-bidla f’sit tad-dating tkun kompluta u ma nistgħux nippermettu li jiġri dan. Couchsurfing kien ħolma li saret realtà għal eluf ta’ vjaġġaturi u għadha tista’ tkun, jekk ninkoraġixxu lin-nies biex jużawha għall-kawża oriġinali tagħha.

Għalhekk huwa kruċjali għalina li nifhmu l-ewwel nett, jekk ospitant għandux jiġi fdat. Jeħtieġ li nkunu infurmati, kemm fuq id-destinazzjoni tagħna, kif ukoll fuq it-tieni għażla possibbli ta’ akkommodazzjoni; fl-istess ħin, jaf ikun utli li wieħed iżomm f’moħħu liema karatteristiċi normalment ikollhom dawn l-artisti pick-up u attakkanti sesswali possibbli. Biex nagħtikom ftit ħjiel fuq din il-kwistjoni, illum qegħdin nitkellmu ma’ Hannah, couchsurfer esperjenzata u appassjonata dwar li tfittex l-avventura, li se taqsam l-esperjenzi t-tajbin u l-ħżiena magħna u tagħtina ftit ħjiliet kif nistgħu nkunu siguri.

Meeting Halfway: Ejj Hannah, merħba, u grazzi talli qed taqsam ħinek magħna. Ejja nibdew mill-bidu. Kif sirt taf bil-Couchsurfing?

Hannah: Ejj! Mela, ilni nivvjaġġa barra waħdi minn mindu kelli 18, u malajr tgħallimt l-importanza li żżomm baġit int u tivvjaġġa. Tgħallimt ukoll post kemm isir speċjali meta tarah ma’ xi ħadd mil-lokal. Ma nistax niftakar eżattament min qalli dwar Couchsurfing, imma veru xtaqt immur l-Indja u noqgħod ma’ xi ħadd minn hemm, allura rreġistrajt u l-bqija tafuh!

MH: Tal-ġenn! Kont veru kuraġġuża biex mort post bħall-Indja waħdek, speċjalment peress li hu meqjus bħala pajjiż perikoluż għal mara waħedha. Kif qegħdin fuq is-suġġett, fl-esperjenza tiegħek tal-CS, affaċċjajt diffikultajiet minħabba s-sess tiegħek, forsi sitwazzjonijiet jew individwi daqsxejn tal-biża’?

H: Kelli xi darbtejn fejn irrealizzajt li r-raġel kien qed jistenna s-sess mingħandi. Jien u nivvjaġġa fl-Iskozja, kien hemm raġel li veru ġegħilni nħossni f’periklu. Deher normali meta ltqajna f’kafetterija, imbagħad ħadni fl-appartament tiegħu f’post baħħ u beda jaġixxi b’mod stramb. L-ewwel intbaħt b’niċċa daqsiex iddedikata lil Margaret Thatcher. Qalli li se jsajjarli għaġin u letteralment kemm tefa’ spagetti mhux misjur fil-microwave biz-zalza tat-tadam fuqu. Qalli li kien fatat u staqsa jien nixtieqx inkun fatat ukoll. Qalli li ħafna couchsurfers jispiċċaw jorqdu flimkien, u meta għidt li m’iniex interessata, ipprova jġegħilni nħossni stupida talli akkużajtu li kien qed jipprova jidħolli. Staqsieni rridx te u għalaq il-bieb tal-kċina hu u jagħmlu, allura ma xrobtux. Lanqas għalaqt għajn m’għajn u tlaqt kif telgħet ix-xemx, u kulma qalli kien “iktibli kummenti tajbin.”

MH: Tal-imġienen din, u min jaf kemm bżajt! Il-maġġoranza tan-nisa abbużati jew mhedda ma jirraportawx l-ospitant tagħhom biex ma jkollhomx kummenti negattivi fuq CS. Int x’għamilt? Irrapurtajtu jew ktibtlu xi ħaġa negattiva?

Hannah. Ritratt: Privat

H: F’dawk il-jumejn ma ktibtlu xejn (kont impenjata nagħmel il-hitchhiking u nesplora, u ma kellix mument biex inpoġġi u nagħmilha) u hu kiteb kummenti foloz u kattivi dwar kif jien użajt LILU. Irrappurtajtu lil CS u għidtilhom x’għamel, u naħseb ħassrulu l-paġna? Jew ħassarha hu, għax sparixxiet. Xhur wara rċivejt messaġġ mingħand wieħed fuq CS bl-istess kunjom bħali (!!) – imma l-ebda ritratt jew kumment – isejjaħli kelba kerha u mfissda. Għidtlu jmur isib ħajja u bblokkjajtu, qatt m’erġajt smajt mingħandu.

MH: Sfortunatament, m’intix l-unika persuna li rċeviet kummenti ħżiena mingħand l-“attakkant sesswali” tagħha stess. Anzi kellek kuraġġ tirrappurtah, allura nittamaw li ma jagħtix fastidju lil nies oħra. Liema kriterji tuża issa biex tagħżel l-ospitanti tiegħek, speċjalment wara dawk l-esperjenzi xejn sbieħ?

