Il-Loi mannequin – liġi għal dehra tal-ġisem iktar b’saħħitha

Permezz tal-“loi mannequin” (il-liġi tal-mudelli) il-ġdida tagħha, Franza qed tikkommetti ruħha lejn il-ġlieda kontra l-anoressija fost il-mudelli u ż-żgħażagħ. Din il-liġi se jkollha impatt importanti fuq saħħet in-nisa – jew hija sempliċiment prova għal xejn?

Miktub minn Alessandra Ivaldi / 2.8.2017

Il-“loi mannequin”, li għandha l-għan li tiġġieled l-anoressija, għadha kif ġiet implimentata fi Franza. Din il-problema perikoluża ħafna tal-ikel taffettwa l-iktar lit-tfajliet u lin-nisa żgħażagħ li jaraw lill-mudelli li huma irqaq wisq bħala eżempji sbieħ ħafna li għandhom jimitaw. Din il-problema tolqot ukoll lill-mudelli li ta’ spiss jiġu sfurzati li jissagrifikaw is-saħħa fiżika u mentali tagħhom biex javvanzaw fil-karriera tagħhom. L-anoressija mhux biss twassal għad-degradazzjoni fiżika imma għandha effetti devastanti fuq is-saħħa mentali wkoll. Jekk din ma tiġix ittrattata mill-iktar fis, tista’ tiżviluppa f’kundizzjoni permanenti u, fl-agħar każijiet, tista’ twassal ukoll għall-mewt.

Huwa stmat li madwar 600,000 żagħżugħ u żagħżugħa fi Franza ibatu minn problemi tal-ikel u 40,000 minnhom ibatu mill-anoressija. Minbarra dan, din il-problema tirrapreżenta t-tieni l-ikbar kawża ta’ mewt fost iż-żgħażagħ li għandhom bejn il-ħmistax u l-erbgħa u għoxrin sena, wara l-aċċidenti bil-karozza.

Fost il-vittmi tal-anoressija, insibu lill-eks-mudella kuraġġuża Victoire Maçon Dauxerre. Wara li ġiet umiljata, batiet u saħansitra ppruvat tneħħi ħajjitha b’idejha, minn dak iż-żmien ‘l hawn, Victoire rnexxielha tibni ħajja ġdida għaliha nnifisha u tippubblika bestseller traġiku u xokkanti dwar il-“ħajja sigrieta” tal-mudelli. Jamais assez maigre. Journal d’un top model. (‘Qatt m’int irqiqa biżżejjed: id-Djarju ta’ Top Model) huwa l-isem mimli sinifikazzjoni tad-“djarju” tal-mudella fejn tirrakonta l-istorja tal-esperjenza muġugħa tagħha.

Kellha sbatax-il sena meta ġiet rikonoxxuta minn aġenzija tal-mudellar. Kien żmien diffiċli għal Victoire. Bħal ħafna tfajliet oħra tal-età tagħha, il-mudella futura dak iż-żmien kienet tinsab fi stat ta’ inċertezza. Il-ħolma tagħha kienet li tistudja fl-università prestiġġjuża ta’ Sciences Po, iżda sfortunatament m’għaddietx mill-eżami tad-dħul. Ħassitha fraġli u mingħajr ebda idea ċara dwar dak li kellha tagħżel għall-futur tagħha u allura, waqgħet għas-seduzzjoni tal-industrija brillanti u kollha tlellix tal-moda. Moħħha kien mimli ħolm: li tivvjaġġa f’postijiet faxxinanti, taqla’ l-flus faċilment, takkwista l-fama… Iżda l-industrija tal-moda kellha sorpriżi ferm differenti lesti għaliha.

Victoire minn dejjem kienet tfajla sabiħa, twila (1.78 metri) u rqiqa… imma ma kinitx irqiqa biżżejjed biex tidħol fid-daqs Ewropew 32. Dak kien il-bidu tal-ħolma kerha. Victoire ma baqgħetx tiekol u spiċċat tiżen 47 kilo biss. Inqatlet bil-ġuħ biex tirqaq, tilfet xagħarha u saret skeletali. Imma l-moda saret droga u ma kienx hemm mod għaliha kif teħles mill-vizzju tagħha. Hi u tiftakar dawn il-mumenti koroh, Victoire tispjega li aktar ma tinżel fil-piż, aktar tara lilek innifsek bħala ħoxna. U l-ironija tas-sitwazzjoni hija li l-mudelli jiġu sfurzati jieqfu jieklu minkejja l-fatt li l-biċċa l-kbira tar-ritratti tagħhom imbagħad jiġu mmodifikati biex jiġu jidhru iktar irqaq milli diġà jkunu.

