M’hemmx xi ngħidu, wieħed mill-aspetti l-iktar interessanti tal-Ingliż huwa l-varjazzjonijiet tal-lingwa mitkellma madwar id-dinja. L-Ingliż huwa mitkellem f’pajjiżi li huma min-naħa l-oħra tad-dinja minn xulxin, u dan joffri diversità enormi.
Miktub minn Sarah Robinson / 8.6.2017
Tista’ ssib iktar testi tas-serje “Il-lingwa tiegħi, dari” hawn.
Il-postijiet fejn l-Ingliż huwa l-ewwel, u aktar iva milli le, l-unika lingwa tal-popolazzjoni jistgħu jitqassmu fi tliet lokalitajiet wiesgħin: il-gżejjer Brittaniċi, l-Awstralasja u l-Amerika ta’ Fuq (iżda hemm iktar pajjiżi importanti u stati fl-Afrika u fil-Karibew).

Pajjiżi fejn l-Ingliż huwa lingwa uffiċjali © A. Meunier
L-iktar differenzi notevoli bejn id-djaletti jinsabu fil-vokabularju fil-mod kif jinkiteb il-kliem. Kelliema Awstraljani u Brittaniċi jgħidu “autumn”, “lift” u “wardrobe”, filwaqt li l-Amerikani jgħidu “fall”, “elevator” u “closet”. L-ortografija Brittanika tuża “-ise” iktar milli l-“-ize” Amerikan għall-verbi (pereżempju: to specialise, organise, jew memorise), u tispelli n-nomi b’ -our milli b’-or (pereżempju favourite jew colour). Filwaqt li d-djaletti tal-Ingliż jistgħu jvarjaw fl-istil, fil-vokabularju, fil-pronunzja u fil-grammatika, huwa rari ħafna li xi ħadd li ġie mill-Kanada, pereżempju, ma jkunx jista’ jifhem lil xi ħadd minn New Zealand, jew bil-kontra. Jekk inkun hemm xi nuqqas ta’ ftehim mutwali, ir-raġuni għal dan, aktar iva milli le, tkun minħabba kemm ikun qawwi l-aċċent ta’ wieħed minnhom jew tat-tnejn li huma, iżda, mill-esperjenza tiegħi, it-tifsira globali tkun ġiet ikkomunikata normalment.
Fortunatament, l-Ingliż jista’ jitqies bħala lingwa pjuttost sempliċi biex tifhimha, fatt li pjuttost naqbel miegħu. Wieħed mill-aħjar eżempji ta’ dan huwa t-tendenza tagħna li nużaw katini ta’ nomi. Katina ta’ nomi hija, sempliċiment, lista ta’ nomi, wieħed wara l-ieħor, li sservi biex timmodifika n-nom finali mingħajr l-użu ta’ affarijiet ikkumplikati, bħall-aġġettivi jew il-prepożizzjonijiet. Dawn is-soltu jintużaw f’kuntesti tan-negozju jew f’kuntest politiċi u amministrattivi, imma jistgħu jinsabu f’postijiet oħrajn ukoll. Pereżempju, jekk il-kunsill lokali tiegħek qed jibni park biex jimmarka xi anniversarju, ikun totalment validu li ssejjaħlu ‘anniversary park construction project’. Iżda l-problemi jinqalgħu jekk jintuża kliem tekniku eċċessivament u bħala riżultat ta’ dan, it-tifsira tkun diffiċli biex tifhimha, speċjalment għal kelliema tal-Ingliż mhux nattivi. L-iktar waħda favorita tiegħi hija minn sit tal-gvern u huwa minn rapport bl-isem: ‘independence payment assessment criteria equality analysis.’
Bħala kelliema nattiva tal-Ingliż, ħaġa li ma ngħirx għal dawk li qed jitgħallmu l-Ingliż hija l-ortografija u l-pronunzja tal-kliem. Filwaqt li huwa minnu li l-Ingliż m’għandux kumplessitajiet lingwistiċi, bħalma huma l-ġeneru grammatikali, f’ċerti punti jippreżenta ċertu ‘nuqqas ta’ regoli’. Pereżempju, jekk wieħed jieħu l-ittri ‘ough’ u jikkumparahom mal-pronunzja differenti ta’ dan il-kliem li ġej: rough [ruhf], plough [plou], though [th oh], through [throo], hiccough [hik-uhp], u thorough [thur-oh].
Jekk trid titfixkel xi ftit ieħor, agħti titwila lejn din is-silta ta’ poeżija li nkitbet minn Gerard Nolst Trenité propjament fuq dan is-suġġett, u li jisimha ‘The Chaos’. Il-poeżija fiha madwar 800 kelma mill-irregolaritajiet l-iktar sorprendenti tal-ortografija u l-pronunzja Ingliżi. Ta’ min jinnota li anke kelliema nattivi ma jippronunzjawx il-poeżija kollha sew!
“Have you ever yet endeavoured
To pronounce revered and severed,
Demon, lemon, ghoul, foul, soul,
Peter, petrol and patrol?
Billet does not end like ballet;
Bouquet, wallet, mallet, chalet.
Blood and flood are not like food,
Nor is mould like should and would.
Banquet is not nearly parquet,
Which exactly rhymes with khaki.
Discount, viscount, load and broad,
Toward, to forward, to reward,
Ricocheted and crocheting, croquet?
Right! Your pronunciation’s OK.
Rounded, wounded, grieve and sieve,
Friend and fiend, alive and live.”
Biex taqra l-verżjoni sħiħa tal-poeżija, ikklikkja hawn, jew isma’ l-poeżija kif għandha (suppost!) tinqara hawn.

Il-Pont Westminster, Londra © A. Meunier
M’iniex tal-opinjoni li l-Ingliż jeħtieġ li jiġi salvagwardjat jew li għandu jibqa’ ‘pur’. Huwa veru li l-Ingliż għandu x-xorti li huwa wieħed mill-iktar lingwi mitkellma fid-dinja u li mhuwiex f’periklu li jmut, bħalma huma xi wħud mil-lingwi l-oħrajn. Il-mewġa riċenti ta’ nazzjonaliżmu fil-Brittanja ġabet uħud minn dawn l-opinjonijiet fil-wiċċ imma l-Ingliż qed jevolvi kontinwament u storikament, huwa lingwa li ‘ssellfet’. Nadottaw kelmiet minn lingwi oħra fil-lingwaġġ ta’ kuljum u lanqas biss tgħaddilna minn moħħna li dik il-kelma fil-fatt mhix kelma ‘Ingliża’. Nużaw kelmiet bħal Kindergarten, déjà vu, de facto, al dente, per capita, zeitgeist, u en masse, biex insemmi ftit minnhom. Ninkorporaw neoloġiżmi faċilment fil-lessiku tagħna, li joriġinaw l-iktar mid-dinja onlajn, bħal spam, crowdfunding u googling, li issa kollha kemm huma sabu ruħhom bħala entrati uffiċjali fid-dizzjunarju Ingliż. Ir-rispons u l-eteroġenità tal-Ingliż jiffurmaw il-faxxinu u l-qawwiet tiegħu, u aktar ma jkun hemm nies li jitkellmuh, tant l-aħjar!
Biex titgħallem iktar dwar l-Ingliż u t-tendenzi storiċi tiegħu fis-self ta’ kliem, agħti daqqa t’għajn lejn dan il-vidjow, ‘The History of English’ mill-Open University.
Tista’ ssib iktar testi tas-serje “Il-lingwa tiegħi, dari” hawn.
L-Aħħar Kummenti