H: Indum biex nagħżel. Irid ikollhom ħafna kummenti. Tipo, xi 30+. U naqrahom kollha. U jekk kollha jkunu kummenti minn nisa, dik bandiera ħamra u ma nibagħtilhomx messaġġ. Aqra l-profil tagħhom sew għaliex kapaċi nxomm xi qarrieq faċilment minn hekk. Ibgħatilhom aktar minn sempliċiment “tista’ tospitani?” u jiena dejjem niltaqa’ magħhom f’post bin-nies l-ewwel. Forsi qatta’ l-ewwel lejl f’lukanda u jekk tafdahom mil-laqgħa tagħkom ‘l hemm, tista’ toqgħod magħhom il-lejl ta’ wara jew tkun għamilt ħabib/a ġdid/a!

MH: Ħafna tfajliet jippreferu joqogħdu ma’ tfajliet biss, taqbel? Jew taħseb li hekk tkun qed taħli l-esperjenza vera ta’ CS?

H: Personalment, le. Qgħadt ma’ xi tfajliet u ħadt gost imma kuntenta li ħadt ir-riskju noqgħod ma’ rġiel għaliex żviluppajt xi ħbiberiji platoniċi sbieħ. Qatt ma mort ma’ xi ħadd qed jospitani jew ħassejt li għandi nagħmel hekk (l-Iskoċċiż beżżagħni imma onestament ħassejtni li jekk missni jew heddidni b’xi mod, nista’ naħrab faċilment. Kienet l-għażla tiegħi li nistenna sal-għada filgħodu). Madankollu, ma nistax niddetta l-livell ta’ kumdità ta’ ħaddieħor, allura jekk tfajla tħossha aħjar toqgħod ma’ tfajliet biss, ma naħsibx li l-esperjenza se tkun irrovinata jew moħlija, lanqas xejn..

MH: Tidher li tħobb CS u l-opportunitajiet li toffri. Għaliex, fl-opinjoni tiegħek, xi ħadd għandu jesperjenza couchsurfing tal-anqas darba f’ħajtu?

H: Għalija, l-aqwa ħaġa dwar couchsurfing hi li tista’ tara l-post minn għajnejn il-persuna tal-lokal. Jgħidulek stejjer dwar it-trobbija tagħhom fil-belt/pajjiż konċernat/a, jistgħu jagħtuk lezzjoni tal-istorja, jew jgħidulek il-verità dwar kif inhi li tgħix f’dak il-pajjiż. U li ssir taf ħjiliet sigrieti dwar l-aħjar postijiet għall-ikel jew għall-ħruġ huwa ta’ valur ukoll! Ngħid għalija, wkoll, bħala tfajla li tħobb tivvjaġġa waħidha, inħossni iktar komda nagħmel il-couchsurfing milli noqgħod f’hostel peress li qed tiġi ggwidata minn persuna li taf it-toroq, id-drawwiet u n-nies. Ġieli meta tkun qed iddur qisek turist/a mitluf/a, tista’ taqa’ fil-mira tal-ħallelin tal-bwiet jew tista’ tħossok imħawwad/imħawda u ma tafx x’se taqbad tagħmel, speċjalment jekk ikun hemm l-ostakolu tal-lingwa. Il-couchsurfing jista’ jagħmel li post barrani jġiegħlek tħossok qisek qiegħed/qiegħda f’pajjiżek.

MH: Wara dawn is-sitwazzjonijiet tal-biża’ kollha, fl-aħħar wasalna għall-aspett is-sabiħ ta’ CS, allura għaliex ma ntemmux il-konversazzjoni tagħna bl-aqwa esperjenza ta’ CS tiegħek s’issa?

H: Diffiċli nagħżel l-aħjar esperjenza, tant kelli esperjenzi sbieħ, imma kien hemm tnejn veru memorabbli. L-ewwel waħda kienet Sarajevo, u t-tieni meta kont Għawdex ma’ wieħed omosesswali ta’ xi 50 sena u fuqhom. Kien joqgħod waħdu f’din id-dar fuq stil bungalow, eklettika b’ħafna ċekċik, librerija ġganteska, ilma riċiklabbli, dielja tikber ġewwa u barra, u gallarija fuq il-bejt. Meta qgħadt miegħu kien qiegħed jospita 6 persuni b’kollox, bis-sodod fuq xulxin u sufanijiet li jinfetħu. Dan ir-raġel inkredibbli, fil-verità: isajjar tliet ikliet enormi, sħan u minn tad-dar. B’xejn! Dejjem iffaċilita konverżazzjonijiet drammatiċi dwar l-istorja, il-politika, ir-reliġjon jew il-ħajja u l-konversazzjonijiet li kellna madwar il-mejda tal-ikel kienu ta’ ispirazzjoni. Qatt ma talab xejn lura mingħandna. Inkredibbli. Irrid nirringrazzjah ukoll għaliex għamilt ħbieb sewwa ma’ couchsurfer oħra/ieħor li qagħdet/qagħad miegħu meta kont hemm jien, u għadna f’kuntatt sal-lum.

Awtriċi

Iris Pase (Italja)

Tistudja: l-Istorja u l-Filosofija

Lingwi: Taljan, Ingliż

L-Ewropa hija… li tiltaqa’ ma’ persuna Ewropea oħra u tħoss storja, kultura u attitudni komuni.

Blog: The Venetian Rover

Traduttriċi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: il-Malti fl-Università

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Qarrejja tal-provi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Traduttriċi mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php