Fl-aħħar snin, il-Ġermaniż kiseb ħafna popolarità bħala lingwa barranija. Kemm madwar l-Ewropa kollha, kif ukoll madwar id-dinja – f’daqqa waħda, kulħadd irid jitgħallem il-Ġermaniż. Il-Ġermaniż qiegħed fil-moda għalkemm ħadd mhu iktar sorpriż b’dan min-nattivi li jitkellmu bil-Ġermaniż.
Miktub minn Anja Meunier / 26.3.2017
Parti I: My language, my home, Catalan
Parti II: Il-lingwa tiegħi, dari: il-Malti
Mhux dejjem qalulna li “Il-Ġermaniż diffiċli wisq” u “Dejjem jinstema’ qiskom qed tiġġieldu”? Ifhem, hekk hu… U forsi ftit inbidel minn dak l-aspett. Iżda grazzi għall-pożizzjoni ekonomika b’saħħitha tar-reġjun Ġermaniż fl-Ewropa, il-lingwa materna tiegħi f’daqqa waħda kisbet tifsira ġdida għalkollox u iktar nies qed jiskopru l-aspetti interessanti, sbieħ u loġiċi li jien ukoll nixtieq naqsam magħkom illum.
L-ewwel nett: Anki l-Ġermaniż jista’ jinstema’ sabiħ ħafna u mużikali! Mhux ta’ b’xejn li l-Ġermanja tas-seklu 19 kienet magħrufa bħala l-art tal-poeti u l-ħassieba. Goethe, Schiller, Rilke… kollha kemm huma għadhom meqjusin bi stima sal-lum madwar id-dinja kollha. Isma’ ftit din il-poeżija u tifhem il-għala.
“Der Panther” miktuba minn Rainer Maria Rilke
Dak li huwa partikolarment interessanti dwar il-lingwa Ġermaniża, u aspett li jagħmilha daqshekk famuża u magħrufa, huwa n-nomi komposti. L-eżempju l-iktar ikkwotat, li nħoloq speċifikament għal dan il-għan, huwa Donaudampfschifffahrtsgesellschaftskapitänsmützenbommel (il-boċċa żgħira tas-suf fuq il-kappell ta’ kaptan li jaħdem mal-kumpanija Danubja tal-bastimenti li jaħdmu bl-istim). Allura, il-formazzjoni ta’ kliem serriep bħal dan huwa possibbli fil-Ġermaniż għax, għall-kuntrarju ta’ ħafna lingwi oħra, nom li huwa deskrittiv ħafna jista’ jiġi ssupplimentat bil-prefiss ta’ nom ieħor mingħajr spazju bejniethom. B’deskrizzjonijiet hekk preċiżi niksbu kliem daqshekk twil.
Illustrazzjoni: Luzie Gerb
Fir-realtà, dan il-kliem ġgantesk kważi qatt ma jintuża. Wara żewġ jew tliet konnessjonijiet, għandek kelma. Madanakollu, issib ħafna kliem kompost b’forma iqsar. Hemm ħafna ismijiet ta’ annimali, oġġetti u nomi oħra li huma ffurmati b’dan il-mod. Jogħġbuni ħafna dawn il-kelmiet – il-loġika tagħhom hija tant sempliċi u qisha tat-tfal. Ors li jaħsel idejh? ‘Ħasla-ors’ (Waschbär, rakkun)! Ħanżir bix-xewk? ‘Ħanżir-xewk’ (Stachelschwein; porkuspin)! Tħossok kuntent/a fir-rebbiegħa? ‘ħsus tar-rebbiegħa’ (Frühlingsgefühle)! Daħlet diska f’moħħok, u baqgħet tgħawwar f’widnejk? Għandek ‘widna-dudu’ (Ohrwurm)!
Xi ftit minn dawn il-kelmiet ġew adottati f’lingwi oħra peress li jiddeskrivu b’mod tant xieraq sitwazzjonijiet u kunċetti speċifiċi ħafna, pereżempju ‘Schadenfreude’ (li tkun kuntent/a bid-dwejjaq ta’ ħaddieħor), ‘Wanderlust’ (il-pjaċir li tmur fuq mixja twila jew tivvjaġġa), ‘Wunderkind’ (tifel jew tifla ‘mirakoluż/a’ b’ħafna talenti) jew ‘Kindergarten’ (post fejn jieħdu ħsieb it-tfal ta’ kuljum – ‘ġnien’ għat-tfal).
