Ir-rikonċiljazzjoni hi l-ewwel pass biex nidentifikaw mal-Ewropa

Eżempju mill-istorja Ġermaniża-Ċeka juri kemm jista’ jkun diffiċli, anke fil-ġurnata tal-lum, biex tipproduċi narrattiva kollettiva għall-kultura kommemorattiva Ewropea.

Miktub minn Hannah Illing / 5.7.2017

Kif tista’ l-Ewropa “tressaq liċ-ċittadini tagħha lejn xulxin mill-ġdid”? Bħalissa, din il-mistoqsija qiegħda tingħad ħafna, kemm mill-Istituzzjonijiet Ewropej, mill-Gvern Federali Ġermaniż jew mill-intellettwali Ewropej, tant li tinħass użata żżejjed. Tal-anqas bis-saħħa ta’ Pulse of Europe, huwa ċar li ċ-ċittadini Ewropej huma kapaċi jidentifikaw ruħhom sew mal-Unjoni Ewropea, u d-diskussjonijiet elit fil-kmamar tal-konferenzi fi Brussell mhumiex meħtieġa għal din l-identifikazzjoni.

Meta niġu biex nidentifikaw ruħna mal-Ewropa, it-Tieni Gwerra Dinjija ħafna drabi tintuża bħala l-“mit tat-twaqqif” li tirrappreżenta l-Ewropa bħala proġett tal-paċi. Li hu diffiċli biex nifhmu hu li t-Tieni Gwerra Dinjija għandha assoċjazzjonijiet differenti f’pajjiżi Ewropej varji. Il-populazzjoni Ċeka kienet qiegħda ssofri mit-tirannija brutali tan-Nazisti: l-hekk imsejjaħ “Protettorat ta’ Bohemia u Moravia” kien ikkaratterizzat minn ħtif tan-nies, xogħol sfurzat u l-qtil ta’ ċittadini Ċeki. Fl-1942, wara l-assassinazzjoni tal-“protettur Reich”, Reinhard Heydrich, mill-ġellieda tar-reżistenza Ċeki, kellhom jittieħdu miżuri terribbli. Għalhekk, in-Nazisti qerdu, fost affarijiet oħra, iż-żewġ irħula Lidice u Ležáky, fejn kważi l-abitanti kollha nqatlu (inklużi t-tfal u ż-żgħażagħ). F’daqqa waħda, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-populazzjoni Ġermaniża fiċ-Ċekoslovakkja, il-Ġermaniżi Sudeten raw lilhom infushom bħala l-vittmi. Il-maġġoranza tagħhom – madwar tliet miljun persuna – kellha tħalli darha, u dan involva xi massakri. Dak li beda kollox kienu l-hekk imsejjaħ Beneš Decrees, liġijiet li ordnaw l-espatrijazzjoni u l-esproprijazzjoni tal-Ġermaniżi Sudeten.

Naturalment, it-tkeċċija tal-Ġermaniżi Sudeten tidher kważi mhux daqshekk gravi meta kkumparata mal-okkupazzjoni Ġermaniża u l-atroċitajiet tan-Nazisti. Iżda jekk hemm sagrifiċċju anke min-naħa tal-awturi tal-attakki, kultura kommemorattiva komuni Ewropea se tkun aktar kumplikata. Tista’ tinħoloq narrattiva komuni tal-istorja Ewropea mingħajr rikonċiljazzjoni? U t-tbatija tista’ tiġi eskluża aktar ma jgħaddi ż-żmien? Issir irrilevanti għad-dixxendenti tal-awturi tal-attakki u għall-vittmi?

Installazzjoni mill-iskulturatriċi Ċeka Josefína Jonášová li ntweriet fil-kunċert ta’ rikonċiljazzjoni organizzat mill-inizjattiva taċ-ċittadini “Smíření (Rikonċiljazzjoni) 2016” fi Praga fil-ħarifa li għaddiet – ħamiema tal-paċi. © Smíření 2016

