Niġġieldu d-diqa li taqbadna wara l-Erasmus: Xokk Kulturali… erġajna!

Ix-xokk kulturali. Huwa terminu li smajna kemm-il darba u li kull università ssemmi fil-laqgħat imħejjija għal qabel ma jsiefru l-istudenti. Bħala studenti tal-Erasmus, kollha nassoċjaw dawn iż-żewġ kelmiet mal-bidu taż-żmien li qattajna barra. Imma xi jfissru eżattament? U hu possibbli li tieħu dan ix-xokk kulturali darbtejn?

Miktub minn Elinor Terry / 10.2.2017

Parti I: Niġġieldu d-diqa li taqbadna wara l-Erasmus: Ħellow, jiena jisimni…

It-terminu xokk kulturali huwa essenzjalment mod pompuż u akkademiku kif tgħid li qed timmissja lil pajjiżek u kulma jostor fih… Kollox sewwa, forsi jfisser ħarira aktar minn hekk. It-terminu nnifsu jiddeskrivi l-aljenazzjoni li nħossu għall-ewwel meta mmorru ngħixu f’pajjiż ġdid. L-aktar li jaffettwana, x’aktarx, hu meta naslu. Bħall-ġidri, ix-xokk kulturali normalment jiggrava qabel ma nibdew infiqu, imma meta jgħaddi, donnu li jkun telaq għalkollox. Jew tal-anqas, jien hekk ħsibt…

Qatt ma stennejt li se jaqbadni xokk kulturali darbtejn f’sena, speċjalment peress li għext f’pajjiż wieħed fis-sena li qattajt barra. Ħassejtni pjuttost komda f’Berlin wara li kont ilni hemm ġimgħa biss, li jfisser li meta fl-aħħar wasal Awwissu, il-kelmiet xokk kulturali, u l-emozzjonijiet assoċjati magħhom kienu tħassru mill-memorja tiegħi kompletament. Dak li ħadd qatt ma jgħidlek, int u tħażżeż in-noti bil-ġenn, tirriċerka d-destinazzjoni tiegħek u tinkwieta li din se tkun l-agħar sena ta’ ħajtek, hu li l-aktar biċċa diffiċli mill-esperjenza kollha hu meta tasal biex tiġi lura d-dar.

L-esperti jħobbu jsejħulha “xokk kulturali bil-kontra” għaliex, apparentament, jiżviluppa mhux biss minħabba r-realizzazzjoni inkwetanti li żmienna barra minn pajjiż twelidna wasal fi tmiemu, imma għax għandna stampa idealizzata tal-post li se nirritornaw għalih. Inkunu qegħdin nippretendu li xejn ma nbidel kemm ilna neqsin minn pajjiżna u li faċilment nistgħu nerġgħu lura għal ħajjitna, bħallikieku l-aħħar semestru jew sena qatt ma ġraw. Filwaqt li, għall-maġġoranza tagħna, iż-żmien li nqattgħu barra jkun ħafna aqwa milli nimmaġinawh, x’aktarx jiġri l-oppost eżatt meta niġu lura. Lili hekk ġrali insomma!

© Elinor Terry

L-inkwiet proprju tiegħi kien li s-sena li qattajt barra kienet se tinħass qisha kienet ħolma; jien u nissetilja lura f’ħajti f’Cardiff, ħassejtni daqslikieku qatt ma kont tlaqt u f’ċerti aspetti, daqslikieku kont qomt minn ħolma li damet sena. Ma rrealizzajtx x’kont qiegħda nħoss mill-ewwel. Għall-kuntrarju, wara d-dwejjaq jien u ngħid saħħa lil dawk li għext magħhom u lil sħabi f’Berlin, ma stajtx inħossni aktar ferħana li ġejt lura d-dar; kont lesta naqbad niffanga fil-ġobon Cheddar, fiċ-ċikkulata tal-Cadbury u l-ikel twajjeb kollu li tant kont immissjajt. Imma dan il-ferħ kbir ma damx wisq, u kif irrealizzajt li rrid nerġa’ nibda fl-“università l-proprja” mill-ġdid, ħassejt il-friefet ibejtu fl-istonku.

L-uċuħ familjari tal-ħbieb li ltqajt magħhom barra mill-kors tiegħi kienu sparixxew, iggradwaw u komplew b’ħajjithom. Minflok, kelli naffaċċja studenti ġodda u iżgħar, u peress li ma kont naf lil ħadd, ħassejtni qisni erġajt qiegħda fl-ewwel sena. L-ewwel ġimgħat tiegħi lura l-università qattajthom bix-xewqa li nerġa’ nkun imsiefra, u nistaqsi lil ħaddieħor, ma’ kull opportunità li kelli, jekk kienx qiegħed iħossu l-istess.

