Filwaqt li jista’ jkun li din il-ħaġa nnutajnieha qabel, huwa kruċjali li nifhmu li l-mod kif il-lingwi tagħna huma mfassla, ħafna drabi jwassal għal kwistjonijiet soċjali. Il-lingwa għandha post ċentrali fl-esperjenzi u l-ideat ta’ persuna peress li l-istruttura prestabbilita tagħha ta’ spiss tillimita jew tespandi l-mod ta’ kif naħsbu.
Miktub minn Ioana Cristina Cristocea / 7.5.2017
Bħala bnedmin, moħħna jaħseb b’lingwa prestabbilita. Hekk kif in-nies isiru bilingwali jew multilingwali, ta’ spiss jaraw bidliet żgħar fil-personalitajiet tagħhom skont il-lingwa li jagħżlu li jużaw biex jesprimu lilhom infushom biha. Dan il-fatt innifsu jindika li xi strutturi huma mfassla mil-lingwa użata u għalhekk, huwa importantissimu li nkunu konxji ta’ dawn il-mudelli u naċċettawhom jew inwarrbuhom skont il-kuntesti varji.
Il-kelma Ingliża “stranger” sservi bħala punt ta’ tluq biex nuru l-ħtieġa li nkunu konxji tal-lingwaġġ użat. Filwaqt li nofs il-qarrejja li jaqraw din il-kelma se jaħsbu mill-ewwel f’dak li nistgħu niddiskrivu bħala persuna li ma nafuhiex, in-nofs l-ieħor jifhmuha bħala xi ħaġa li hija stramba ħafna. Biex inkunu preċiżi, huwa xieraq li naraw kif id-dizzjunarju Oxford juża din il-kelma sabiex nuru ż-żewġ possibilitajiet ta’ kif nistgħu nifhmu din il-kelma – “stranger” tista’ tkun “persuna mhux magħrufa ma’ persuna oħra jew li mhix familjari magħha” jew grad aktar ta’ dak li normalment huwa definit bħala “mhux tas-soltu jew mhux mistenni; diffiċli li tifimha jew tispjegaha”.
Immorru pass oltrè u nħarsu lejn il-kelma Ingliża “prejudice” pereżempju. “Prejudice” tfisser “opinjoni mfassla minn qabel li mhix ibbażata fuq raġuni jew esperjenza attwali”. Madanakollu, “prejudice” tfisser ukoll “dannu jew korriment li jirriżulta jew li jista’ jirriżulta minn xi azzjoni jew ġudizzju”.
Dawn is-similaritajiet iġiegħluna naħsbu jekk dawk il-kelmiet humiex b’xi mod konnessi ma’ xulxin u jekk iva, b’liema mod? L-antenati tagħna, dawk li ħolqu s-sistema mħawwda tal-lingwa, ippruvaw jissuġġerixxu li stranġier huwa persuna li wieħed għandu jibża’ minnu? Jew kienu qed jippruvaw iwissuna billi juru d-danni li jista’ jinqala’ kawża ta’ opinjoni ppreġudikata? Dawn il-kumbinazzjonijiet hekk imsemmija minħabba n-natura ta’ tħabbil il-moħħ taċ-ċirkostanzi tagħhom għandhom jgħinuna biex nifhmu l-għala l-lingwaġġ li nużaw huwa daqshekk importanti.
Il-lingwa toffri bosta possibilitajiet, f’ħafna aspetti. Is-sostituzzjoni ta’ kelma tista’ tbiddel it-tifsira sħiħa tal-punt li qed nagħmlu u tant tista’ tikxef sfumaturi differenti li mingħajr din il-bidla, kienu jintilfu. Il-kliem jistgħu jpoġġuna f’ċertu mentalità peress li huma akkumpanjati minn għadd ta’ sentimenti li ta’ spiss huma nnutati meta dawn il-kelmiet jintużaw. Dawn is-sentimenti malajr jiġu trażmessi fuq nies oħrajn u għalhekk huma kapaċi li jwasslu għal reazzjonijiet differenti. Il-frażi “Stranger things will happen” tista’ tkexkxek għal waqt żgħir hawn!
Hemm ħafna iktar problemi li joħorġu mill-istruttura tal-lingwa. L-eżistenza biss ta’ tikketti minħabba l-ġeneru hija waħda mill-problemi l-iktar mifruxa. F’ħafna lingwi madwar id-dinja, il-professjonijiet għandhom nomi kemm maskili kif ukoll femminili li jakkumpanjawhom. Il-Ġermaniż, l-Ispanjol, it-Taljan u r-Rumen huma ftit mil-lingwi li għandhom din l-istruttura antika. “Profesor/ profesoara” bir-Rumen, “Lehrer/ Lehrerin” bil-Ġermaniż, “Maestro, Maestra” bl-Ispanjol. M’hemm assolutament l-ebda raġuni l-għala l-ġeneru ta’ persuna għandu jaffettwa l-orjentazzjoni tagħha lejn ix-xogħol, imma li jkun hemm kelmiet differenti għal mod kif nirreferu għalihom jissuġġerixxu li fil-verità, tingħata importanza.
