Id-Demokrazija u l-Imġiba Soċjali

Wara sena mimlija deċiżjonijiet mhux mistennija mill-votanti, in-nofs l-ieħor tad-dinja tal-Punent spiċċa jitħasseb – Dan għala ġara hekk u kif ma stennejna xejn minn dan? Se niddiskutu l-idea tad-demokrazija u tal-imġiba soċjali u nanalizzaw il-problemi inkwetanti tal-politika tal-lum. Is-soluzzjoni x’tista’ tkun?

Minn żmien Greċja tal-qedem, id-demokrazija ħolqot lok fejn in-nies setgħu jgħidu x’jaħsbu, il-fehmiet tagħhom u jibnu s-soċjetà tagħhom skont il-fehmiet u l-isfond tagħhom. Id-demokrazija pprovdiet lill-eluf ta’ nies bl-għodod biex jibnu r-realtajiet politiċi tagħhom, joħolqu l-istati tagħhom u jagħtu poter lil nieshom. Ippermettiet lil miljuni biex jgħixu ħajja aħjar, biex itejbu lilhom infushom u biex jiffurmaw kuntest aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħhom. Id-demokrazija tat lin-nies l-attenzjoni li kien ħaqqhom tassew: irrikonoxxiet li ma hemm l-ebda realtà fundamentali ikbar mill-fatt li n-nies stess huma ħielsa u ugwali u li għalhekk għandhom jiddeċiedu huma t-triq ta’ ħajjithom. Id-demokrazija riċentament evolviet iktar u iktar. Ħolqot lok fejn in-nies jistgħu jipprotestaw, lok fejn in-nies jistgħu juru l-ferħ tagħhom, forum ħieles għal diskussjonijiet ’lil hinn mill-ħajja politika sal-aspetti żgħar immens tal-ħajja umana kif nafuha aħna.

Madanakollu, is-sena 2016 għallmitna li din hija realtà li qed titmermer u li tista’ tinstabat mal-art, u jinkiser f’ħafna biċċiet żgħar il-progress li tant ħadmu u stinkaw l-antenati tagħna biex jirranġawh perfettament. Uriet realtà mnikkta tad-dinja demokratika: in-nies huma, ħafna drabi, bla edukazzjoni, mimlijin mibegħda u jieħdu deċiżjonijiet ħżiena. Din hija l-verità ovvja li hija faċli biex tosservaha u tikkwantifikaha.

Hawn eżempji ta’ din ir-realtà perikoluża kullimkien li wasslu lill-istudjużi biex isejħu din is-sena sena orribbli għall-politika u l-iżvilupp. Il-vot dwar il-Brexit kellu jkun is-sejħa ta’ twissija li kellha tirċievi d-dinja moderna. Kellu jkun avveniment ta’ darba u politikament traġiku li suppost kellu jwassal għall-mument fejn il-klassi politika kellha tirrealizza u tirranġa d-diskors tagħha b’mod aħjar, fejn kellha tipprova teduka lin-nies u fejn finalment, kellha tipprova tevita diżastri soċjoekonomiċi u politiċi. Madanakollu, it-tama ottimistika li l-Brexit kien sempliċiment żball, l-appelli iddisprati għal referendum ieħor u t-tfittxijiet patetiċi fuq Google dwar “X’inhi l-Unjoni Ewropea EŻATTAMENT?” lanqas bdew ħdejn ir-riżultat tal-elezzjonijiet fl-Istati Uniti li ddikkjaraw lil Donald Trump bħala l-president elett il-ġdid.

Huwa importanti li wieħed jifhem li dawn iż-żewġ avvenimenti ma huma bl-ebda mod l-iktar prestazzjoni redikola għar-raġuni għaliex falliet id-demokrazija: huma biss iż-żewġ avvenimenti li ngħataw l-iktar rappurtaġġ mill-midja. Sfortunatament, hemm ħafna aktar eżempji ta’ fallimenti simili f’termini ta’ progress, id-drittijiet umani, l-iżvilupp, ir-retorika moderata u l-affarijiet kollha l-oħra li għandhom jitniżżlu fil-lista twila ta’ x’suppost s’issa kellha tiggarantixxi biċ-ċert id-dinja ċivilizzata. M’hemm l-ebda sens għaliex għandi noqgħod nelenka lista twila u depressanti ta’ elezzjonijiet ħżiena u offiżi xokkanti kontra d-drittijiet umani, imma t-tama tiegħi hi li din is-sentenza li ġejja tiġborha b’mod suffiċjenti: fis-seklu 21 għadna qed niddiskutu l-abort. Daqshekk hija gravi s-sitwazzjoni.