Illustrazzjoni: Luzie Gerb
Wieħed minn sħabi Spanjoli, li diġà għandu livell eċċellenti ta’ Ġermaniż, m’ilux qal li wieħed mill-affarijiet li qatt m’hu ser jifhem huwa l-użu ta’ esplettivi fil-Ġermaniż. Hemm ħafna minnhom fil-fatt: eben, halt, doch, eigentlich, mal, echt, ja, nur… biex insemmi ftit biss minnhom. Kollha għandhom tifsiriet differenti skont il-kuntest li fih jintużaw, u meta jintużaw fl-istess sentenza ħdejn xulxin, terġa’, jistgħu jfissru xi ħaġa totalment differenti… pereżempju fis-sentenza “Bring doch deine Freundin mit!“ (Tista’ ġġib lit-tfajla tiegħek miegħek jekk trid’), id-‘doch’ turi li hija suġġeriment, filwaqt li “Du bist ja doch gekommen!” (Ġejt warakollox!) tesprimi sorpriża.
Pekuljaretà oħra tal-lingwa Ġermaniża hija l-ordni tal-kliem – l-iktar kelmiet importanti s-soltu jitpoġġew fl-aħħar tas-sentenza. Fit-test ta’ Mark Twain ‘The Awful German Language’ li huwa ta’ spiss ikkwotat minn studenti tal-Ġermaniż urtati ħafna, l-awtur igerger dwar il-fatt li, fost bosta affarijiet oħra, fil-Ġermaniż trid iddum tistenna sa ma tiskopri x’jiġri verament. „Heute Abend bringe ich dich…“ Um? Zum Flughafen? (‘Illejla se…’ Noqtlok? Nieħdok l-ajruport?) Waħda mis-sentenzi mhux kompluti l-iktar ikkwotati fl-istorja hija dik tal-eks-segretarju għall-affarijiet barranin, Hans-Dietrich Genscher fl-1989 meta mill-gallerija tal-Ambaxxata Ġermaniża fi Praga, indirizza liċ-ċittadini maħrubin tal-GDR: „Wir sind zu Ihnen gekommen, Ihnen mitzuteilen, dass heute Ihre Ausreise…” (‘Ġejna għandkom, biex naqsmu magħkom, li llum it-tluq tagħkom…’) Il-bqija tas-sentenza ma setgħetx tinftiehem fost l-għajjat li jtarrax, imma setgħet spiċċat ukoll bis-sentenza grammatikalment korretta “…nicht möglich ist” (‘…mhix possibbli’).
Insibha interessanti wkoll kif fil-Ġermaniż nużaw kliem minn lingwi oħra – kliem Ingliż l-aktar. Xi drabi nużawh biex niddistingwu l-affarijiet b’mod iktar preċiż. Pereżempju, nużaw il-kelma ‘Swimmingpool’ għal pixxina privata filwaqt li l-pixxini pubbliċi jissejħu ‘Schwimmbad’. Meta xi ħadd imur ‘shoppen’, ser jixtri l-ħwejjeġ, imma għall-ikel nużaw il-kelma ‘einkaufen’. Issib ukoll Ingleżiżmi li jistgħu jidhru strambi ħafna għal nattivi li jitkellmu bl-Ingliż. Mowbajl ngħidulu ‘Handy’ u nużaw ‘Public viewing’ meta mmorru naraw logħba futbol ġo post pubbliku, anke jekk meta tradotta sewwa din fil-fatt tfisser l-espożizzjoni pubblika ta’ katavru.

© A. Meunier
‘Il fuq minn 100 miljun persuna jitkellmu l-Ġermaniż bħala l-lingwa materna tagħhom. Fl-Ewropa, il-Ġermaniż hu mitkellem fil-Ġermanja kollha, fl-Awstrija u fil-Liechtenstein. Minbarra dan, il-Ġermaniż hu mitkellem ukoll fin-Nofsinhar ta’ Tyrol, l-iktar parti fit-Tramuntana tal-Italja, fir-reġjun tal-Isvizzera fejn jitkellmu bil-Ġermaniż, fil-Lussemburgu, fil-muniċipalità Ġermaniża tal-Belġju, fil-partijiet bordura ta’ Alsace u Lorraine fi Franza, fil-parti ta’ fuq ta’ Schleswig fid-Danimarka kif ukoll f’partijiet tal-popolazzjoni f’xi reġjuni Ewropej tal-Lvant bħal f’Opole fil-Polonja u fit-Transilvanja fir-Rumanija.
Naraha bħala xi ħaġa tal-ġenn li f’daqqa waħda l-lingwa nattiva tiegħi saret daqshekk popolari. Jien u nitkellem ma’ xi nies li tgħallmuh bħala lingwa barranija, nikseb perspettiva ġdida fuq il-Ġermaniż u nibda narah u naħseb fuqu b’mod għalkollox ġdid.
L-Aħħar Kummenti