F’kontribuzzjoni mistiedna, ix-xjentista tal-politika Saskia Schäfer targumenta l-każ għal ċittadini ta’ soċjetajiet moderni biex jiġu rikonoxxuti l-kumplessitajiet, it-temporalitajiet, u l-varjabilitajiet tal-identitajiet.
Miktub minn Saskia Schäfer / 11.7.2017
Fl- intervista twila ta’ Gunter Gaus tal-1964, Hannah Arendt tirrakkonta kif, fi tfulitha d-dar, ma kellha l-ebda idea li kienet Lhudija. Tgħid kif ommha, li kienet kompletament areliġjuża, qatt ma lissnet dik il-kelma d-dar. L-ewwel darba li ġiet magħrufa b’dik il-parti mill-identità tagħha kien permezz tal-kummenti antisemitiċi tat-tfal fit-triq. Iktar tard, meta kienet l-iskola, kienet avżata biex jekk xi għalliema jgħaddu kummenti antisemitiċi, ħafna drabi dwar it-tfal Lhud mill-Ewropa tal-Lvant, kellha toħroġ immedjatament mill-klassi, u tirrakkonta kollox kelma b’kelma lil ommha, li kienet imbagħad tgerger mas-surmast.
L-opinjoni tagħha dwar l-importanza kruċjali tal-identità Lhudija kompliet tissaħħaħ tul is-snin, saħansitra qabel l-Olokawst. Fl-intervista hi sostniet: ‘Meta jattakkawk bħala Lhudija, trid tiddefendi ruħek bħala Lhudija. Mhux bħala Ġermaniża, jew ċittadina dinjija, jew minħabba d-drittijiet umani, jew raġuni oħra.’
U xi ngħidu għall-ġirien? Kif jista’ wieħed jiddefendi lil dawk ittimbrati li posthom mhux hawn abbażi tal-identità tagħhom?
Fi żminijiet bħal dawn fejn in-nazzjonaliżmu qed jissaħħaħ, fejn il-perċezzjonijiet tal-identità qiegħdin isiru dejjem iżjed etnikament omoġenizzati, mhumiex biss il-Lhud Ewropej li qegħdin jiġu attakkati b’mod regulari imma, iktar minn qatt qabel, il-Musulmani Ewropej. Fil-Ġermanja, dawn ivarjaw mit-tentattivi inadegwati biex wieħed jaċċetta l-eżekuzzjoni mil-lemin-estrem ta’ disa’ imprendituri żgħar Torok-Ġermaniżi u Griegi-Ġermaniżi, għal madwar għaxar inċidenti kriminali li kienu motivati mir-razziżmu, li seħħew kuljum fl-2016. Musulmani, irġiel u nisa, neputijiet ta’ eks-ħaddiema immigranti, u dawk li jixtiequ soċjetà aktar miftuħa u diversa qegħdin jingħaqdu flimkien u qed jippruvaw jirribattu r-rabja nazzjonalista li dejjem qed tikber. Imma b’liema mezzi? “Aktar xalel tal-irjus fuq il-programmi tad-diskussjoni, aktar diversità reliġjuża fit-tagħlim fl-iskejjel,” jgħidu xi wħud. Oħrajn jargumentaw li għadna “nabollixxu l-privileġġi li jgawdu r-reliġjonijiet antiki stabbiliti.”