Issa li nafu li qed tiġri xi ħaġa li hi assolutament ħażina, il-pass naturali li jmiss hu li nippruvaw insolvuha. Iżda jien naħseb li sfortunatament, m’aħniex daqshekk ċerti x’inhi l-problema eżatt. L-aspetti li semmejt hawn fuq huma effetti aktar minn kollox, ta’ problema b’għeruq profondi li hija diffiċli ħafna biex tidentifika u ħafna iktar iebsa biex tissolva. Imma hemm lok minn fejn nistgħu nibdew, u dan hu li nistaqsu lilna nfusna biex nanalizzaw id-dinamika soċjali.

L-ewwel ħaġa, ejja nitkellmu dwar id-deċiżjonijiet politiċi “ħżiena”. Ħafna drabi, in-nies isostnu li ma jeżistix vot ħażin. Madanakollu, għandna nifhmu li jeżisti vot mhux infurmat, u ħafna drabi, dan allura joħloq vot ħażin. Hemm ħafna tipi ta’ voti ħżiena: voti mitfugħa għal partiti estremi, voti li fihom infushom huma diskriminatorji, u probabbilment l-agħar fosthom, voti li jmorru kontra l-aħjar interessi tal-votanti stess. Faċli tikklassifika dawn il-voti taħt l-umbrella ta’ voti “mhux edukati”, u filwaqt li dan jista’ jkun minnu fil-maġġoranza tal-każijiet, il-kwistjoni ewlenija li għandha bżonn tiġi indirizzata hija dwar il-prevenzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ voti. Xi soluzzjonijiet possibbli jinkludu, imma mhumiex limitati għal, edukazzjoni politika minn età żgħira, testijiet dwar l-orjentazzjoni politika u anke konsulenti politiċi bl-għan li jiggwidaw lin-nies b’mod imparzjali lejn il-parti tal-ispettru li l-aktar jgħodd għalihom.

Fir-rigward tal-klassi politika, hemm bosta affarijiet li għandhom isiru biex il-pjattaforma tagħhom tkun iktar ċara: jistgħu jispjegaw l-aġenda tagħhom, jistgħu jkollhom xejriet u miżuri koerenti, jistgħu jinfurmaw lill-popolazzjoni b’dibattiti gwidati, eċċetra. Minbarra dan, idea oħra tista’ tkun li tiġi żviluppata sistema bbażata fuq l-istat u politikament indipendenti li telenka l-fatti kif inhuma dwar kandidat politiku. Is-sistema tista’ taħdem bħala applikazzjoni li tiġbor l-informazzjoni u li tista’ tinkorpora informazzjoni bħall-edukazzjoni tal-kandidat, id-dikjarazzjoni tal-ġid tiegħu, wegħdiet politiċi jew proċessi legali li qiegħda involuta fihom il-persuna. B’hekk din is-sistema tipprevjeni l-elezzjoni mill-ġdid ta’ politikanti li eżerċitaw il-funzjoni tagħhom b’mod irresponsabbli u tikkontribwixxi għal sistema ta’ deterrent li żżomm lill-politikanti milli jkomplu jmexxu b’mod ħażin.

It-tieni nett, huwa importanti wkoll li tiġi analizzata l-kwistjoni ta’ dinamika soċjali mill-perspettivi tal-voti radikali. In-nies qed iduru empirikament lejn il-partiti tal-lemin estrem fejn tidħol il-kwistjoni tal-kriżi tal-migrazzjoni li laqtet lill-Ewropa. Madanakollu, ħaġa kurjuża hi li meta wieħed josserva l-istħarriġ ta’ qabel l-elezzjoni f’ħafna pajjiżi b’governanza politika tal-lemin estrem, wieħed jista’ jara li xi drabi l-kandidat rebbieħ mhuwiex il-kandidat li rebaħ fl-istħarriġ. Dan iwassal allura għall-mistoqsija: fejn qegħdin nieħdu żball? Bilfors li hemm xi inkoerenza li qed twassal għal dawn it-tip ta’ xenarji “mhux mistennija”.

L-ewwel tweġiba li tiġini f’rasi hi l-effett tal-kamra tidwi. Dan ifisser li ħafna drabi, speċjalment fin-netwerks soċjali, in-nies idawru lilhom infushom b’nies oħra li jikkonfermaw il-preġudizzji tagħhom u li għalhekk joħolqu effett ta’ segregazzjoni li jwaqqafhom milli jiskopru opinjonijiet u ideat differenti. Biex nispjegaha b’mod iktar issimplifikat, dan ifisser li nies soċjalment progressivi m’għandhomx idea ċara dwar l-ammont ta’ nies li huma staġnati mill-perspettiva soċjali, jew in-nies politikament awtoritarji li ħafna drabi ma jiltaqgħux ma’ nies b’xejriet politikament liberali kbar. Dan hu problematiku partikolarment f’żewġ aspetti: jipprevjeni lin-nies milli jkollhom djalogi ta’ użu li jistgħu jbiddlu jew jimmodifikaw il-fehmiet tagħhom u joħolqu impressjoni falza dwar x’se jirriżulta l-vot tal-maġġoranza.

