Hekk tiġi ċċelebrata s-sena l-ġdida madwar l-Ewropa

Għaddew sebat ijiem minn meta spiċċa l-Milied u bil-mod il-mod qed tintemm il-maġija ta’ żmien il-festi. Imma tibża’ xejn, għad fadal ċans biex tagħmel festa kbira tal-aħħar, qabel ma żżarma s-siġra tal-Milied u terħilha lura għax-xogħol. Qed nirreferu ovvjament, għall-festa ta’ Lejlet is-Sena l-Ġdida! Imma pajjiżi differenti kif jiċċelebrawha s-sena l-ġdida? U għaliex il-marelli għandek bżonn skutella mimlija għeneb, borma soppa tal-basal u ammont redikolu ta’ logħob tan-nar?

Ignacio, Spanja
Għandna tradizzjoni fi Spanja li tant għandha għeruq sodi li tista’ tissejjaħ regola aktar milli tradizzjoni: l-għeneb. Trid tiekol 12-il għenba mal-ewwel 12-il tokk tal-bidu tas-sena l-ġdida. Għenba kull tokk. Wara l-aħħar tokk kulħadd jawgura lil kulħadd għas-sena l-ġdida b’bews u tgħanniq. Kważi kull Spanjol u Spanjola jsegwu din it-tradizzjoni, ikunu ma’ min ikunu u jkunu fejn ikunu. Wieħed jista’ jsegwi t-tokki fuq kull stazzjon tat-televiżjoni. Din it-tradizzjoni tifforma l-pjan tipiku Spanjol għas-Sena l-Ġdida: l-ewwel tiġi l-ikla mal-familja jew mal-ħbieb, wara l-għeneb, u l-aħħar ħaġa, il-festini, li s-soltu jintemmu biċ-churros u ċ-ċikkulata (tradizzjoni oħra!). Minkejja li t-tradizzjoni tal-għeneb hija l-iktar waħda predominanti, hemm ukoll tradizzjonijiet oħrajn, bħalma huma l-logħob tan-nar fil-lejl tal-31 ta’ Diċembru (speċjalment fin-Nofsinhar ta’ Spanja), jew li, dak il-lejl tilbes ħwejjeġ ta’ taħt ħomor biex tibda s-sena l-ġdida b’xorti tajba.

Jibdew jieklu l-għeneb ftit wara 1:00:

Anniina, Finlandja
Fil-Finlandja n-nies iħobbu jqattgħu lejlet is-Sena l-Ġdida jew mal-familja, jew jiltaqgħu mal-ħbieb. Hija ħaġa komuni ħafna li tixrob l-alkoħol waqt il-festini tal-Bidu tas-Sena, speċjalment ix-xampanja. U fejn jidħol l-ikel, iz-zalzett huwa għażla popolari peress li huwa xi ħaġa differenti minn dak li s-soltu jieklu n-nies fil-Milied. Bħal ċelebrazzjonijiet Finlandiżi oħra, in-nies is-soltu immorru s-sawna filgħaxija u wara joħorġu barra biex jaraw il-logħob tan-nar. Kull sena l-president jagħmel diskors li n-nies jew jmorru jarawh live, jew jarawh fuq it-televiżjoni. Hemm min imur jara kunċert jew reċta. Ħafna jagħmlu wegħda għas-sena l-ġdida għax ikunu jixtiequ li jagħmlu xi ħaġa tajba ħafna fis-sena li ġejja jew għax ikunu jixtiequ bidla f’ħajjithom.

Bleigießen © Anja Meunier

Anja, Ġermanja
Huwa komuni ħafna f’Lejlet is-Sena l-Ġdida, li fil-Ġermanja nsejħulha Silvester, li jsir festin kbir b’ħafna ikel u alkoħol fid-dar ta’ xi ħadd. Xi drabi nagħmlu l-Feuerzangenbowle li huwa nbid aħmar sħun imħallat b’bosta ħwawar (u ġieli bil-meraq). Kejk ħelu mxarrab bir-rum jiddaħħal ġo tongs jew jitqiegħed grill fuqu u jagħtuh in-nar biex iz-zokkor idub għal ġol-inbid. Ħaġa komuni oħra li nagħmlu hija l-Bleigießen, fejn indewbu figuri żgħar taċ-ċomb fuq fjamma u mbagħad inferrgħuhom f’ilma kiesaħ. Il-forom li jiffurmaw iridu jiġu interpretati biex titbassar ix-xorti ta’ dak li jkun għas-sena d-dieħla. Tradizzjoni oħra hija li naraw “Dinner for One”, film qasir Brittaniku dwar għeluq snin ta’ mara xiħa (li m’għandu x’jaqsam xejn mas-Sena l-Ġdida). F’ nofsillejl, kulħadd joħroġ barra u jaħarqu l-logħob tan-nar u t-trikki trakki. Jekk għandek xi xewqa għas-sena l-ġdida, tista’ tiktibha fuq l-istoċċ tal-murtal qabel ma taħarqu u forsi ssir realtà.

