Il-Ħajja fl-epiċentru tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani

Il-Palestina ilha taħt okkupazzjoni mill-Iżrael dawn l-aħħar ħamsin sena. Wieħed miż-żoni meqjus bħala l-iktar milqut mill-kunflitti bejn il-kolonizzanti Iżraeljani u l-Palestinjani huwa l-Ħebron fix-Xatt tal-Punent. Allura kif inhi l-ħajja ta’ kuljum bl-okkupazzjoni u l-politika dwar l-insedjament?

Miktub minn Anja Meunier / 10.3.2017

Il-bini tal-insedjamenti jinstema’ wieħed pjaċevoli. Iġiegħlek timmaġina djar żgħar f’nofs l-għelieqi mibnijin minn avventurieri u esploraturi. Imma r-realtà hija waħda pjuttost differenti. Wara li x-Xatt tal-Punent waqa’ taħt okkupazzjoni Iżraeljana wara l-Gwerra tas-Sitt Ijiem fl-1967, bdew ifiġġu l-insedjamenti Iżraeljani fuq art li, mill-perspettiva tal-Iżraeljani, ma kienet ta’ ħadd. Iżda ħafna minn din l-art kienet tintuża bħala art komuni mill-komunitajiet Palestinjani, li skont il-liġi konswetudinarja, qatt ma tniżżlet fir-reġistru tal-artijiet. F’Diċembru 2016 in-Nazzjonijiet Uniti adottaw riżoluzzjoni fejn appellaw għat-tmiem tal-politika dwar l-insedjament Iżraeljana u ddikkjaraw l-insedjamenti bħala illegali taħt il-Liġi Internazzjonali.

Sinjal fuq il-fruntiera taż-żona okkupata A © Anja Meunier

Inbnew saħansitra insedjamenti Iżraeljani oħra fuq art Palestinjana rreġistrata bħala privata, li hija wkoll illegali taħt il-liġi Iżraeljana. Minkejja dan, l-abitanti huma taħt protezzjoni militari u fi Frar 2017 il-gvern Iżraeljan għadda liġi li b’mod retroattiv, approvat 4,000 insedjamenti Iżraeljani minn dan it-tip.

F’Ħebron, il-kunflitt bejn il-Palestinjani u l-kolonizzanti Iżraeljani sar wieħed jaħraq. Ħebron hija l-unika belt fix-Xatt tal-Punent li għandha insedjament Iżraeljan fil-qalba tal-belt. Ħebron għandha importanza partikolari għat-tliet reliġjoni monoteistiċi kollha għax hija l-post fejn hemm midfuna t-tliet patrijarki: Abram, Ġakobb u Iżakk, fl-Għar tal-Patrijarki fiċ-ċentru storiku tal-belt. Il-prossimità ta’ dawn is-siti sagri kif ukoll il-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali għolja li jitħallsu lill-insedjamenti mill-gvern Iżraeljan jagħmlu lil Ħebron tidher bħala post attraenti ħafna għal-Lhud ortodossi ħafna.

Parti mis-suq antik fiċ-ċentru ta’ Ħebron © Anja Meunier

L-insedjament fiċ-ċentru tal-belt, fejn joqogħdu madwar 500 insedjament Lhud, żviluppa bħala riżultat tal-okkupazzjoni illegali ta’ djar Palestinjani privati. Minħabba t-tensjoni bejn il-popolazzjoni Palestinjana u l-insedjamenti Iżraeljani, dawn l-insedjamenti Lhud qed jiġu protetti minn madwar 3,000 suldat. Blokok ta’ toroq sħaħ mhumiex aċċessibbli għall-Palestinjani u ġew iżolati permezz ta’ punti ta’ kontroll. It-triq li qabel kienet it-triq tas-suq issa kważi tbattlet għalkollox . Skont iċ-ċifri ta’ B’Tselem, ċentru ta’ informazzjoni Iżraeljan għad-drittijiet umani, 42% tad-djar Palestinjani fiċ-ċentru storiku ta’ Hebron huma battâla jew okkupati minn kolonizzanti, u 77% tal-ħwienet issa ġew magħluqa.

Ghassan trabba fiċ-ċentru storiku ta’ Ħebron 

Ghassan għandu 20 sena u trabba fiċ-ċentru storiku ta’ Ħebron. Huwa s-sid tal-“Hostel in Hebron” u jagħmel tours politiċi tal-belt storika għall-ftit turisti li jiġu jżuru l-belt. Uriena t-toroq iżolati fejn kien qed jinġema’ aktar u aktar żibel wara ċ-ċnut tal-fildiferru mxewwek u rrakkontalna kif in-nies li kienu għadhom joqogħdu hemm qed jiġu ffastidjati u ddiskriminati. “In-nies minn Ħebron qed jibżgħu jiġu sal-belt storika għax hawnhekk iwaqqfuhom is-suldati u jagħtuhom fastidju. Is-suldati ma jridux in-nies jiġu hawn u għalhekk jagħtuk battikata, dejjem jitolbuk għall-karta tal-identità jew iwaqqfuk u jżommuk għal sigħat sħaħ mingħajr ebda raġuni biex żgur ma terġax tiġi.” Hemm binjiet fejn hemm ħanut Palestinjan fuq is-sular t’isfel u appartament ta’ kolonizzanti Iżraeljani fis-sular ta’ fuq. Ghassan spjega li xi drabi jgaraw iż-żibel, ġebel u saħansitra, anke bliċ u urina għal isfel.

