Iljieli Sajfin Venezjani: Festa del Redentore

Iris teħodna sa Venezja, post għal qalbha ferm, u toffrilna titwila lejn waħda mill-iktar festi famużi tal-belt. Gawdu din il-mawra virtwali minn qalb il-gondolieri, id-dgħajjes u l-logħob tan-nar meraviljuż!

Miktub minn Iris Pase / 15.7.2017

Ħaġa li tagħmilni tassew kburija li jien Ewropea hija l-fatt li l-passat tal-Ewropa għadu preżenti fil-ħajja tal-lum. Tmur fejn tmur fl-Ewropa, malajr tinduna li qegħdin nimxu fuq il-passi ta’ missijietna, li l-identitajiet nazzjonali kif ukoll il-kultura tagħna ġew iffurmati wara sekli ta’ storja. L-Italja, pereżempju, hija xempju ta’ dan hekk kif wieħed għadu jsib tradizzjonijiet antiki fil-qalba ta’ festi kontemporanji. Ejja nieħdu l-Festa del Redentore (il-Festa tar-Redentur) ta’ Venezja bħala eżempju, li tista’ tissejjaħ ukoll bħala l-Festa tar-Redentur l-Iktar Qaddis. Din il-festa ssir kull sena fit-tielet Ħadd ta’ Lulju u hija waħda mill-ikbar avvenimenti tal-belt, u allura mistenni bil-kbir sew mit-Turisti kif ukoll mill-Venezjani.

Qabel ma nidħlu fid-dettalji taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena, ejja nagħtu ħarsa lejn l-oriġini oskuri u xejn sbieħ ta’ dan l-avveniment hekk allegruż u festiv. Fl-1575, Venezja kienet taħt seħta liema bħala: il-pesta, marda kiefra u qerrieda li naqset il-popolazzjoni ta’ Venezja b’terz u li ħadet il-ħajjiet ta’ iktar minn ħamsin elf ruħ, inkluż dik ta’ Tiziano, il-pittur famuż Venezjan. Din il-marda qerrieda fl-aħħar waslet fi tmiemha sentejn wara: il-ferħ u s-serħan il-moħħ infirxu mal-popolazzjoni u d-Doge (il-mexxej ta’ Venezja) wiegħed li jibni knisja bħala ringrazzjament lil Alla li sema’ t-talb tagħhom u li ħeles lil Venezja mill-pesta. Din il-knisja li hija magħrufa llum il-ġurnata bħala l-Knisja tar-Redentur, saret fuq disinn ta’ Andrea Palladio u nbniet fuq il-gżira ta’ Guidecca, eżatt quddiem il-Punta della Dogana. Minħabba li fl-1577 kienu għadhom saru biss il-pedamenti, nbniet knisja żgħira tal-injam flimkien ma’ arranġament ta’ pont tad-dgħajjes sabiex id-Doge seta’ jkollu purċissjoni: dik is-sena ngħata bidu għal din it-tradizzjoni fejn hu jibda l-purċissjoni minn Zattere għall-Knisja tar-Redentur waqt li jimxi fuq “pont tad-dgħajjes”.

Il-Knisja tar-Redentur © Iris Pase

Għalfejn huma importanti dawn id-dettalji storiċi? Għal raġuni sempliċi: il-festivitajiet tal-lum il-ġurnata mhumiex wisq differenti minn dawk oriġinali u meta wieħed ikun jaf ir-raġuni wara din il-festa jkun jista’ jkabbar kemm il-perspettiva u l-għarfien dwar is-suġġett.

Din is-sena l-Festa tar-Redentur se ssir bil-lejl bejn il-15 u s-16 ta’ Lulju. L-ewwel ħaġa li ssir hi li d-dgħajjes jiżżejnu bil-fjuri u l-bżieżaq, imbagħad il-Knisja tar-Redentur tingħaqad ma’ partijiet oħra ta’ Venezja permezz ta’ pont tad-dgħajjes li jitbierek mill-Patriarka ta’ Venezja, u b’hekk jerġa jiġi rrappreżentat l-avveniment oriġinali. Filgħaxija, il-Banju ta’ San Mark ikun invażat b’dawn id-dgħajjes imżejnin li fuqhom in-nies jieħdu aperitivo, l-ikla ta’ filgħaxija, xi daqsxejn xorb u ħafna pjaċir waqt li jistennew biex jibda l-logħob tan-nar. Dawn normalment jibdew għall-ħabta tal-ħdax u nofs u joffru spettaklu indimentikabbli lil kull min ikun hemm: immaġina l-mijiet ta’ forom u kuluri li jispikkaw kontra l-isfond eċċezzjonali ta’ San Mark, bil-bażiliki ta’ San Mark u ta’ Salute u l-gżira ta’ San Giorgio Maggiore, biex insemmi biss ftit. Il-logħob tan-nar normalment idum siegħa u wara tista’ tinżel sal-Lido fejn tistenna li jżernaq waqt li tgawdi x-xatt.

Basilica della Salute © Iris Pase

L-għada hija ġurnata ddedikata għall-funzjonijiet sagri (wara kollox hija festa reliġjuża!) u għat-tliet regatti, sfida bejn id-dgħajjes storiċi lokali li twassal din il-festa fi tmiemha.

L-aħħar parir: fejn ma tridx li titgħaffeġ fir-rassa ta’ turisti, evita l-Pjazza ta’ San Mark. Li kont minnek nagħżel il-Lido, il-gżira ta’ Sant’Elena, jew Punta della Dogana (fil-ġenb tal-Magazzini del Sale). Awguri u ħu gost!

Awtriċi

Iris Pase (Italja)

Tistudja: Storja u Filosofija

Lingwi: Taljan u Ingliż

L-Ewropa hija … meta tiltaqa’ ma’ Ewropew ieħor u tħoss l-istorja, il-kultura u l-mentalità komuni.

Blog: The Venetian Rover

Traduttriċi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Qarrejja tal-provi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Traduttriċi mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

This post is also available in Català, Deutsch, English, Español, Français, Italiano, Română, Türkçe and [Main Site].

Author: Paula Schembri

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

Il-konfigurazzjonijiet tal-cookies fuq dan il-websajt huma ssettjati għal "aċċetta cookies" sabiex ikollok l-aħjar esperjenza possibbli ta' tiftix fuq l-Internet. Jekk tkompli tuża dan il-websajt mingħajr ma tbiddel il-konfigurazzjonijiet tiegħek tal-cookies jew jekk tikklikkja isfel fuq "Aċċetta", allura qed tagħti l-kunsens tiegħek għal dan.

Agħlaq