It-tieni tweġiba li nista’ naħseb fiha fir-rigward ta’ stħarriġ li ma sarx sew hija ħafna iktar interessanti. Fuq bażi ta’ osservazzjoni empirika, wieħed jista’ jara li hemm grad ta’ elitiżmu dejjem ikbar meta jitmexxew u jsiru d-dibattiti politiċi. Filwaqt li huwa veru li xi affarijiet lanqas biss m’għandhom jiġu soġġetti għallmistoqsija (id-drittijiet umani għal darba oħra jerġgħu jaqgħu taħt dan il-kriterju), xi jsir fir-realtà jagħti prova li għad hemm bżonn ta’ persważjoni u diskussjoni minn dan il-lat. Meta wieħed janalizza d-dibattiti bejn Clinton u Trump pereżempju, filwaqt li l-maġġoranza tista’ taqbel fuq il-fatt li Trump kien qed jgħid affarijiet li kienu totalment assurdi, Hillary, min-naħa l-oħra, lanqas ma kienet qed tagħmel xogħol tajjeb fir-risposti u l-argumenti tagħha għal dak li kien qed jgħid. Għalhekk, ħafna mill-votanti baqgħu inċerti u finalment, kellhom jiddeċiedu waħedhom dwar lil min setgħu jemmnu. Fl-assenza ta’ spjegazzjonijiet ta’ bażi soda minn kull waħda miż-żewġ naħat, huma bażikament għażlu l-persuna li kienet qed tispjega affarijiet assurdi b’mod sempliċi u b’mod li jinftiehem għall-persuna b’edukazzjoni (inqas mill-) medja. M’iniex qed ngħid li hemm xi raġunijiet il-għala għandek qatt tivvota favur ħajt biex twaqqaf l-immigrazzjoni, imma s-suppożizzjoni tiegħi hi li għad hemm bżonn ta’ spjegazzjonijiet iktar ċari minn min qiegħed f’pożizzjoni li jgħallem il-morali sabiex jikkonvinċu lin-nies u forsi jkissru l-kmamar jidwu tagħhom li ssemmew qabel fejn hemm każ ta’ votanti inċerti.

Fl-aħħar nett, bħala konklużjoni, inżid nota personali li tweġġagħli qalbi. Irrealizzajt dan l-aħħar kemm hawn affarijiet li ma nagħtux kas tagħhom. Bħala studenta tar-relazzjonijiet internazzjonali, awtomatikament nassumi li n-nies jifhmu x’irrid ngħid meta nsemmi l-opinjoni kosmopolitana dwar il-politika li nidentifika ruħi magħha u li għal dan inħossni kburija. Imma l-parti l-kbira tan-nies ma jafux fuq xiex qed nitkellem. U minflok ma noqogħdu nagħtuhom tort, ilkoll kemm aħna rridu nirrealizzaw li l-elitiżmu għadu bużżieqa li għandha bżonn tinfaqa’. Li minflok ma naqbdu u nikklassifikaw lin-nies b’mod aħrax bħala nies mhux infurmati, għandna nieħdu l-ħin biex ninfurmawhom. Il-punt kollu mhuwiex biex in-nies joqogħdu jiftaħru dwar kemm jafu. Id-demokrazija qatt m’għandha tkun dwar min fil-kamra huwa l-iktar intelliġenti. Minflok, għandha tkun fuq kif nistgħu noħolqu l-iktar kmamar intelliġenti possibbli. Għandna bżonn noħolqu kmamar fejn in-nies jistgħu jitkellmu u jitgħallmu, kmamar li ma jimmarġinalizzawx imma li għandhom l-għan li jedukaw. Huwa hekk biss li nistgħu nakkwistaw deċiżjoni politika verament ta’ valur, irrispettivament minn fejn tinstab fuq il-boxxla tagħna.

[crp]

Awtriċi

Ioana Cristina Cristocea (Rumanija)

Studies: Relazzjonijiet Internazzjonali u Studji Ewropej

Speaks: Rumen, Ingliż, Franċiż u ftit Taljan.

Europe is a culture in the making.

Traduttriċi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Qarrejja tal-provi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: BA fil-Malti u l-Ingliż

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

This post is also available in Bosanski - Hrvatski - Srpski, Català, Deutsch, English, Español, Français, Italiano and [Main Site].

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

Il-konfigurazzjonijiet tal-cookies fuq dan il-websajt huma ssettjati għal "aċċetta cookies" sabiex ikollok l-aħjar esperjenza possibbli ta' tiftix fuq l-Internet. Jekk tkompli tuża dan il-websajt mingħajr ma tbiddel il-konfigurazzjonijiet tiegħek tal-cookies jew jekk tikklikkja isfel fuq "Aċċetta", allura qed tagħti l-kunsens tiegħek għal dan.

Agħlaq