Ċint ta’ protezzjoni għal kontra l-ġebel u ż-żibel © Anja Meunier

Ħafna familji qed imorru joqogħdu fil-parti iktar ġdida tal-belt biex jaħarbu mill-ispezzjonijiet konstanti u mill-fastidju li dejjem għaddej. “Ma tantx tara affarijiet sbieħ jekk titrabba hawn – tara lis-suldati Iżraeljani kollha, tara l-fruntieri Iżraeljani kollha, tara l-kolonizzanti Iżraeljani li jimxu fit-toroq bil-pistoli tagħhom u jagħtuk fastidju.” Madankollu, il-familja ta’ Ghassan xorta għadha toqgħod fil-qalba tal-belt. “Jekk nitilqu minn darna, jidħlu flokna l-kolonizzanti u jerġgħu jakkwistaw iktar territorju.”

Punti ta’ kontroll fit-tarf tal-belt storika ta’ Ħebron © Anja Meunier

Iltqajna ma’ Carol li tagħmel parti mill-grupp attivist internazzjonali Christian Peacemaker Team u li toqgħod fiċ-ċentru ta’ Ħebron. Dan il-grupp josserva u jiddokumenta s-sitwazzjoni u jekk ikun hemm bżonn, jintervjeni b’mod paċifiku. Carol hija mara b’xagħar bajdani li aktar kont nimmaġinaha fis-salott ta’ nannti milli f’żona ta’ kriżi okkupata mill-militar. Imma meta bdiet titkellem, din l-impressjoni tal-ewwel telqet f’ħakka t’għajn. Tkellmet b’mod tgħaġġel u b’mod deċiż u magħha kienet iġġorr atmosfera kalma.

“Ovvjament ma tantx għandna opportunitajiet fejn nistgħu nintervejnu” qaltilna, “imma ġieli kulma jkun hemm bżonn hu li jkun hemm barrani internazzjonali. Meta jkun hemm l-ispettaturi, is-soltu l-imġiba tagħhom tinbidel.” Huwa b’dan il-mod, pereżempju, li Carol u attivisti oħra jipproteġu lit-tfal li jkunu sejrin l-iskola minn spezzjonijiet twal iżżejjed u miżuri oħra ripressivi. Mill-ewwel jiġu kkuntattjati minn ħbieb jew mill-ġirien jekk ikun sar xi arrest jew jekk hemm kunflitt kbir xi mkien. Il-membri tas-CPT imbagħad jippruvaw jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Minbarra li jagħtu l-assistenza tagħhom direttamment fuq is-sit, l-attivisti jiddokumentaw l-avvenimenti wkoll u jirrapurtaw lura lill-organizzazzjonijiet għad-drittijiet umani u lin-Nazzjonijiet Uniti.

Veduta ta’ Ħebron © Anja Meunier

Għassan jittama li l-kunflitti jintemmew dalwaqt; ir-reżistenza vjolenti u d-demostrazzjonijiet idejquh. “Ma mmurx demostrazzjonijiet għax tista’ tiġri waħda minn dawn it-tliet affarijiet: jew tweġġa’, jew tinqatel, jew tiġi arrestat.” Minflok, permezz tat-tours li jagħmel, huwa jipprova jinforma lin-nies minn pajjiżi oħrajn dwar is-sitwazzjoni f’Ħebron. “Nixtieq li n-nies ikunu jafu x’qed jiġri fiż-żewġ naħat; kemm fin-naħa Iżraeljana u kemm f’dik Palestinjana.”

Mhux talli ftit li xejn hemm rapporti fl-istadju internazzjonali dwar iċ-ċirkostanzi li fihom jgħixu n-nies fiż-żoni okkupati mill-Iżrael iżda ħafna Iżraeljani lanqas ma jafu x’inhu jiġri. Għalhekk, l-organizzazzjoni B’Tselem nediet proġett fejn qed tqassam kameras lill-Palestinjani li qed jgħixu f’żoni fejn hemm tensjonijiet kbar u fejn l-eskalazzjonijiet huma komuni. Iridu jikkontrobattu r-rapporti unilaterali u jiżvelaw il-ksur tad-drittijiet umani f’dawn iż-żoni. Għassan ukoll jittama li din l-inizjattiva tkun ta’ suċċess. “Id-dinja taħseb li aħna terroristi u kriminali. Imma m’aħniex, xejn affatti. Aħna nies simpatiċi li nixtiequ futur aħjar. Aħna nies umani bħal kull persuna oħra fid-dinja. Irridu l-libertà u rridu ħajja tajba, u rridu nħossuna sikuri meta nidħlu lura d-dar.”

Awtriċi

Anja Meunier (Ġermanja)

Tistudja: il-Matematika u l-Ekonomija

Lingwi: Ġermaniż, Ingliż, Spanjol

L-Ewropa għandha… pajjiżi sbieħ, nies interessanti, stil ta’ ħajja eċċellenti. U għandha tibqa’ magħquda.

Traduttriċi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Qarrejja tal-provi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php