Għadda ż-żmien u Victoire saret iżjed u iżjed iddisprata u anzjuża, sa ma ħadet id-deċiżjoni iddisprata li tipprova tagħmel suwiċidju. Madankollu, Victoire wriet ruħha iktar b’saħħitha minn bosta oħrajn u rnexxielha tgħix. Issa tgħidilna l-istorja tagħha mingħajr ma taħsibha darbtejn. Fid-dinja tal-moda, mhux kulħadd għandu ċ-ċans jgħid il-verità. Victoire kienet kapaċi tikteb il-ktieb tagħha għaliex telqet mill-industrija tal-moda.

Jamais assez maigre huwa vjaġġ f’dinja infernali fejn tiltaqa’ ma’ mudelli li jirrimettu, li jieħdu l-lassattivi u d-drogi biex iġarrbu l-għaks u l-eżawriment fil-ġimgħat ta’ qabel l-isfilati tal-moda. Anke l-isport mhuwiex permess minħabba l-“biża'” li jiżviluppaw il-muskoli.

Il-mudelli ma għandhomx permess igergru u jilmentaw. Jekk waħda minnhom tħossha ma tiflaħx jew tħossha ħażin qabel sfilata, ħadd ma jissogra jikkummenta. Din hija sitwazzjoni “normali” li ma tiswiex li wieħed jitkellem fuqha. Din hija dinja malizzjuża u ipokrita. Victoire tikteb dwar kif ħadd ma jgħid lill-mudelli biex ma jieklux: sempliċiment taf li bilfors trid tkun tista’ tidħol fl-ilbiesi li jagħtuk, li jfisser li l-uniku għażla li għandek hi li tnaqqas fil-piż. Is-sistema hija ddisinjata biex finalment ħadd ma jkun jista’ jiġi akkużat li ħeġġeġ l-anoressija.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn, Victoire laħqet gradwat minn Sorbonne f’Pariġi fejn studjat il-filosofija. Riedet “terġa’ ssib moħħha”, u li tieqaf tara lilha nnfisha bħala ġisem biss. Wara marret Londra fejn kisbet degree b’Master’s fl-irreċtar. Issa, l-għan tagħha huwa li tiddedika lilha nfisha lin-negozju tad-divertiment. Taf li se jkun hemm ħafna kompetizzjoni, imma għall-inqas, l-irquqija mhix se tibqa’ tirrapreżenta l-uniku ċans tagħha għas-suċċess.

Il-liġi l-ġdida Franċiża għandha l-għan li tipprevjeni dawn it-tipi ta’ traġedji billi tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ dehra tal-ġisem iktar b’saħħitha fir-reklamar. Il-loi mannequin, li tressqet mill-gvern soċjalist taħt il-Presidenza ta’ François Hollande, ġiet approvata f’Jannar 2016. Finalment ġiet implimentata u llum tirrapreżenta pass revoluzzjonarju fid-dinja tal-moda Franċiża.

Sabiex tipparteċipa fi sfilati tal-moda u f’photoshoots, il-mudelli issa jeħtieġu ċertifikat mediku li jkun validu sa sentejn, li jikkonferma l-benesseri fiżiku ġenerali tagħhom. Dan se jiġi vvalutat abbażi tal-indiċi tal-massa tal-ġisem (BMI) li hija derivata mill-piż u t-tul ta’ individwu. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, persuna tiġi kkaratterizata li tiżen inqas milli suppost jekk il-BMI tagħha hija inqas minn 18.5.

Il-liġi l-ġdida taffettwa lill-mudelli u l-aġenziji tal-immudellar mill-pajjiżi Ewropej kollha li joperaw fi Franza, u se jkun hemm sanzjonijiet tremendi, jew saħansitra, anke sena l-ħabs, għal dawk li ma jirrespettawx in-normi impost mil-loi mannequin.

Il-liġi se tkun kompluta fl-1 ta’ Ottubru bid-daħla ta’ norma oħra, li skontha, ritratti għall-użu kummerċjali għandhom ikollhom fuqhom dikjarazzjoni “digitally enhanced photo” f’każijiet ta’ modifikazzjonijiet diġitali.