Waqt laqgħa taż- Żgħażagħ Federalisti Ewropej (Young European Federalists) (JEF) fi Praga xi ġimgħat ilu, politikanta minn Praga stess, Vladka Jelinková, ippreżentat l-inizjattiva tagħha “Smíření (Rikonċiljazzjoni) 2016”. Din kienet eżempju tajjeb tal-proġett Ewropew transfruntier, li jikkontribwixxi għall-proċess tal-aċċettazzjoni tal-ispostament tal-Ġermaniżi Sudeten. Il-fondatriċi Jelinkovà studjat fi Dresden permezz ta’ scholarship tal-Erasmus, fejn hija tkellmet ma’ Ġermaniżi mkeċċija għall-ewwel darba. Minn dakinhar ‘l hawn, għadha ma telqitx xewqitha li tikkontribwixxi għar-rikonċiljazzjoni mal-Ġermaniżi Sudeten. F’Novembru tal-2016, l-inizjattiva tagħha stiednet aktar minn 90 Ġermaniż/a fi Praga – dawk imkeċċija u d-dixxendenti tagħhom. Fost affarijiet oħra, kien hemm “kunċert ta’ rikonċiljazzjoni” fi knisja fi Praga fejn, qabel l-1945, il-maġġoranza tal-populazzjoni Ġermaniża għexet fi Praga. Fir-Repubblika Ċeka, mir-Rivoluzzjoni tal-Bellus s’issa, kemm-il darba seħħew proġetti tas-soċjetà ċivili sabiex jikkonfrontaw din it-tkeċċija, li mhumiex appoġġjati mill-maġġoranza tal-politikanti. Il-President Ċek, Miloš Zeman, pereżempju, għandu ħabta juża l-fastidju li jippersisti fis-soċjetà Ċeka kontra l-Ġermaniżi Sudeten biex jiggwadanja l-voti.

Fil-laqgħa ma’ JEF ta’ Praga iżda, deher ċar kemm għadu ċentrali d-dominju tal-vjolenza tan-Nazisti fil-“Protettorat ta’ Bohemia u Moravia” fost iċ-Ċeki żgħażagħ. Oriġinarjament, kellu jiġi diskuss kif seħħet it-tkeċċija tal-Ġermaniżi Sudeten mir-Repubblika Ċeka. Id-diskussjoni iżda spiċċat biex tittratta s-sens ta’ ħtija tal-Ġermaniżi u t-tendenzi lejn l-estremiżmu lemini f’xi partijiet tas-soċjetà Ġermaniża, li aktar ma jmur, aktar jidher.

Għall-kultura kommemorattiva Ewropea, proġetti bħal “Smíření (Rikonċiljazzjoni) 2016” huma importanti immens għax iċ-ċittadini jistgħu jitkellmu flimkien dwar il-memorji tagħhom– jew dwar l-esperjenzi tal-ġenituri u n-nanniet tagħhom waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-fatt li din il-memorja tibdel ix-xejra tagħha mbagħad jitlef is-sinifikanza tagħha: flimkien, nistgħu noħolqu narrattiva ġdida b’perspettivi differenti. Kemm-il darba smajt minn uffiċjali minn Brussell li n-narrattiva tal-proġett tal-paċi tal-Ewropa m’għadhiex tattira żgħażagħ. Madankollu, nemmen li t-Tieni Gwerra Dinjija xorta għadha kwistjoni importanti fl-Istati Membri l-ġodda u li tista’ sservi biex issaħħaħ l-identifikazzjoni mal-idea Ewropea. Proġetti mis-soċjetà ċivili huma l-ewwel pass u għadhom jistgħu jibnu relazzjonijiet wara 70 sena.

Dan l-artiklu ġie ppubblikat għall-ewwel darba fuq is-sit thenewfederalist.eu, il-magazin tal-Federalisti Żgħażagħ Ewropej (JEF). Il-kontenut li jipproduċu huwa ppubblikat ukoll bil-Franċiż, bl-Ispanjol, bil-Ġermaniż u bit-Taljan.

Awtriċi

Hannah Illing (Ġermanja)

Awtriċi u editriċi mal-partner tal-midja tagħna Treffpunkteuropa.de u attiva f’JEF Munich, JEF Passau u JEF Praga.

Traduttriċi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: BA fil-Malti u l-Ingliż

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Qarrejja tal-provi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

This post is also available in Deutsch, English, Español, Français, [Main Site] and Русский.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

Il-konfigurazzjonijiet tal-cookies fuq dan il-websajt huma ssettjati għal "aċċetta cookies" sabiex ikollok l-aħjar esperjenza possibbli ta' tiftix fuq l-Internet. Jekk tkompli tuża dan il-websajt mingħajr ma tbiddel il-konfigurazzjonijiet tiegħek tal-cookies jew jekk tikklikkja isfel fuq "Aċċetta", allura qed tagħti l-kunsens tiegħek għal dan.

Agħlaq