Illum il-ġurnata, il-postverità hija, bla dubju, il-protagonist kemm tal-ġurnaliżmu kif ukoll tad-dibattitu politiku u b’hekk saret waħda mill-iktar kwistjonijiet jaħarqu ta’ żminijietna. Imma l-postverità x’inhi? Ejjew ninvestigaw dan is-suġġett minn għajnejn Roberto Saviano.
Miktub minn Iris Pase / 23.7.2017
F’Ġunju, it-teatru muniċipali fi Treviso (fit-Tramuntana tal-Italja), li kien mimli daqs bajda, ospita taħdita pubblika (lectio magistralis) organizzata minn ‘Fabrica’, iċ-ċentru tar-riċerka tal-komunikazzjoni. Il-konferenza bl-isem “Il-Verità, qatt iktar. Kroniku u analiża tad-data fl-era tal-postverità u tal-aħbarijiet foloz”, ġiet ippreżentata minn Roberto Saviano, kittieb u ġurnalist Taljan famuż, l-awtur ta’ bestsellers bħal Gomorrah u ZeroZeroZero.
Il-kelma “postverità“, kelma abbużata u wżata żżejjed, inħatret bħala l-Kelma tas-Sena 2016 fid-Dizzjunarji Oxford u tirreferi għal “ċirkostanzi fejn il-fatti objettivi għandhom inqas influwenza fl-iffurmar tal-opinjoni pubblika milli l-appelli għall-emozzjoni u l-opinjoni personali”. F’termini sempliċi, il-verità hija inevitabbilment marbuta ma’ nuqqas ta’ komunikazzjoni iżda minflok, ma’ abbundanza ta’ emozzjoni: dikjarazzjoni jew il-verità ta’ avveniment m’għadx għandhom importanza la għall-awtoritajiet u lanqas għall-pubbliku għax dak li jgħodd huwa li l-ideat u l-pretensjonijiet jappellaw lill-udjenza ta’ dak li jkun, u li dawn, potenzjalment, jistgħu jkabbruhom. ejjew nieħdu l-każ ta’ Kellyanne Conway pereżempju, senior aide fil-White House: meta ġiet ikkonfrontata dwar l-mistifikazzjoni evidenti tal-għadd ta’ parteċipanti fl-inawgurazzjoni ta’ Trump, hija sostniet li is-segretarju tal-midja Sean Spicer sempliċiment kien qed joffri fatti alternattivi. Il-problema hija li fatti alternattivi mhumiex fatti iżda pjuttost, il-manipulazzjoni tagħhom.
Ir-retorika politika kontemporanja tilgħab bit-twemmin u l-istinti tan-nies sabiex takkwista reazzjonijiet dittati mill-passjoni minflok mir-razzjonalità; sfortunatament, il-postverità ta’ spiss tqanqal emozzjonijiet negattivi li jwasslu għal avvenimenti vjolenti u mimlijin rabja. Madankollu, ta’ min wieħed iżomm f’moħħu li dan mhuwiex proċess unidirezzjonali peress li t-twemmin mhuwiex sempliċiment użat jew ippilotat imma apparentament, jista’ jservi bħala verifikazzjoni u leġitimizzazzjoni. Ftakru biss kif Trump uża l-opinjoni pubblika biex jiġġustifika l-pretensjoni tiegħu li ma rebaħx il-vot popolari għar-raġuni biss ta’ miljuni ta’ voti frodulenti billi qal, sempliċiment: “Kulħadd jemminha”.
Illustrazzjoni: Luzie Gerb
Roberto Saviano uża bosta eżempji biex jispjega u juri iktar dan il-fenomenu, pereżempju: waqt l-elezzjoni tal-Istati Uniti, Ending the Fed ixxokkja lid-dinja meta sostna li l-Papa Franġisku appoġġa finanzjarjament lil Donald Trump. L-istorja, li ġiet ixxerjata kemm minn dawk li emmnuha u kemm minn dawk li ma emmnuhiex, forsi biex jikkritikawha jew iwaqqgħuha għaċ-ċajt, daret mad-dinja kollha u sfortunatament twemmnet għal ftit sigħat. Minkejja li kellha influwenza kbira mill-perspettiva politika, din l-aħbar falza għall-inqas ma kkontribwixxitx għall-okkurenza ta’ avvenimenti kriminali, bħalma ġara fl-inċident “Pizzagate”. Għal darb’oħra, waqt l-elezzjonijiet tal-2016, saret virali teorija ta’ kospirazzoni li nxterdet mal-Istati Uniti kollha. : din it-teorija sostniet li għadd ta’ ristoranti kienu involuti fit-traffikar tal-bnedmin u fil-pedofelija. Edgar Maddison Welch, raġel ta’ 28 sena, li kien iddeterminat li jinvestiga din il-kwistjoni waħdu, f’Diċembru 2016 beda jispara fuq il-pizzerija “Comet Ping Pong” f’Carolina, ċirku fittizju ta’ prostituzzjoni tat-tfal. Fortunatament ħadd ma weġġa’ imma r-raġel għamel ħsara lill-ħitan, il-bieb u l-mejda u seta’ faċilment itemm ħajjiet xi nies.
