Ugwali, l-istess, ilkoll l-istess

Iż-żwieġ għal kulħadd fl-aħħar donnu li se jsir possibli fil-Ġermanja wara li 83% tal-popolazzjoni ħarġu favurih fi stħarriġ rappreżentattiv u żdiedet il-pressjoni fuq il-partiti konservattivi fil-kampanja elettorali – 16-il sena sħaħ wara li fil-pajjiż ġar l-Olanda ġie introdott iż-żwieġ għall-koppji tal-istess sess fl-2001.

Apparti l-Olanda, s’issa fl-Ewropa, iż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess huwa ndaqs għaż-żwieġ bejn raġel u mara fil-Belġju (2003), fi Spanja (2005), fin-Norveġja (2009), fl-Iżvezja (2009), fil-Portugall (2010), fl-Iżlanda (2010), fid-Danimarka (2012), fi Franza (2013), fir-Renju Unit (minbarra t-Tramuntana tal-Irlanda) (2014), fl-Irlanda (2015), fil-Lussemburgu (2015) u fil-Fillandja (2017). Dawn huma biss 13 minn 49 stat li huwa ġeografikament parti mill-Ewropa, u inqas minn nofs il-membri stati tal-Unjoni Ewropea.

It-taqbida għad-drittijiet indaqs fl-Ewropa għadha fl-aqwa tagħha. F’test verament personali, il-poeta artista ta’ poeżija slam Veronika Rieger, tikteb dwar kif tinħass li l-imħabba ta’ xi ħadd hija meqjusa ta’ klassi inqas minn ta’ ħaddieħor, u tagħti ħarsa lejn l-ipokrisija tal-argumenti li n-nies iħanbqu fuqhom jum wara jum.

Ugwali, l-istess, ilkoll l-istess

Kontribuzzjoni tal-mistiedna  Veronika Rieger / 28.6.2017

 
Silta: Il-Liġi Bażika għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Art 3
(1) Kull persuna hija meqjusa indaqs quddiem il-liġi.

Nistenbaħ. Dellijiet notturnali, indur lejn ix-xellug, it-tfajla rieqda. Indur lejn il-lemin, il-mowbajl – mixgħul: titlu tal-artiklu, l-ewwel anniversarju tal-isparar fil-klabb ‘gay’ Pulse f’Orlando. 49 persuna għadhom mejta. Id-dinja għadha ddur, jien indur fuq dahri.

L-iżveljarin idoqq, it-tfajla tbexxaq għajnha, l-għajn l-oħra tinfetaħ ftit wara għar-riħa tal-kafè, is-sentenzi bil-mod qed jitwalu. Stazzjonijiet tal-metro għaddejjin kull minuta, qigħan tas-saqajn jinstabbtu fir-rutina ta’ kuljum f’kurituri universitarji għoljin u battala.

Sigħat ta’ rutina ta’ kuljum wara, l-iżvujtar tal-kaxxa tal-ittri. Jinstab, mhux biċ-cajt, il-ħames invit għal tieġ das-sajf, l-ewwel nġib kafè ieħor, jinfetaħ l-envelopp:

Naqra fuq fuq il-kitba esaġeratament imżejna, ħaqq, bilfors trid tibgħat lura l-kartolina bir-rispons, tweġibiet possibbli:

               1. Niġi bil-qalb kollha

               2. Niġi mal-għarus

Ma nistax naffaċċja t-tieni għażla – it-tieni kafè, qed inħossni aġitata wisq. Ħarġa ’l barra. Telefonata lit-tfajla, nagħmel xirja. Tul id-983m mixja sal-metro, naqla’ d-daqqiet ta’ ħarta bil-ħars. M’għandi l-ebda risposta f’waqtha għal dawk il-bħaħen ta’ ħmistax-il sena, “Daż-żobb ta’ liżbjani”. Erġajna, twieqi tal-metro. Fiċ-ċentru tal-belt naqla’ d-daqqiet ta’ ħarta bil-ħars u bir-riklami politiċi. .

Jien politikament interessata, però qatt qabel ma kelli daqshekk nuqqas ta’ ħeġġa biex nivvota. Imma verament xejn. Kull partit jiġi jgħidli kemm hu liberali u kemm jissapportjawh imma l-ebda partit ma refa’ suba’ mġiddem biex jibdel xi ħaġa. Minħabba f’hekk insibhom ta’ min jafdahom daqs il-buffi qattiela tas-sena l-oħra.

Dak l-imgħarraq invit tat-tieġ għadu fil-basket.

Dawk il-boloh politikanti lemini nazzjonalisti għadhom weqfin f’Marienplatz, imma milli jidher qegħdin isiru iżgħar fl-età. Dak tan-nofs jaf għandu daqs ħija. Ħsibijiet dwar ħija, li ma jistax iżomm kuntatt, għax ma jistax ikampa, għax imħabbti hija wisq għalih, jgħidli li mhux qed jindaħalli, imma min jaf x’jgħidu n-nies.

Fuq il-metro għall-affari tagħna, jibda jiffittana wieħed raġel bilqiegħda faċċata. Għandkom tfal? Miżżewġin?

Indeffes idi fıl-basket, u naqta’ subgħi mal-misħut invit tat-tieġ. Demm il-ħajja fuq karta bajda magħmula bl-idejn.

