Il-Bużżieqa ta’ Barċellona

Spanja tilqa’ wieħed mill-akbar numru ta’ studenti permezz tal-iskema ERASMUS fost il-pajjiżi Ewropej, u Barċellona hija bla dubju waħda mid-destinazzjonijiet favoriti fost dawn l-istudenti. L-atmosfera kożmopolitana tinħass sew fit-toroq; fiċ-centru tal-belt huwa iktar komuni li tisma’ l-Ingliż milli l-Ispanjol jew il-Katalan. Però, illum il-ġurnata, din il-popolarità qed tiġi wiċċ imb wiċċ ma’ realtà li ħafna ilhom jitkellmu dwarha: il-bużżieqa fil-prezzijiet tad-djar li hija riflessa fil-prezzijiet tal-kera

Miktub minn Miriam Vázquez / 19.3.2017

Il-prezzijiet tal-kera f’kull parti ta’ Barċelona splodew ’il fuq, minn dawk fl-akwati Gotiċi, għal propjetà fid-distrett innovattiv 22@. Huwa diffiċli ferm li ssib kamra f’dar ta’ 100 metru kwadru, b’kamra tal-banju u kċina komuni flimkien ma’ studenti oħra għal inqas minn €400/xahar. Marco Savino, student tal-ERASMUS f’Barċellona, ilu hawn ħames xhur u diġà biddel il-post tliet darbiet: “Il-prezzijiet tal-kera huma għoljin ferm, speċjalment meta tqis id-daqs tal-kamra. Kull kamra li kelli kienet inqas minn għaxar metri kwadri.”

Barcelona © Miriam Vázquez

Is-soluzzjoni tista’ tkun li jiġu addottati miżuri simili għal dawk ta’ pajjiżi oħra. Waqt li fil-Ġermanja
nofs il-popolazzjoni tal-pajjiż tgħix f’post mikri, waqt li fi Spanja il-perċentaġġ huwa huwa biss ta’ 25%. Minħabba f’hekk, fl-2005, il-parlament Ġermaniż għadda liġi fejn ħoloq saqaf għal kerat għoljin. Nils Bruder, student Ġermaniż li se jqatta’ semestru f’Barċellona spjega “Jien nemmen fis-suq ħieles, imma fil-każ ta’ Barċellona, ċerti limiti jridu jiġu stabbiliti, bħalma sar fil-Ġermanja. In-nies tal-post m’għadhomx jifilħu jħallsu biex jibqgħu jgħixu f’belthom stess.”

Biex nifhmu sew is-sitwazzjoni attwali, però, hemm bżonn li nħarsu ftit lura. Il-kliem “bużżieqa fis-suq tad-djar”, kapaċi jkexkxu lil kull persuna Spanjola li tismagħhom, kważi bħal meta jaraw turist jixtri sombrero Messikan bħala tifkira. Ħafna ħasbu li l-kriżi ekonomika u propjetarja tal-2008 kienet theżżiża biżżejjed u li mhux se terġa’ tiġri fil-futur. Il-kriżi laqtet lil Spanja b’mod speċjali minħabba li l-ekonomija Spanjola kienet ibbażata fuq it-turiżmu u n-negozju tal-bini. Il-fatturi li wasslu għal din is-sitwazzjoni huma kumplessi, imma jekk jinteressak issir taf iżjed dwar x’ġara u kif,
”Españistán”“jagħti spjegazzoni konċiża f’dan il-vidjow li sar famuż f’daqqa fuq YouTube ftit tas-snin ilu.

Barcelona © Miriam Vázquez

Minħabba dak li ġara, ħafna Spanjoli ma investewx fis-suq tal-propjetà sa mill-kriżi ’l hawn, waqt li oħrajn, speċjalment studenti universitarji żgħażagħ mhumiex jippjanaw li jibqgħu jgħixu fl-istess belt għal dejjem. Dawn tal-aħħar jifformaw ammont kbir min-nies li jikru postijiet fiċ-ċentru tal-belt, minħabba li huma viċin tal-universitajiet u viċin tall-impjiegi l-ġodda f’negozji li għadhom jibdew. Żid postijiet għat-turisti illegali – problema li l-kunsill ta’ Barċellona diġà qiegħed jipprova jsolvi – u ssib ruħek f’kundizzjonijiet ideali biex tikkawża splużjoni oħra fis-suq tad-djar.

Sadanittant, ħafna studenti internazzjonali jkomplu jistaqsu għaliex il-kera hija għolja tant fil-belt. Il-maġġoranza tagħhom ma jafux x’seħħ f’dawn l-aħħar ftit snin u lanqas ma jafu dwar l-ispekulazzjoni li tikkawża bidla fil-prezzijiet tal-kera. Jaħsbu biss li dan huwa l-prezz li wieħed iħallas biex igawdi l-kultura u x-xemx ta’ Barċellona.

Awtriċi

Miriam Vázquez (Spanja)

Tistudja: Ġurnaliżmu u x-Xjenzi Politiċi u Amministrattivi

Lingwi: l-Ispanjol, il-Katalan, l-Ingliż, il-Ġermaniż, u xi Franċiż

L-Ewropa hi… post uniku fejn nies b’kulturi, lingwi u perspettivi differenti jgħixu flimkien.

Twitter: @mirabroad

Traduttriċi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Qarrejja tal-provi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: BA fil-Malti u l-Ingliż

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php