Għaxar snin ilu l-etnologu Arjun Appadurai kiteb ktieb jismu Fear of Small Numbers (“Biża’ minn Numri Żgħar”) fejn fih jeżamina l-oriġini tal-hekk imsejħa kunflitti etniċi. F’dan il-ktieb hu jargumenta li t-teorija politika liberali oriġinarjament ipprovdiet drittijiet speċjali għall-minoritajiet, li kienet tarahom bħala amalgamazzjonijiet proċedurali u temporanja tan-nies. Dan kien il-mod kif ħassieba bħal John Stuart Mills u Alexis de Tocqueville riedu jipproteġu s-sistemi politiċi mit-“tiranija tal-maġġoranza”. Wara li l-kategorizzazzjoni Ewropea ta’ razez u etnitajiet differenti ġiet aċċettata bħala parti mill-politika kolonjali u ġiet imqassma permezz taċ-ċensimenti u tal-mapep, dawn id-drittijiet speċjali bdew jiġi mqassmin lill-hekk imsejħa “minoritajiet sostanzjali”, jiġifieri lill-minoritajiet li kienu, mingħajr l-edba dubju, definiti permezz tal-oriġini etnika jew l-affiljazzjoni reliġjuża tagħhom. Minflok ma wieħed, pereżempju, sena minnhom jiġġieled għar-riformi dwar l-art favur il-bdiewa li qed jiġu sfruttati, u minflok ma wieħed fis-sena ta’ wara jiddefendi l-istabbiliment u t-tisħiħ ta’ skejjel bħala missierijiet ffukkati fuq l-edukazzjoni, il-problemi bdew jiġu attribwiti fit-tul ta’ żmien lil ċerti minoritajiet jew maġġoritajiet etniċi. Dan ma seħħx biss minn dawk barra mill-grupp iżda wkoll minn membri ddikjarati tal-istess kategoriji ta’ minoritajiet.

Dawn il-bnadar tat-talb fil-provinċja ta’ Yunnan fil-Lbiċ taċ-Ċina juru l-preżenza tal-“minoranza etnika” Tibetjana. Imma din il-kategorazzjoni f’etniċitajiet differenti tista’ tiġi ġġustifikata? © Hannah Illing
Jien iltqajt ma’ tensjonijiet simili bejn possibilitajiet differenti ta’ awto-rappreżentazzjoni tal-hekk imsejħa minoritajiet fir-riċerka tiegħi stess fid-diskors pubbliku dwar l-Islam fl-Indonesja, il-pajjiż bl-akbar popolazzjoni fost il-pajjiżi b’maġġoranza Musulmana. Sa mill-bidu tad-demokratizzazzjoni fl-1998, il-membri ta organizzazzjonijiet Musulmani żgħar u kbar, kif ukoll il-Musulmani LGBTQ, bdew isiru vittmi ta’ attakki. Huma ġew akkużati li wżaw simboli u użanzi Musulmani minkejja li huma apostati u għalhekk, mhux ‘Musulmani’. Dawn l-allegazzjonijiet jieħdu diversi forom u huma fuq diversi livelli. Eżempju ta’ dan huwa x-xnieha li s-segwaċi ta’ Ahmadiyya, li issa saret organizzazzjoni attiva dinjija wara li twaqqfet fl-aħħar tas-seklu 19 fl-Indja li dak iż-żmien kienet taħt l-Imperu Brittanniku, biddlu l-istqarrija tal-fidi Islamika, u li allura wasslet għall-ereżija fil-konfrott tal-Profeta. Din ix-xnieha ma tikkorrispondix ma’ dak li attwallment jipprattikaw l-Ahmadi, li jirreċitaw l-istqarrija tal-fidi ħames darbiet kuljum waqt it-talb. Huma saħansitra l-politiċi fl-għola pożizzjonijiet li jkomplu jagħtu l-ħatab lil din ix-xnieha billi, pereżempju, waqt iċ-ċerimonji tal-konverżjoni jgħidu “Għall-erwieħ, l-eks-Ahmadi qegħdin jistqarru l-fidi!” Stqarrijiet bħal dawn faċli jinbidlu f’titlu tal-faċċata ta’ ġurnal, u b’hekk ix-xnieha li l-Ahmadi qegħdin joffendu lil Profeta tkompli tinxtered. Fl-2011, wara li sar attack fiżiku fuq grupp ta’ Ahmadi fil-Java tal-Lvant li ħalla tlieta minnhom mejta, l-aggressuri mhux talli ngħataw piena ħafifa ħafna, imma talli allegaw li xi ħadd mill-Ahmadi serva ta’ provokatur, u wieħed mill-grupp spiċċa ntefa’ l-ħabs għal diversi xhur wara li ġie identifikat bħala l-aġitatur.
