Mal-Unjoni Ewropea ma tiċċajtax

“Le għall-Unjoni Ewropea.” Kollox sew, imma wara, x’se jiġri? Rinaxximent nazzjonalist? Iżolament u marġinalizzazzjoni politiċi? It-tkattir tal-mibegħda u l-għeluq tal-fruntieri? Il-movimenti kontra l-Ewropa qed jiżdiedu, u mhux biss fir-Renju Unit fejn il-Brexit uriena li kollox huwa possibbli. Dan jurina li x-xettiċiżmu għall-UE jirrappreżenta theddida reali għall-valuri bażiċi tal-koeżistenza Ewropea tagħna.

L-istudenti mill-iskola sekondarja Franko-Ġermaniża fi Freiburg / 25.8.2017

Sittin sena wara t-twaqqif tal-komunità ekonomika tagħna, għadd kbir ta’ Ewropej jidhru kritiċi tal-ikbar kisba tagħhom. Għala? Wieħed jifhem li l-eżistenza ta’ din l-unjoni tista’ tiġi ddubitata minn xi wħud mill-510 miljun ċittadin tagħha. Huwa ċar ukoll li l-Unjoni Ewropea tagħna, kif inhi bħalissa, hija kumplessa u mhijiex kompluta. Diffiċli tifhimha peress li tikkonsisti minn għoqda kumplessa ta’ regoli u leġislazzjonijiet li ma jagħmluhiex trasparenti u li jagħmluha burokratika wisq biex tkun qrib tal-popolazzjoni. Dawn huma wħud mill-argumenti kritiċi ewlenin.

Din l-unjoni tabilħaqq tista’ tidher ‘il bogħod mir-realtà ta’ kuljum ta’ ħafna nies. L-UE ssaħħaħ is-setgħa tal-lobbisti u tittraskura liċ-ċittadin individwali. L-Unjoni Ewropea trid tagħti stampa ta’ unità, minkejja li ma tistax tipprovdi unità politika. Minħabba dan in-nuqqas ta’ politika uniformi, huwa impossibbli li d-disparità ekonomika u l-inugwaljanza soċjali li jiżviluppaw fil-pajjiżi Ewropej jiġu omoġenizzati. Il-klassijiet soċjali qed jitbiegħdu minn xulxin dejjem iktar.

Ma jidhirx neċessarju li niftakru x’jista’ jiġri f’Ewropa mifruda u ostili. Jew huwa neċessarju? L-ewwel nofs tas-seklu li għadda għandu jservi ta’ twissija. Il-Komunità Ekonomika Ewropea twaqqfet bħala mezz biex tassigura u tipproteġi l-paċi. Dan il-għan inkiseb b’suċċess. Fl-Ewropa llum, tista’ taqra dwar il-gwerra fil-kotba tal-istorja biss.

F’dan il-mument preċiż, filwaqt li eluf ta’ nies qed jaħarbu mit-traġedja tal-gwerra u mit-terrur, għandna nkunu grati għal din il-barka prezzjuża u għandna nippreservawha bil-galbu. Ikun żball kbir li nipperikolaw dan kollu.

L-Unjoni Ewropea tipproteġi d-demokrazija. Il-libertà tal-istampa, tal-opinjoni u tar-reliġjon huma ftit eżempji biss tad-drittijiet invjolabbli li għandu kull ċittadin Ewropew. M’aħniex fortunati ħafna li ngħixu f’pajjiż fejn il-prinċipji ta’ libertà u awtodeterminazzjoni huma integrati fil-kostituzzjoni? Kemm hawn gvernijiet li għadhom awtoritarji u li ma jurux rispett lill-bniedem uman? Kemm hawn nies li għadhom qed jiġġieldu għal-libertà u li huma oppressati, ittorturati u qed jiġu mmassakrati?

Kull stat membru tal-Unjoni Ewropea għandu jirrispetta l-prinċipji tad-demokrazija u meta pajjiż ġdid irid jingħaqad mal-UE, għandu l-ewwel jissottometti ruħu għal serje ta’ verifiki li jiggarantixxu demokrazija stabbli.

Tnejn mill-aspetti ewlenin tal-UE huma l-moviment ħieles ta’ persuni u ta’ prodotti u l-munita l-komuni. Dawn, flimkien mal-libertà u d-demokrazija, huma l-fatturi ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Mhumiex perfetti, dak huwa żgur. Fuq kollox, l-użu tal-ewro qed jiġi kkritikat ħafna. Madankollu, l-iskambju tal-munita sparixxa fiż-żona tal-ewro, kif ukoll l-ispejjeż assoċjati ma’ dan.

