Skellig Michael, l-Irlanda. Mhux wisq nies jafu l-istorja ta’ din il-gżira, fejn il-leġġenda tidher li timponi ruħha u kważi kważi tieħu post ir-realtà tal-lum.
Miktub minn Alessandra Ivaldi / 20.6.2017
L-ewwel nett għandna nispjegaw li qegħdin nitkellmu dwar l-ewwel punt minn linja immaġinarja li tibqa’ sejra sa Ġerusalemm. Fuq din l-istess linja nsibu sitt postijiet oħra: St Michael’s Mount f’Cornwall, Le Mont-Saint-Michel fi Franza, is-Sacra San Michele f’Val di Susa u s-Santwarju ta’ Monte Sant’Angelo f’Apulia (it-tnejn fl-Italja), il-monasteru Symi fil-Greċja u finalment il-monasteru Mount Carmel fl-Iżrael. Seba’ postijiet sagri, iddedikati lil San Mikiel (fil-fatt Skellig Michael bil-Gaeliku tfisser Il-Ġebla ta’ Mikien) u b’distanza ta’ xi 1000 kilometru bejniethom.

Il-veduta minn Skellig Michael li fiha tidher Little Skellig. Photo: flickr (IrishFireside)
S’issa, huwa ċar illi l-istorja li se ngħidu għandha x’taqsam profondament mad-dinja reliġjuża. Jekk nidħlu fid-dettall, nistgħu nżidu li din il-gżira, li saret sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996, hija l-aqwa eżempju tal-axxetiżmu estrem u l-istil ta’ ħajja aħrax tal-monastiċiżmu Kristjan Gaeliku.
Skellig Michael hija l-ikbar miż-żewġ Gżejjer Skellig, 17-il kilometru bogħod mix-xatt Kerry. Huwa post fejn l-oċean juri bil-kbir il-qawwa sublimi tiegħu, li kważi jirrendi dawn iż-żewġ gżejjer inaċċessibbli għall-kumplament tad-dinja.
Skellig Michael kienet abitata biss mill-għasafar tal-baħar sas-seklu 6… Imbagħad x’ġara? Grupp ta’ patrijiet kuraġġużi rnexxielhom jaslu sal-gżira abbord dgħajjes sempliċi. Ikkolonizzawha fis-sena 588 u fuq l-irdum affaxxinanti tagħha, bnew wieħed mill-aktar monasterji inkredibbli fid-dinja.

Taraġ għall-monasteru. Photo: flickr (Care_SMC)
L-uniku mod kif tasal sal-monasteru huwa permezz ta’ 600 tarġa mnaqqxa fil-blat, ‘il fuq mill-baħar. Salib Għoli antik iħares fuq iċ-ċelel bażiċi tal-patrijiet. Kollox hu magħmul mill-blat.
L-istil ta’ ħajja f’dal-monasteru kien differenti ħafna minn dak tal-patrijiet li kienu joqogħdu fuq l-art prinċipali. In-nuqqas ta’ artijiet agrikoli, li kienu bżonjużi għall-produzzjoni tal-qamħ, għamel il-ġonna veġetattivi indispensabbli. Il-ħitan ta’ dan il-monasteru kienu ta’ kenn għal dawn il-ġonna. Anke ħut u l-laħam u l-bajd tal-għasafar li kienu jbejtu fil-gżira rrappreżentaw parti sinifikanti mis-sors ta’ ikel tal-patrijiet.

Il-monasteru fuq il-gżira Skellig Michael. Photo: flickr (Care_SMC)
Rigward meta ġie abbandunat għalkollox il-monasteru, l-istoriċi ma sabux qbil. Jingħad li fis-seklu 12 kien hemm bidla drastika fil-klima u l-gżira kesħet u kien hemm aktar tempesti, u minħabba f’hekk, saret aktar inospitabbli. B’hekk, il-patrijiet ta’ Skellig Michael kellhom jirritornaw fl-arti prinċipali.
Fis-seklu 16 il-gżira u l-monasteru straordinarju tagħha ġew skoperti mill-ġdid minn nies devoti, li kienu jagħmlu pellegrinaġġ sa Skellig Michael kull sena. Madankollu, l-uniċi abitanti tal-gżira xorta kienu l-għasafar tal-baħar, speċjalment il-‘puffins’ enerġetiċi.

‘Puffin’ fi Skellig Michael. Photo: flickr (Maureen)
Sadattant, is-sbuħija selvaġġa tal-gżira saħħret artisti ta’ kull xorta – kittieba, mużiċisti, u anke diretturi tal-films. Ma temminx? Mela għandek tara Star Wars: The Force Awakens, li ħareġ fl-2015, u oqgħod attent/a għall-aħħar xeni tal-film. Dik il-gżira sabiħa u inaċċessibbli hija Skellig Michael tagħna, li se terġa’ tiltaqa’ magħha fil-film ta’ wara mis-serje Star Wars, li jismu The Last Jedi, li għandu jinħareġ f’Diċembru li ġej.
Imħajjar torganizza vjaġġ sal-Irlanda issa? Sfortunatament, jew forsi fortunatament, Skellig Michael mhix waħda mill-aktar destinazzjonijiet popolari mat-turisti. It-turisti jaqtgħu qalbhom biex iżuruha minħabba l-pożizzjoni remota tagħha u r-restrizzjonijiet imposti mill-gvern Irlandiż. Fil-fatt, għaxar dgħajjes biss huma permessi li jbaħħru mix-xatt Kerry u li jġorru massimu ta’ tnax-il persuna sal-gżira leġġendarja, u darba biss tul il-ġurnata.

Il-blat ta’ Skellig Michael. Photo: flickr (GGzeOuf)
Regoli stretti bħal dawn ovvjament ġejjin mid-deċiżjoni li jiġi ppreżervat, kemm jista’ jkun, bl-aħjar mod possibbli, dan il-post uniku fid-dinja. Li hu l-aktar allarmanti għall-awtoritajiet huma t-turġien impressjonanti li jwasslu għall-monasteru. Minn naħa, il-preżenza ta’ ħafna viżitaturi timplika degradazzjoni inevitabbli ta’ din l-istruttura qadima, u min-naħa l-oħra dan it-taraġ diffiċli jaf ikun perikoluż għal dawk in-nies li jiddeċiedu li jippruvaw jitilgħuh.
Apparti minn dan, l-inżul fuq din il-gżira hu kompletament projbit f’każ ta’ temp ħażin, għaliex dan jagħmel iż-żjara fi Skellig Michael verament perikoluża.
Minkejja dan kollu, l-ebda ostaklu mhu kbir wisq jekk wieħed ikollu ċ-ċans li jżur post daqshekk maġiku u ta’ ispirazzjoni. Ma jiddispjaċikx li tkun għamilt dak il-vjaġġ żgur.
L-Aħħar Kummenti