Illustrazzjoni: Begüm Saral
Hemm fil-fatt, eżempju kruċjali fil-lingwa Rumena. Bir-Rumen, il-kelma “om”, li t-traduzzjoni tagħha hi “bniedem”, hija kkunsidrata bħala kelma ġdida li daħlet fil-lingwa u li ġiet impurtata mill-Franċiż (kelmiet bħal dawn jissejħu ‘neoloġiżmi’). Ir-raġuni għal dan hi l-fatt li qabel, ma kinitx teżisti kelma li setgħu jużaw in-nies biex jirreferu għal bniedem u għalhekk, kellhom jirreferu għan-nies skont il-ġeneru tagħhom: “Barbat” fil-maskil u “Muiere” fil-femminil. Ħaġa ta’ tħabbil il-moħħ huwa l-fatt li “muiere” illum tintuża b’ton pjuttost derogatorju, simili ħafna għall-abitudni antika fejn in-nisa kienu jappartjenu għall-irġiel.
Dawn mhumiex biss konsiderazzjonijiet teoretiċi. Il-lingwaġġ għandu effett dirett fuq l-azzjonijiet tagħna. Ħafna studji jissuġġerixxu li t-tfajliet jikkunsidraw dawk il-professjonijiet b’nom maskil bħala iktar diffiċli biex jinkisbu minnhom milli kieku dawn il-professjonijiet kellhom nom newtrali jew li kieku kien hemm espressjonijiet kemm fil-femminil kif ukoll fil-maskil.
Filwaqt li dawn huma eżempji iżolati biss, ma ntgħażlux b’mod każwali. Intgħażlu għax għandhom x’jaqsmu sew mal-idea wara dan l-artiklu, jiġifieri li niġġieldu d-diskriminazzjoni minn lat ieħor. Ovvjament, dan mhuwiex limitat għal kelmiet b’iktar minn tifsira waħda jew għal kelmiet abbażi tal-ġeneru.
Il-problema għandha skop usa’ minn dan l-aspett wieħed biss. Tinkludi li wieħed jgħajjar lil mara “qaħba” waqt argument. Fil-maġġoranza tal-każijiet, l-għażla tal-kelma ma tesprimix li s-suġġett tal-argument (il-mara) qed tmur ma’ nies oħrajn imma l-għan tagħha biss huwa insult universali bl-intenzjoni li jweġġa’. Filwaqt li ovvjament, mhuwiex iġġustifikat li xi ħadd jiġi ġġudikat abbażi ta’ min j/tagħżel li j/torqod miegħu/magħha, jew bħalma jidher f’dan l-eżempju, ma’ kemm-il persuna, huma importantissimu li wieħed jifhem li l-użu frekwenti ta’ din il-kelma jmorru oltrè milli sempliċiment jweġġgħu lill-persuna insultata. L-użu ta’ din il-kelma ssaħħaħ l-isterjotipi li n-nisa għandhom bżonn jillimitaw in-numru ta’ sħab sesswali tagħhom u jagħti l-idea li n-nisa m’għandhomx dritt għas-sesswalità tagħhom stess. Dan l-insult mhux biss iweġġa’ lill-mara imma jġib fix-xejn il-progress li ġġieldu għalih fl-istorja riċenti, speċjalment meta wieħed jqis kif il-kelma u t-tikketta ekwivalenti għar-raġel, “qaħbu”, xi drabi titqies b’ċertu kburija u ssaħħaħ l-idea li aktar ma raġel “jikkonkwista nisa”, aktar ikun maskili.
Ix-xejra simili tintuża meta tiġi użata kelma derogatorja biex tirreferi għar-razza jew għall-etniċità ta’ xi ħadd. L-għan aħħari jista’ jvarja minn ċajta għal rimarka bl-intenzjoni li tweġġa’ lil dak li jkun, iżda r-riżultat imur lil hinn mill-persuna li qed tirreferi għaliha.
Kull għażla ta’ kliem hija importanti għax tista’ tgħin biex jingħeleb twemmin antik jew tista’ żżid ostakolu ieħor fil-ġlieda li kollha kemm aħna għandna nagħmlu parti minnha. L-ewwel pass hu li nsiru konxji tal-implikazzjonijiet tal-kliem li nagħżlu. Il-kliem għandhom tifsira. Il-kliem huma importanti.
L-Aħħar Kummenti