Noħorġu fit-toroq għall-Ewropa – konverżazzjoni ma’ Ewropew impenjat

Id-dimostrazzjonijiet tal-popolisti tal-partit tal-lemin u dimostrazzjonijiet kontra l-UE saru komuni fl-Ewropa. Madanakollu, movimenti favur l-Ewropa u movimenti liberali s-soltu jsemmgħu leħinhom biss eżatt wara li tkun intrebħet elezzjoni favur in-nazzjonalisti u l-popolisti. Imma l-Pulse of Europe jrid ibiddel dan u jrid jagħti vuċi lill-partitarji ta’ Ewropa magħquda. Tkellimna ma’ Akilnathan Logeswaran li ilu minn Frar jagħmel dimostrazzjonijiet favur l-UE fit-toroq ta’ Munich.

Intervista: Anja Meunier / 28.4.2017

Akil għandu 28 sena u trabba fi Munich. Studja f’Augsburg u fi Vjenna u wara sab xogħol f’Copenhagen, fi Vjenna, fil-Varsavja u fi Munich; Ewropew minn rasu sa saqajh. Minn Frar sar popolari sew fid-dimostrazzjonijiet fi Munich tal-Pulse of Europe u huwa impenjat lejn il-preservazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Akilnathan Logeswaran © Anja Meunier

Meeting Halfway: Għaliex qed tagħmel dawn id-dimostrazzjonijiet fit-toroq għall-UE u għall-Ewropa?

Akil: Minn dejjem ħassejt li l-Ewropa kienet importanti ħafna għalija, imma qatt ma ħassejt il-bżonn li noħroġ nipprotesta fit-toroq. Issa rrealizzajt li xejn minn dan kollu mhu garantit u li vera trid tiġġieled għad-drittijiet tiegħek. Naħseb li dan huwa importanti. Billi noħroġ fit-toroq u nxejjer il-bandiera tal-UE b’mod pubbliku, nista’ nappella lil ħafna iktar nies ukoll. Mhux biss permezz ta’ Facebook fejn tista’ tgħid li kulħadd jaf lil kulħadd, imma anke lil hinn miż-żona tal-kumdità tiegħi. Naraha bħala ħaġa importanti ħafna li ninvolvi ruħi sew man-nies.

MH: Ġejjin ħafna minn sħabek għad-dimostrazzjoni?

Akil: Dejjem qed jingħaqdu iktar u iktar. L-ewwel darba kont l-uniku wieħed u sfortunatament lanqas żgħażagħ ma kien hemm. Imma dan kien ta’ vantaġġ ukoll fost dawk li kienu ftit iżgħar fl-età; iltqajna flimkien u ftehimna li b’xi mod kellna nistiednu iktar ħbieb. Iltqajna kull nhar ta’ Ħadd wara d-dimostrazzjoni biex niddiskutu iktar pjanijiet u affarijiet u kull darba n-numru ta’ nies żdied. Dejjem nipprova nistieden ħbieb minn gruppi differenti ta’ ħbieb. Naraha importanti ħafna li kull persuna, tkun minn liema parti tal-belt tkun u minn liema qagħda soċjali tkun, tkun taf u titkellem dwar l-Ewropa u dwar xi tfisser l-Unjoni Ewropea.

MH: Ta’ spiss tisma’ l-akkuża li ż-żgħażagħ huma apolitiċi. Taqbel?

Akil: Ma narahiex hekk, xejn affattu. Anzi nissogra ngħid li bil-kontra; iż-żgħażagħ huma konxji ħafna politikament. Nemmen li tqajjem dan l-għajdut li ż-żgħażagħ huma apolitiċi għax iż-żgħażagħ ta’ spiss ma joħorġux jivvutaw. Imma din ma narahiex bħala dikjarazzjoni mhux politika. Hemm ħafna nies li ma joħorġux jivvutaw b’mod konxju għax jgħidu li l-politiċi ma jirrappreżentawhomx. Din naraha bħala dikjarazzjoni politika b’saħħitha ħafna u nemmen li fiha x’tomgħod u l-politiċi għandhom jaħdmu fuqha din il-kwistjoni. Għandna nisimgħu iżjed x’għandhom jgħidu ż-żgħażagħ u forsi għandna nitolbuhom biex jgħinu fit-tfassil ta’ politiki.

Dimostrazzjoni ta’ Pulse of Europe fi Munich © Anja Meunier

MH: Xi nies jaħsbu li n-nies li huma favur l-UE jinjoraw kollox u jippretendu li kulma għandna nagħmlu hu li nħobbu lil xulxin u kollox ikun sew. Iżda hemm ukoll fatti speċifiċi ħafna li jitkellmu favur l-UE. Liem hi l-ikbar kisba tal-UE?

Akil: Bla dubju, l-ikbar kisba tal-UE hija li tnaqqsu l-fruntieri fiż-żona Schengen. Għandna l-libertà tal-moviment ta’ nies, prodotti u servizzi, li huwa vantaġġ inkredibbli għall-500 miljun persuna li tgħix fl-UE. Lanqas biss tista’ timmaġina ħajja mingħajr dawn il-libertajiet. Kien ikun ġenn totali li kieku kellek toqgħod tistenna kull fejn tmur jew li jkollok tħallas tariffi ogħla fuq il-prodotti. Din hi l-ikbar kisba fl-opinjoni tiegħi.

