Tisjir man-nanna (l-Italja): Għaġin Karbonara

Illum fis-sensiela “Tisjir man-nanna”, se nurikom kif tagħmlu l-famuża riċetta Taljana tal-għaġin biz-zalza karbonara, imwielda f’Lazjo, ir-reġjun ta’ Ruma.

It-Taljani għandhom għal qalbhom it-tisjir tradizzjonali tagħhom, allura ma jistgħux iniżżlu l-ibridi tal-kċina Taljana li jsibu f’pajjiżi oħra. Peress li m’iniex minn Ruma, nibża’ illi anke jiena se niġi mhedda mir-Rumani, speċjalment għax ir-riċetta tiegħi tinkludi xi varjazzjonijiet. Għalhekk, irrid nagħmilha ċara li din hi r-riċetta ta’ nannti, u li nafdaha kompletament.

Qabel ma nibdew, daqsxejn parir: għandek tuża għaġin twil għal dir-riċetta, bħall-ispagetti jew il-linguine, għax fl-Italja għandna ħafna tipi ta’ għaġin u mhux kull tip imur tajjeb ma’ kull zalza.

abc

L-ingredjenti. Jafu jidhru anqas milli stennejt, imma dak għaliex kienu għalija u għal nannti biss. © Laura Barberis

Issa, ir-riċetta.

Ingredjenti:
– 350g spagetti
– 3 bajdiet *
– 150g bejken imqatta’ kwadru (ir-riċetta oriġinali teħtieġ “guanciale”, imma peress li dan hu aktar diffiċli biex issib, tista’ tuża l-bejken minfloku)
– 30g ġobon parmiġġjan maħkuk (hawn, ukoll, hawn varjazzjoni: għandek tuża “pecorino romano”, imma l-parmiġġjan tajjeb ukoll)
– 1 jew 2 mgħaref żejt taż-żebbuġa
– 1 sinna tewm
– melħ u bżar

*Jekk għandek bżonn tibdel l-ammonti, nannti tissuġġerixxi li tuża bajd daqskemm se sservi persuni, nieqes wieħed (jiġifieri jekk se jieklu 6, tuża 5 bajdiet; jekk hemm 3 persuni, tuża 2 bajdiet, eċċ.)

 

Preparazzjoni:

L-ewwelnett, imla borma kbira ftit iktar min-nofs bl-ilma, żid ponn melħ tat-tisjir.

Waqt li l-ilma qiegħed jagħli, ferra’ ż-żejt fit-taġen mas-sinna tewm u ħalliha sakemm tiġi kannella (mingħajr ma taħraqha), biex iż-żejt ikollu naqra aktar togħma; imbagħad, żid il-bejken imqatta’ u ħallih jiġi kannella sakemm ix-xaħam ma jibqax jibjad, imbagħad itfih u ħallih joqgħod.

cooking-italy-2-3

© Laura Barberis

Poġġi l-bajd fi skutella kbira u ħabbtu għal żewġ minuti, imbagħad żid il-parmiġġjan, il-melħ u l-bżar, u ħawwadhom flimkien sakemm jiġi jidher qisu krema.

 

cooking-italy-5-6-7-new

© Laura Barberis

 

Meta l-ilma jkun qiegħed jagħli, żid l-ispagetti mingħajr ma taqsmu min-nofs (meta taqsam l-ispagetti, tkun qed taqsam qalb Taljan) u ħawdu b’furketta tal-injam biex tgħoddsu fl-ilma, jirtab u jkun eħfef biex tħawdu.

cooking-italy-8

© Laura Barberis

Normalment ikun hemm miktub kemm għandu jdum biex isir fuq il-kaxxa, imma spagetti s-soltu jdum madwar għaxar minuti, imma insomma, għandu jidher hekk meta jkun lest:

cooking-italy-9-10

© Laura Barberis

Saffi l-għaġin u poġġih fl-iskutella mat-taħlita tal-bajd u l-parmiġġjan, imbagħad żid il-bejken (neħħi t-tewma qabel) u ħawwad: is-sħana mill-għaġin se ssajjar lill-bajda biżżejjed li din tiġi qisha krema mingħajr ma tkun nejja!

cooking-italy-11

Lest! © Laura Barberis

Aqilbu mill-ewwel, u tinsiex tpoġġi skutella bil-parmiġġjan maħkuk fuq il-mejda tal-ikel ukoll, għax xi nies, bħalma jagħmlu t-Taljani, ikunu jridu jżiduh mal-karbonara.

Kulu minn qalbek u “buon appetito!”

[crp]

Author

Laura Barberis (Italja)

Tistudja: Tijoriji u Tekniki tal-Medjazzjoni Interlingwistika

Lingwi: Taljan, Ingliż, Spanjol, Franċiż

Traduttriċi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: BA fil-Malti u l-Ingliż

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Qarrejja tal-provi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php