F’dan l-episodju mis-sensiela “Tisjir man-Nanna” se nurukom kif issajru il-platt popolari tal-froġa bil-patata, magħrufa wkoll bħala l-froġa Spanjola.
Spanja hija magħrufa madwar id-dinja għall-kċina tagħha. Ħafna mill-platti Spanjoli huma parti mid-dieta Mediterranja u ġew influwenzati storikament mill-post ġeografikament strateġiku tal-pajjiż fil-mappa. Grazzi għan-nanniet, illum il-ġurnata nistgħu ngawdu dawn ir-riċetti tradizzjonali b’tekniċi kulinari mill-passat, bħal fil-każ tal-froġa bil-patata.
L-ewwel u qabel kollox, x’ingredjenti għandna bżonn? Skont in-Nanna, froġa għal erba’ nies bil-ġuħ tirrikjedi 8 bajdiet, 6 patatiet, basla kbira, żejt u melħ. Tista’ żżid jew tneħħi xi ingredjenti, imma bħala bażi dejjem għandu jkollha l-bajd u l-patata, hekk kif muri hawn taħt:

L-ingredjenti tal-froġa bil-patata
1. Qaxxar il-patata u l-basla, qattagħhom biċċa biċċa u żid ftit melħ. Din hija l-aktar biċċa tedjanti mill-proċess, kuraġġ!

Id-daqs tal-patata mqattgħa
2. Aqli kollox fiż-żejt taż-żebbuġa u poġġi kollox ġo passatur biex tneħħi x-xaħam żejjed.

Uża ammont konsiderevoli ta’ żejt taż-żebbuġa
3. Ħabbat il-bajd u poġġihom ġo taġen biż-żejt taż-żebbuġa jbaqbaq flimkien mal-patata u l-basla u ħallih isir ftit. Il-ħxuna tal-froġa tiġi determinata mid-daqs tat-taġen; idealment għandek tuża taġen b’daqs bħal dan tar-ritratt:

Ħjiel: uża taġen tal-qali li ma jweħħilx.
4. Issa għall-aktar parti stressanti mill-preparazzjoni: il-qlib tal-froġa! In-nanna tirrakkommanda li dan nagħmluh permezz tal-għatu tat-taġen jekk m’għandniex ‘tortillera’.

Kont taf li fi Spanja teżisti din l-għodda tat-tisjir, imsejħa ‘tortillera’? Hija utli kemm biex taqleb il-frejjeġ, kif ukoll biex isservihom.
5. Se jkollok tirrepeti dan il-proċess xi darbtejn sakemm il-froġa ssir sew minn ġewwa. Imbagħad fl-aħħar tkun tista’ sserviha fi platt: il-froġa bil-patata hi lesta, l-ikla t-tajba!

Froġa bil-patata

L-ikla t-tajba!
[crp]
L-Aħħar Kummenti