Ara Dinner for One (b’daħla bil-Ġermaniż. Il-film bl-Ingliż jibda f’2:25):

Danielle, Franza
Fi Franza, in-nies għandhom tendenza li jqattgħu lejlet is-Sena l-Ġdida mal-ħbieb u jibqgħu mqajmin il-lejl kollu, filwaqt li nqattgħu lejlet il-Milied mal-membri tal-familja biss u nagħtu r-rigali filgħaxija jew l-għada filgħodu. Għall-festin ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena, in-nies jilbsu l-aħjar ilbiesi tagħhom u jmorru jieklu ġo ristorant jew fid-dar ta’ xi ħadd u jieklu, jixorbu u jiżfnu l-lejl kollu sa sbieħ il-jum. Issir countdown f’nofsillejl u kulħadd ibus lill-persuna li togħġobha l-iktar u jixrob tazza xampanja. Meta jisbaħ, is-soltu nieħdu skutella soppa tal-basal u mbagħad insellmu lil xulxin u nerħulha lejn id-dar. It-tfal is-soltu jqattgħu l-lejl man-nanniet jew jieħu ħsiebhom babysitter imħallas tajjeb ħafna! In-nies jaħarqu l-logħob tan-nar fil-ġonna tagħhom jew fit-toroq tagħhom jew idoqqu l-ħornijiet tal-karozzi jekk ikunu qed isuqu f’nofsillejl.

Elinor, Ir-Renju Unit
Meta mqabblin mat-tradizzjonijiet tal-Ġermanja u ta’ Spanja, it-tradizzjonijiet Brittaniċi ma tantx għandhom x’joffru. Iva, nagħmlu festini u iva, nagħmlu countdown għas-Sena l-Ġdida waqt li, f’dak il-mument kemxejn imbarazzanti, noqogħdu bilwieqfa ħdejn il-persuna li nixtiequ nbusu u nittamaw li tixtieq tbusna lura hi wkoll. Imma, apparti dawk it-tradizzjonijiet pjuttost ġeneriċi, għandna għażla pjuttost ħielsa dwar x’niddeċiedu li nagħmlu dik il-lejla. Xi wħud minna jagħżlu li jqattgħu l-lejl jaraw Jools’ Annual Hootenanny, spettaklu mużikali mxandar live, li jibda fil-ħdax fuq BBC Two u li jipprovdi l-mużika għas-Sena l-Ġdida. L-aħjar biċċa ta’ dan l-ispettaklu hija t-tbissim falz fuq l-uċuħ tan-nies famużi li jkunu qed jgħidu l-countdown, peress li kulħadd jaf li l-programm ġie ffilmjat f’Awwissu. Min-naħa l-oħra, fuq BBC One, nistgħu naraw il-logħob tan-nar f’Londra li jsiru f’nofsillejl. Hawnhekk, ikun hemm miljuni ta’ nies ħdejn it-Thames ikantaw il-“Auld Lang Syne” u jippretendu li jafu l-kliem. Fil-verità, fejn għandhom x’jaqsmu tradizzjonijiet, il-“Auld Lang Syne” probabbli hija l-iktar tradizzjoni prominenti tagħna; hija poeżija miktuba minn Robert Burns fl-1788 li għandna ħabta nippruvaw inkantawha f’nofsillejl sabiex insellmu tal-aħħar lis-sena l-qadima. Fl-Iskozja, fejn l-affarijiet jagħmluhom kemxejn differenti, is-soltu kulħadd iżomm id il-persuna ta’ ħdejhom filwaqt li jkantaw u b’hekk jiffurmaw ċirku kbir madwar il-palk taż-żfin.

Il-logħob tan-nar f’Londra fl-2016 fuq BBC One:

Laura, Italy
In Italy, we usually celebrate New Year’s Eve by having the Cenone, which literally means “big dinner”: in fact, we usually have a huge dinner with many courses (the rule is to wait for midnight at the dining table, so the dinner should be veeeery long); the most traditional dish is cotechino, a charcuterie product similar to salami but has to be cooked, usually served with lentils, which are believed to bring good luck because of their coin-like shape. Italians too believe that wearing red lingerie will bring love and luck, but our strangest tradition was (fortunately it almost never happens anymore) to throw old stuff out of the window to celebrate the “new year, new life” philosophy. On the 1st of January people usually sleep and rest because of the hangover from the night before.

[crp]

Traduttriċi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

Qarrejja tal-provi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: BA fil-Malti u l-Ingliż

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

This post is also available in Català, Deutsch, English, Español, Français, Italiano and [Main Site].

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

Il-konfigurazzjonijiet tal-cookies fuq dan il-websajt huma ssettjati għal "aċċetta cookies" sabiex ikollok l-aħjar esperjenza possibbli ta' tiftix fuq l-Internet. Jekk tkompli tuża dan il-websajt mingħajr ma tbiddel il-konfigurazzjonijiet tiegħek tal-cookies jew jekk tikklikkja isfel fuq "Aċċetta", allura qed tagħti l-kunsens tiegħek għal dan.

Agħlaq