L-Ahmadi bdew jirribattu kontra dan kollu u wieħed jista’ jinnota bidla ta’ kif qed jiġu rappreżentati fil-midja. Sar ovvju għall-aħħar kemm dan il-grupp ta’ nies ma kellux vuċi qabel. Id-difiża tagħhom spiċċat ittieħdet mill-attivisti tad-drittijiet umani. Wara l-attakk tal-Java tal-Lvant, l-Ahmadi stess eventwalment bdew jiġu mistiedna fuq programmi tad-diskussjoni u wara li ħarġu grupp ta’ kelliema, il-perspettiva tagħhom bdiet ukoll tissemma’ fl-artikli. Imma kif jistgħu l-Ahmadi jiddefendu lilhom infushom? Liema argumenti se jingħataw widen? L-analiżi tad-diskors tiegħi turi li żewġ skemi interprettattivi li jiddominaw fuq kollox: l-argument tal-libertà reliġjuża għall-minoritajiet u n-nazzjonaliżmu. It-tnejn huma diskorsi importanti ħafna fl-Indonesja. L-ipotesi tiegħi hija li llum il-ġurnata kemm in-nazzjonaliżmu u kemm id-drittijiet umani m’għadhomx jiffunzjonaw bħala linji tal-ħajja għall-Ahmadi li soffrew tant diskriminazzjoni u ġew immarġinalizzati. Però mill-banda l-oħra, jien tal-opinjoni li n-nuqqas ta’ diskussjoni pubblika jaf ikolllha konsegwenzi fil-tul fuq dawn iż-żewġ skemati interpretattivi. Kif turi ix-xjentista politika Elizabeth Shakman-Hurd fl-iktar ktieb riċenti tagħha fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, meta l-identità tiġi kondensa għall-aspett dominanti waħdieni, tingħalaq il-bieb għal possibilitajiet ta’ allejanzi diversi. Jekk il-maġġorparti tal-Indonesjani ma jarawx lill-Ahmadi bħala ħuthom fil-fidi, allura t-tolleranza għall-eżistenza tal-Ahmadi tiddependi fuq l-aċċettazzjoni tad-drittijiet umani u fuq is-saħħa tas-sentiment nazzjonali. Aħna lkoll nafu kemm jistgħu jinbidlu malajr is-soċjetajiet u kemm hu faċli biex kategorijiet li ġew mogħtija lil xi gruppi jiġu emarġinati mill-komunità. Meta t-tolleranza tiddgħajjef tant li tkun bbażata fuq karatteristika jew karatteristiċi tal-identità, allura jikber il-periklu li jew dan l-identifikatur jitlef l-importanza fis-soċjetà jew li l-kategoriji korrispondenti jaqgħu mill-grupp li kien mifhum li jappartjenu għalih.
Xi jfisser dan kollu għas-sitwazzjoni kurrenti tal-Ewropa? Dan ifisser li mhux biss jaf ikollna niddefendu d-dritt tal-ġirien tagħna li jkunu differenti imma wkoll li l-ħin kollu nistaqsu kemm fil-verità din id-differenza teżisti. L-akkademiku Żvizzeru Islamiku Tariq Ramadan jemmen li l-Musulmani Ewropej mhumiex minorità, imma ċittadini Ewropej. Minflok irridu nikkunsidraw il-kumplessitajiet, it-temporalitajiet, u l-varjabilitajiet tal-identitajiet. L-identità tal-mara ħaddiema, tal-missier, tat-tifla li tilgħab il-handball, il-ġenitur tal-klassi, ix-xjentista mara. Is-soċjetajiet iridu jimxu lil’ hinn mill-fantasiji tal-omoġenizzazzjoni li tiġi bit-tisħiħ tan-nazzjonaliżmi u tat-tifrik tal-identitajiet f’fazzjonijiet differenti, u jridu jsibu mod kif jagħrfu l-identitajiet speċifiċi mingħajr ma jipperikolaw il-formazzjoni flessibbli u li dejjem terġa; tiġi nnegozzjata tal-alleanzi proċedurali u ffukati fuq il-problemi.
Dan l-artiklu ġie ppubblikat oriġinarjament fuq thenewfederalist.eu, il-magazin taż-Żgħażagħ Ewropew Federalisti. Il-kontenut tagħhom huwa ppublikat bl-Ingliż, Franċiż, Spanjol, Ġermaniż u Taljan.
L-Aħħar Kummenti