Forsi, għal dis-sena partikolari, ix-xokk tagħna huwa agħar minħabba l-fatt li l-Brittanja li ħallejna warajna Settembru li għadda mhijiex l-istess Brittanja li rritornajna fiha. Ġejna għall-fażi ta’ wara x-xokk, għal Brittanja tal-Brexit, pajjiż issa iżolat mill-ksenofobija tiegħu stess li ma jibżax jiddandan biha. Il-prospett tal-“ġejjieni tagħna” issa huwa daqsxejn aktar imċajpar, u għall-futur qarib tal-anqas, se jkollna noqogħdu b’dan it-taħwid li ġejna lura fih.

Issa ilni tliet xhur li bdilt Kreuzberg għal Cathays, il-kebabs għaċ-ċips bil-ġobon u l-birra għas-sidru, u kif qiegħda nħossni? Ifhem.. m’għadnix neċċita ruħi meta jkolli munita ta’ ħamsin ċenteżmu u m’għadnix naffaxxina ruħi bis-seba’ naħat tagħha, imma għadni nħoss ċertu emozzjoni ta’ iżolament. Anzi jiena pjuttost ixxurtjata li ħafna minn dawk li kienu miegħi Berlin ġew lura Cardiff miegħi, jiġifieri l-lamenti xurbana tiegħi dwar is-sbuħija tal-aqwa belt Ġermaniża huma apprezzati u dejjem ikolli lil xi ħadd li jifhimni biex naqsam xi aneddotu miegħu.

Nissoponi li dak kulma nistgħu nagħmlu; inħarsu lura u niftakru li jiġri x’jiġri din is-sena, dejjem se jkollna dawk l-esperjenzi u n-nies li ltqajna magħhom. M’iniex qiegħda nissuġġerixxi li dan hu l-uniku mod kif nistgħu nħossuna aħjar. M’iniex terapista u ma nemminx li l-kontemplazzjoni sempliċi se ssolvi l-problemi kollha tagħna. Imma tal-anqas huwa bidu. Huwa mod kif nistgħu noqorbu lejn l-isfera tal-aċċettament.

Imma għalissa, jekk inti tħossok imwaħħal fi stat ta’ ċaħda, rabja, negozjar jew dipressjoni, il-parir tiegħi għalik huwa dan: aqsam l-esperjenzi tiegħek ma’ xi ħadd ieħor din il-ġimgħa, anki jekk dan ifisser li turi lil xi ħadd ritratt tal-aqwa ikla li ħadt meta kont imsiefer, jew ta’ kanzunetta li tfakkrek f’ belt partikolari. Id-darba li jmiss, nixtieq nesplora aktar modi kif nistgħu negħlbu x-xokk kulturali bil-kontra kollettivament u nieħu gost nisma’ l-metodi u l-ideat tagħkom ukoll!

Awtriċi

Elinor Terry (ir-Renju Unit)

Tistudja: il-Ġermaniż u l-Letteratura Ingliża

Lingwi: l-Ingliż, il-Ġermaniż

L-Ewropa hija… supergeil, supergeil!

Illustrazzjonijiet

Luzie Gerb (Ġermanja)

Tistudja: Storja tal-Arti, Fine Arts u l-Istudji Kulturali Kumparattivi

Lingwi: il-Ġermaniż, l-Ingliż, l-Iżvediż, il-Franċiż

L-Ewropa hija… mimlija postijiet maġiċi, nies interessanti u l-istejjer tagħhom.

Websajt: luzie-gerb.jimdo.com

Traduttriċi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: BA fil-Malti u l-Ingliż

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Qarrejja tal-provi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Traduttriċi mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

This post is also available in Català, Deutsch, English, Español, Français, Italiano, Română, [Main Site] and Русский.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

Il-konfigurazzjonijiet tal-cookies fuq dan il-websajt huma ssettjati għal "aċċetta cookies" sabiex ikollok l-aħjar esperjenza possibbli ta' tiftix fuq l-Internet. Jekk tkompli tuża dan il-websajt mingħajr ma tbiddel il-konfigurazzjonijiet tiegħek tal-cookies jew jekk tikklikkja isfel fuq "Aċċetta", allura qed tagħti l-kunsens tiegħek għal dan.

Agħlaq