MH: Xi kritiċi ta’ Pulse of Europe jgergru li l-moviment ma jifformulax għanijiet speċifiċi. X’taħseb dwar dan?

Akil: Naħseb li l-Pulse of Europe għadu f’livell bikri. Nemmen li għadu kmieni wisq biex nibdew nagħmlu domandi politiċi konkreti. Imma hemm xi movimenti b’saħħithom ħafna f’Pulse of Europe. Hemm inizjattiva wkoll li jisimha Stand up for Europe li ġiet stabbilita fl-istess żmien ta’ Pulse of Europe. Huma diġà għandhom aġenda politika iktar b’saħħitha, imma naħseb din hija xi ħaġa li takkwistaha biż-żmien. Bħalissa qegħdin fi stadju fejn qed nimmobilizzaw lin-nies u nħeġġuhom joħorġu fit-toroq u jiddiskutu kwistjonijiet. Imbagħad, ladarba nkunu ddiskutejna kollox, nistgħu noħorġu fit-toroq bi programm iktar b’saħħtu.

Dimostrazzjoni ta’ Pulse of Europe fi Munich © Anja Meunier

MH: Was für konkrete Ziele könntest du dir da vorstellen?

MH: X’għanijiet speċifiċi għandkom ippjanati għall-futur?

Akil: Diffiċli tgħid. Nemmen li żgur li se jkun hemm impenn ċar biex inżommu l-fruntieri aċċessibbli għan-nies, għall-prodotti u għas-servizzi. Nemmen li probabbli se jkun hemm ukoll domandi vinkolanti għal iktar parteċipazzjoni soċjali mill-pajjiżi membri kollha. Kull min jirċievi fondi jrid jirrappreżenta ċerti valuri wkoll bħal pereżempju azzjoni umana kollettiva tas-sitwazzjoni tar-rifuġjati, kif ukoll li jiġu implimentati standards umanitarji għal dan il-għan. Imma issa naraw kemm din tista’ tkun konkreta.

MH: Għandek xi suġġerimenti dwar x’nistgħu nagħmlu, kull wieħed u waħda minna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum biex immorru kontra kurrenti nazzjonalisti?

Akil: Naħseb l-ewwel pass li rridu nieħdu huwa li nuru mingħajr ħabi l-opinjonijiet tagħna. Għalhekk, kull darba li tisma’ xi ħaġa li tmur kontra kif taħsibha int, tgħid: “Ma naħsibx li ċajta bħal dik kienet f’postha.” Jew tistaqsi: “Interessanti li taħsibha b’dan il-mod, imma għala?” imbagħad trid toqgħod tanalizza. Li kieku twelidt ħames kilometri fin-Nofsinhar tal-fruntiera u persuna oħra ħames kilometri fit-Tramuntana tal-fruntiera, din il-persuna hija verament daqshekk differenti minni? Dejjem għandna nindirizzaw dawn il-biżgħat, li huma tassew iġġustifikati, biex niskopru minn fejn joriġinaw. Jista’ jkun li din il-persuna li għadha kif waslet fil-pajjiż hija r-raġuni tassew il-għala għal dawn l-aħħar għaxar snin ma kellix xogħol? Ma jistax ikun. Għalhekk trid tagħmel xi ħaġa, mhux biss billi tgħin lir-rifuġjati imma billi ma tibżax tammetti li hemm problemi wkoll f’pajjiżek. U dawn il-problemi rridu niġġildulhom. Kulħadd jista’ javviċina persuna umana oħra, jibda konverżazzjoni magħha u jaqbel ma’ punt jew ieħor. Fl-2015 ġew ħafna rifuġjati fil-pajjiż u matul dan iż-żmien ħafna nies ħasbu li l-opinjonijiet nazzjonalisti tagħhom kienu fil-maġġoranza. Li kieku ħarisna lejn iċ-ċifri konna naraw li fil-fatt dawn kienu biss 30%, imma għamlu iktar ħoss meta esprimew l-opinjonijiet tagħhom. U hija għal din ir-raġuni preċiżament li għandna nieħdu pożizzjoni u noħorġu nagħmlu d-dimostrazzjonijiet fit-toroq.

Awtriċi

Anja Meunier (Ġermanja)

Tistudja: il-Matematika u l-Ekonomija

Lingwi: Ġermaniż, Ingliż, Spanjol

L-Ewropa għandha… pajjiżi sbieħ, nies interessanti, stil ta’ ħajja eċċellenti. U għandha tibqa’ magħquda.

Traduttriċi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Qarrejja tal-provi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: BA fil-Malti u l-Ingliż

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

This post is also available in Català, Deutsch, English, Español, Français, Italiano, Português, Română, [Main Site], Ελληνικά and Русский.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

Il-konfigurazzjonijiet tal-cookies fuq dan il-websajt huma ssettjati għal "aċċetta cookies" sabiex ikollok l-aħjar esperjenza possibbli ta' tiftix fuq l-Internet. Jekk tkompli tuża dan il-websajt mingħajr ma tbiddel il-konfigurazzjonijiet tiegħek tal-cookies jew jekk tikklikkja isfel fuq "Aċċetta", allura qed tagħti l-kunsens tiegħek għal dan.

Agħlaq