Permezz ta’ din il-liġi, Franza qed timxi fl-istess direzzjoni ta’ pajjiżi Ewropej oħrajn. Spanja kienet l-ewwel pajjiż li adottat liġi simili f’Settembru 2006 meta pprojbixxiet lill-mudelli kollha b’BMI ta’ inqas minn 18 milli jimxu fuq il-catwalk f’Pasarela Cibeles, l-avveniment tal-moda l-iktar importanti fi Spanja. Fl-Italja ġiet stabbilita BMI minimu ta’ 18.5 għal mudelli li jixtiequ jieħdu sehem fil-Milan Fashion Week. Anke pajjiżi mhux Ewropej qed isegwu din it-tendenza. Fl-2013 pereżempju, l-Iżrael approva liġi li tgħid li l-mudelli jrid ikollhom BMI ta’ iktar minn 18.5 biex jidhru fil-magazins tal-moda u fl-isfilati.

Madankollu għad hemm id-dibattiti dwar il-loi mannequin. Minn naħa hemm dawk li jaqblu magħha; li jikkunsidraw il-liġi l-ġdida bħala pass importanti ‘l quddiem fil-ġlieda kontra l-anoressija. Min-naħa l-oħra hemm il-kritiċi inevitabbli, speċjalment fid-dinja tal-moda. Hemm ukoll saħansitra grupp kbir ta’ “xettiċi” li jemmnu li liġi waħda mhux biżżejjed. Fil-fatt, in-nisa xorta ta’ spiss jiġu evalwati abbażi tal-apparenza fiżika tagħhom u l-moda mhix l-uniku settur ħati li jippromwovi din it-tip ta’ imġiba. Huwa għalhekk li ma nistgħux nistennew li l-loi mannequin se ġġib il-bidla radikali li qed jittamaw fiha s-sostenituri l-iżjed ottimistiċi ta’ din il-liġi.

Illustrazzjonijiet: Luzie Gerb

U Victoire x’taħseb? M’hemmx xi ngħidu, l-eks-mudella għandha opinjoni wkoll. Hi tara l-liġi l-ġdida bħala l-ewwel pass imma taħseb li ma tagħmilx biżżejjed. Tista’ tkun faċli għall-aġenziji biex jevitaw in-normi impost mil-liġi l-ġdida. Anke meta ffirmat il-kuntratt tagħha biex issir mudella, Victoire suppost kellha tagħmel test mediku – li ovvjament, qatt ma għamlet

Barra minn hekk, Victoire temmen li l-ġlieda kontra l-anoressija u kontra l-mod kif is-soċjetà tħares lejn in-nisa m’għandhiex tinvolvi lil Franza biss. Peress li l-liġi se tkun valida fi Franza biss, għandna nqisu l-fatt li l-mudelli Franċiżi jistgħu jiddeċiedu li jfittxu impjieg f’pajjiż ieħor. Filwaqt li huwa minnu li pajjiżi oħra diġà approvaw liġijiet simili, dawn l-azzjonijiet, separati minn xulxin, mhumiex biżżejjed. L-eks-mudella tappella għal azzjoni fil-livelli Ewropej, kif ukoll dawk globali.

Pass pass. L-ewwel, mudella “ribelluża”, imbagħad ktieb, imbagħad liġi ġdida… u, min jaf? Forsi fil-ġejjieni tassew ikollna l-opportunità li nixhdu azzjoni fuq l-UE kollha.

Awtriċi

Alessandra Ivaldi (Italja)

Tistudja: Lingwi barranin għall-Komunikazzjoni Internazzjonali

Titkellem: Taljan, Ingliż, Ġermaniż, Franċiż

L-Ewropa hija… wirt kulturali .

Illustrazzjonijiet

Luzie Gerb (Ġermanja)

Tistudja: Storja tal-Arti, Fine Arts u l-Istudji Kulturali Kumparattivi

Lingwi: Ġermaniż, Ingliż, Żvediż, Franċiż

L-Ewropa hija… mimlija postijiet maġiċi, nies interessanti u l-istejjer tagħhom.

Websajt: luzie-gerb.de

Traduttriċi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Traduttriċi mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Qarrejja tal-provi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

This post is also available in Deutsch, English, Español, Français, Italiano, Português, Türkçe, [Main Site] and Русский.

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

Il-konfigurazzjonijiet tal-cookies fuq dan il-websajt huma ssettjati għal "aċċetta cookies" sabiex ikollok l-aħjar esperjenza possibbli ta' tiftix fuq l-Internet. Jekk tkompli tuża dan il-websajt mingħajr ma tbiddel il-konfigurazzjonijiet tiegħek tal-cookies jew jekk tikklikkja isfel fuq "Aċċetta", allura qed tagħti l-kunsens tiegħek għal dan.

Agħlaq