Kwalunkwe ċittadin Ewropew jista’ jiċċaqlaq, jivvjaġġa u jaqsam il-fruntieri liberament mingħajr ma jiġi mmonitorjat. Il-Ftehim tax-Schengen, fejn huma inklużi dawn id-drittijiet, mhux biss iġibu prosperità ekonomika, imma fuq kollox, skambju kulturali wkoll. Dan l-iskambju jwassal għal komprensjoni bejn il-kulturi u jikkontribwixxi għall-ħarsien ta’ koeżistenza paċifika.

Meta tiġri l-kelma li xi pajjiżi jridu jibnu ħitan u fruntieri, ma tistax ma xxengilx rasek bi stagħġib. M’għandna qatt nirritornaw għal dan il-punt għax il-libertà li taqsam il-fruntiera ta’ pajjiżek stess m’għandhiex tiġi kkontestata, hu x’inhu l-għan li trid tikseb. Ikun pass lura għas-soċjetà Ewropea tagħna, li tant hija libera u diversa.

L-Unjoni Ewropea mhix perfetta. Madankollu, tiggarantixxi l-libertà u s-sigurtà. Li nikkritikawha hija leġittima. Li nkissruha mhuwiex. Ma nistgħux nikkontestaw il-fatt li huwa ż-żmien għal bidla u trasformazzjoni għax l-UE trid tkun ippreparata għad-dmirijiet futuri tagħha. Dan it-tibdil irid jinkiseb mingħandna lkoll, mingħajr ostilitajiet u tifrid minn ġewwa.

Illum iktar minn qatt qabel hemm bżonn ta’ tisħiħ fl-UE. Mhuwiex privileġġ li tara li l-ġirien u sħabek huma liberi u mingħajr restrizzjonijiet? Li tivvjaġġa mingħajr ma jkollhom joqogħdu jispezzjonaw bir-reqqa l-passaport tiegħek? Li tevita x-xogħol tedjanti li tbiddel flusek kull darba li trid taqsam il-fruntiera? U fost kollox, mhuwiex privileġġ li tgħix fil-paċi? Għalina l-Ewropej, dawn id-drittijiet saru familjari; sa issa, noħduhom bħala fatt iggarantit. Iżda hemm iktar u iktar nies li qed jixħtu dubju fuq dawn il-privileġġi kollha.

Għeżież ċittadini Ewropej, aħna favur l-Ewropa u dan qed niddikjarawh fil-miftuħ. Aħna kburin li nagħmlu parti minn komunità b’510 abitant; komunità li għanda wirt kulturali diversifikat u varjat. Irridu li jkun hemm skambju u mhux ħitan. L-Unjoni Ewropea tagħna għandha tibqa’ sinonimu mal-libertà, il-paċi u s-sigurtà. Nittamaw li naraw UE iktar demokratika u trasparenti b’iktar ugwaljanza soċjali. U għandna bżonn ta’ proġetti kbar għall-kontinent Ewropew kollu, pereżempju, fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli.

Dan l-artiklu ġie ppubblikat oriġinarjament fuq thenewfederalist.eu, il-magazin taż-Żgħażagħ Ewropew Federalisti. Il-kontenut tagħhom huwa ppublikat bl-Ingliż, Franċiż, Spanjol, Ġermaniż u Taljan.

Awturi

Il-bord tal-istudenti, appoġġjat mill-ġenituri, l-għalliema u d-direttorat tal-iskola sekondarja Franko-Ġermaniża fi Freiburg im Breisgau, il-Ġermanja.

L-iskola sekondarja Franko-Ġermaniża fi Freiburg hija skola binazzjonali u bikulturali li għandha status speċjali minħabba t-trattat ta’ sħubija Franko-Ġermaniża tal-1963. L-istudenti jistgħu jibbenifikaw minn żewġ sistemi edukattivi peress li l-għalliema huma Ġermaniżi kif ukoll Franċiżi.

Traduttriċi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Traduttriċi mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Qarrejja tal-provi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: BA fil-Malti u l-Ingliż

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

This post is also available in Bosanski - Hrvatski - Srpski, English, Español, Français, Italiano, Türkçe and [Main Site].

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

Il-konfigurazzjonijiet tal-cookies fuq dan il-websajt huma ssettjati għal "aċċetta cookies" sabiex ikollok l-aħjar esperjenza possibbli ta' tiftix fuq l-Internet. Jekk tkompli tuża dan il-websajt mingħajr ma tbiddel il-konfigurazzjonijiet tiegħek tal-cookies jew jekk tikklikkja isfel fuq "Aċċetta", allura qed tagħti l-kunsens tiegħek għal dan.

Agħlaq