Tlifna r-raġuni? Irridu lill-oħrajn ibellgħulna l-gideb? Qed niġu mqarrqa minn xi tip ta’ kospirazzoni sottostanti enormi? Il-ġurnalist ċaħad l-eżistenza ta’ kospirazzjoni jew loġġa tal-mażuni. Minflok ipprefera li jikkonċentra fuq il-midja soċjali, fuq il-mod kif jitqiesu u jinġabru l-aħbarijiet u fuq kif l-attitudni tan-nies ġiet impatta mill-espansjoni tad-dinja mgħaġġla tagħna llum. Hu u jikkwota lil Eduardo Galeano, is-Sur Saviano qal: “Meta ksibna t-tweġibiet kollha, biddlulna l-mistoqsijiet”. Huwa preċiżament dan li ġara bil-midja soċjali: ir-regoli nbidlu, żviluppa mod ġdid ta’ komunikazzjoni u interazzjoni umana li b’hekk biddlu l-perspettiva tagħna lejn id-dinja u l-mod kif nifhmu u nsiru nifhmu l-affarijiet. Saviano saħaq fuq kif l-individwi kontemporanji jiffukaw fuq għanijiet b’terminu qasir ta’ żmien: kollox għandu jseħħ u jinkiseb issa, ir-riżultati għandhom joħorġu immedjatament, m’għandniex ħin għal proċess li jieħu l-ħin. M’għandniex bżonn analiżi sħiħa u profonda; nippreferu tweet. Skont stima riċenti, 70% taż-żgħażagħ Amerikani jaqraw l-aħbarijiet fuq Facebook u b’hekk qed ipoġġu l-fiduċja tagħhom f’sors ħafna inqas preċiż minn artiklu ta’ gazzetta, li min-naħa tiegħu jista’ joffri perspettiva profonda. Għandna bżonn iż-żmien biex nartikulaw ħsibijietna u biex niffurmaw l-opinjonijiet tagħna, imma huwa ħafna iktar faċli għalina biex naqraw storja twila t’erba’ linji milli nieqfu, nevitaw li niċċekkjaw in-notifiki għal għaxar minuti u nippruvaw nifhmu x’inhi l-kwistjoni.
Il-viralità qed issir sinonima mas-superfiċjalità, man-nuqqas ta’ kontenut validu, u dan nistgħu narawh fis-suċċess suprenanti ta’ Kim Kardashian, mara żagħżugħa u sabiħa li hija famuża għax m’għandha l-ebda kapaċità jew talent ħlief dak li turi l-warrani tagħha. Hija virali għax ma għandha opinjoni fuq xejn u m’għandha xejn fuq xiex tgħid u titkellem. Hija għal din ir-raġuni li r-retorika tagħha hija daqshekk inklużiva: l-opinjonijiet jeskludu lill-oħrajn, iħallu barra kull min ma jaqbilx miegħek peress li għandhom imnejn jitilquk (jikklikkjaw fuq il-buttuna “leave”) u ma jibqgħux isegwuk fuq il-midja soċjali.
Iżda kif nistgħu nittrattaw il-kumplessità tal-ħajja jekk inħaddnu din l-attitudni artifiċjali u injoranta? Kif nistgħu nirbħu l-era tal-postverità? Għandna bżonn nieħdu l-ħin tagħna biex naqraw, nirriflettu, niżolaw lilna nfusna mill-fluss mgħaġġel ta’ din id-dinja li qed iddur kontinwament u naħsbu. Ideat brillanti ma jistgħux joriġinaw minn stat kontinwu ta’ opaċità tal-moħħ li huwa dejjem iffukat fuq il-midja soċjali, in-notifiki, it-tixrid, u t-tweets. Għandna bżonn iż-żmien biex nimmetabolaw dak ta’ madwarna u neżerċitaw il-ħsieb kritiku tagħna. Huwa l-uniku mod kif nistgħu nevitaw l-aħbarijiet foloz, kif nistgħu niġu aċċettati bħala ammissibbli u kif nistgħu nipprevjenu l-politikanti milli jieħdu vantaġġ tal-injoranza tagħna u jabbużaw mil-poter tagħhom.
Nistgħu nbiddlu l-affarijiet billi nkunu ċittadini u umani konsiderevoli: jeħtieġ li naqraw, ma naqgħux għall-isterjotipi, nivverifikaw u nagħżlu s-sorsi tal-aħbarijiet tagħna b’reqqa. Hemm bżonn li ma nħallux l-emozzjonijiet tagħna jikkontrollaw l-opinjonijiet tagħna, li naħsbu u forsi b’dan, il-postverità xi darba għad tkun biss memorja.
L-Aħħar Kummenti