Ir-raġel faċċata għadu qed jiffittak, int wisq mistħija biex twieġbu, tiggranfa m’idi, naħseb xi darba rrid niżżewġek. Irrid inkun kapaċi nżomm idek f’idi, b’dawk il-qabda ċrieket jiswew ħafna flus fuqhom, u nkun nista’ nsejjaħlek marti, u dik il-kelma tkun ta’ vera. Ifhimni, mhux issa, mhux għada, mhux dis-sena, imma rrid li jkolli l-possibiltà, xi darba.

Bil-prudenza naħtaf lil dar-raġel, ngħidlu li dawn huma mistoqsijiet personali ħafna u li mhux se nweġibhom. Hu jkompli jlablab, jgħid xi ħaġa dwar m’hemmx żwieġ għal nies bħal dawn, jien qed nitlef il-paċenzja.

Ma rridhomx jgħiduli iktar.

Il-persuna li jmiss li tiġi tgħidli li mħabbti, jew żwieġ bejn koppja tal-istess sess mhumiex naturali għandhom bżonn jirrevedu ftit l-għarfien bijoloġiku tal-attivitajiet sesswali tad-delfini, xadini, iljuni, ġiraffi, mijiet ta’ għasafar, hyenas, nagħaġ, dud, u min jaf x’iktar, imma mhux miegħi. U bilħaqq, iż-żwieġ mhu naturali xejn, huwa istituzzjoni introdotta mill-istat, u għal daqshekk huwa naturali daqs iż-żibel tal-plastik.

U min jiġi jgħidli li ż-żwieġ għandu jkun riservat għal raġel u mara, jista’ jipprova jispjegali jekk u kif mill-aktar minn għaxar tipi kombinatorji oħra ta’ kromożomi X u Y li huma rikonoxxuti bijoloġikament, huma biss is-Sur XY u s-Sinjura XY li għandhom dan il-privileġġ.

Jekk, mill-banda l-oħra, se nibbażaw kollox fuq il-prokreazzjoni, allura ninsisti li l-koppji eterosesswali kollha mingħajr ulied jitteħdilhom l-istat maritali u kull privileġġ uffiċjali.

U jekk issa se tiġi tgħidli li żwieġ bejn 2 min-nies adulti li jħobbu lil xulxin u li huma adulti biżżejjed biex jagħtu xhieda ta’ dan quddiem l-istat huwa kontra r-rieda ta’ Alla, mela għadek ma fhimtx il-kunċett ta’ sekularizzazzjoni.

Imma anka lill-Kristjani ta’ rashom iebsa għandi x’ngħidilhom:

Jekk skontok, imħabbti hija kontra r-rieda t’alla, allura qed tgħid li int għandek l-għerf t’Alla. Alla biss għandu dan l-għerf u jista’ jiġġudika l-umanità, allura jekk qed tqisek minflok Alla, ereżija u stupidaġni mill-kbar nett, bħalma huma “Demokrati Kristjani”. Pero, dawn li jħaddnu puliziji hekk dispreġjattivi fuq l-ażil diġà tilfu d-dritt li jaħilfu li għemilhom hu f’isem Kristu.

Illum il-ġurnata ma fadal l-ebda argument kontra ż-żwieġ bejn koppji omosesswali li għadu jagħmel sens. Imma hemm raġuni waħda li tista’ tkun kontrih, jekk int poxt omofobiku.

Nitfa’ dan kollu f’riġlejn dak ir-raġel tal-metro, kollox jaqa’ mill-basket tiegħi, ħalq, moħħ u tifkiriet kbar, bejn ir-riklami politiċi minn partiti li jwiegħdu l-introduzzjoni taż-“żwieġ għal kulħadd” qabel l-elezzjonijiet, flimkien mal-karta bajda magħmula bl-idejn bit-tiċpisa demm, kollha forma ta’ qalb ċkejkna.

Att Ġenerali dwar l-Ugwaljanza(AGG)
§ 1 L-iskop ta’ dan l-Att
L-iskop ta’ dan l-Att huwa li jipprevedi jew iwaqqaf aġiri diskriminatorji fuq il-bażi ta’ razza jew oriġini etnika, sess, reliġjon jew twemmin, diżabbilità, età jew orjentazzjoni sesswali.

Niċċassa lejn is-saqaf fuq is-sodda. Indur lejn ix-xellug, it-tfajla rieqda waqt li s-serje televiżiva għadha għaddejja. Indur lejn ix-xellug, il-mowbajl mixgħul: titlu tal-artiklu, raġel omosesswali ta’ tletin sena attakkat u msawwat gravament fi Munich. It-titlu li jmiss, id-dwal tat-traffiku se jerġgħu juru żewġ irġiel gay għall-ġimgħa ta’ Pride. In-nervituri dwar dan is-suġġett għadhom mejtin. Id-dinja tkompli ddur. Jien indur fuq dahri.

Jgħidu li kulħadd indaqs quddiem Alla.

Jgħidu li kulħadd indaqs quddiem il-liġi.

Milli jidher, donnu 5.6 miljun Ġermaniż għadhom inqas indaqs mill-oħrajn.

Awtriċi

Veronika Rieger (Ġermanja)

Traduttriċi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Qarrejja tal-provi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: BA fil-Malti u l-Ingliż

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php