L-24 ta’ Ġunju, il-jum meta tħabbar ir-riżultat tar-referendum tal-Brittanja dwar il-ħruġ mill-UE, ilu ftit ġimgħat li għadda issa. L-ewwel emozzjonijiet ta’ sorpriża u stgħaġib li esperjenzaw ir-Renju Unit, l-Ewropa u d-dinja dakinhar battew u issa, il-pajjiż huwa wieħed differenti minn kif kien qabel.
X’inbidel u x’se jġib miegħu l-futur?
L-għadd ta’ offiżi razzisti u ksenofobiċi fir-Renju Unit żdied mill-ewwel jiem ta’ wara r-referendum. Familji Pollakki sabu kartolini fil-kaxxa tal-ittri tagħhom bi kliem bħal “Oħorġu mill-UE, ma rridux iktar ħmieġ Pollakk”. Fit-toroq, in-nies ġew abbużati verbalment u qalulhom biex jiġbru ħwejjiġhom u jfittxu jitilqu.
Anna oriġinarjament hija mill-Polonja u tgħix l-Ingilterra ma’ żewġha Brittaniku u mat-tifel tagħhom. L-għada tar-referendum, kollega tagħha tax-xogħol taha l-parir biex toħroġ mill-kamra wara li qaltlu li kienet ivvutat biex ir-Renju Unit jibqa’ fl-UE. “Nies li kont ilni nafhom is-snin għannquni u assigurawni li l-vot tagħhom biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE ma kienx wieħed li għandi nieħu fuq nota personali, imma ma stajtx nifhem kif qatt ma kont indunajt b’dak l-aspett fihom. Biex inkun onesta, it-tama li kelli fl-umanità nqalbet ta’ taħt fuq. Sa dakinhar filgħodu, għal dawn l-aħħar 15-il sena, kont insejt li kelli aċċent.”
Sadattant, Anna u żewġha bdew jikkunsidraw biex immorru jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE. M’għadhomx iħossuhom komdi li jgħixu fir-Renju Unit. “Sar post wisq griż u ta’ dwejjaq biex nibqgħu hawn.” Jew jerġgħu jitilqu lura l-Polonja, jew imorru l-Italja. “Jien immexxi skola tal-mużika li sejra tajjeb ħafna. Qed inħaddmu sitt impjegati oħra u għandna madwar 200 student u studenta. Żewġi jikkomponi l-mużika għall-midja”. Anna lesta li ċċedi dan kollu biex terġa’ tibda mill-bidu nett f’pajjiż ġdid. “L-ewwel ħaġa li għamilt nhar il-Ġimgħa filgħodu wara r-referendum kien li applikajt għal passaport Pollakk għat-tifel. Qatt ma ħsibt li kien se jkolli nagħmel hekk”.
Jenni wkoll tinsab inkwetata dwar iż-żieda fil-ksenofobija fir-Renju Unit. Hija Brittanika imma ilha tgħix il-Ġermanja għal dawn l-aħħar 15-il sena. It-tifel tagħha twieled hemm u għandu diżabilità. Wara li tħabbar ir-riżultat tar-referendum ħassitha ingannata. “Ħassejt li pajjiżi kien laqqamni bħala ‘immigranta maħmuġa’ meta kienu qed jitolbu għal waqfa fl-immigrazzjoni.” Issa qed teskludi li tmur lura tgħix fir-Renju Unit. “Meta qrajt dwar ir-razziżmu li hemm, bdejt nistaqsi bejni u bejn ruħi, meta kienet se tibda d-diskriminazzjoni lejn nies b’diżabilità.” Biex tkun ċerta li se tkun tista’ tgħix u taħdem fil-Ġermanja fil-futur, hi issa qed tapplika għal ċittadinanza Ġermaniża għaliha nfisha u għal binha. “S’issa l-Ġermaniżi kollha kienu akkoljenti ħafna”.
Josie hija studenta tax-Xjenza Ewropea u Politika f’Londra. Hi wkoll taħseb li pajjiżha qaleb għall-agħar wara r-referendum. “Inħoss li hemm grupp kbir ta’ nies li vvutaw biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE għal raġunijiet razzisti, u li huma jaħsbu li l-vot tagħhom biex noħorġu lleġitima, b’xi mod, l-opinjoni razzista tagħhom. Il-fatt li hemm ħafna li jaħsbuha hekk huwa inkwetanti ħafna. Ovvjament, kien hemm problemi qabel ir-referendum, imma din il-mentalità ta’ ‘little England’ qisha saret tissemma ħafna iktar minn mindu tħabbar ir-riżultat.”
L-għarus ta’ Josie huwa Pollakk u jgħix f’Varsavja. Wara li tiggradwa, Josie tixtieq tmur tgħix barra, fl-Ewropa stess. Dan jista’ jkun inqas faċli fil-futur. “Minkejja li għadu ma nbidel xejn konkret s’issa, inħoss li qed ikolli nerġa’ nikkunsidra ħafna mill-pjanijiet li għamilt għal ħajti li qatt ma kelli għalfejn noqgħod naħseb fuqhom qabel.” Pereżempju, għandi nakkwista xi ħila ‘utli’ issa biex jaċċettani pajjiż ieħor?”
Gallery: “March for Europe” on 3 September 2016 in London
Jekk jingħatax jew le l-moviment ħieles fl-Ewropa fil-futur hija xi ħaġa li qed tinkwieta lil Katie ukoll. Hija Brittanika u tgħix fl-Arġentina mal-għarus tagħha Arġentinjan. Bħalissa qed jistennew l-ewwel tarbija tagħhom. Katie tgħid li tixtieq li t-tarbija tagħha tkun tista’ tgawdi mill-istess opportunitajiet u libertajiet li hi stess gawdiet minnhom, bħall-opportunitajiet u l-libertajiet biex tgħix, tivvjaġġa u taħdem f’pajjiżi oħra tal-UE. “Ħajti kollha kont Ewropea. U issa dan l-aspett itteħidli. It-tarbija tiegħi issa qatt mhi se tkun taf xi tfisser li tkun Ewropea”, tgħid Katie. “Meta qomt dakinhar filgħodu, il-Ġimgħa, u rajt li, bħala pajjiż, iddeċidejna li noħorġu mill-UE, bkejt. Litteralment infqajt nibki għax stajt nara li t-tarbija tiegħi li għadha mhix imwielda, ittieħdulha l-opportunitajiet kollha.”
Għalissa, il-pjanijiet għall-futur tal-familja żagħżugħa tpoġġew fuq l-ixkaffa. Katie u l-għarus tagħha jixtiequ jakkwistaw ‘Certificado de Convivencia’ ġo l-Arġentina, sħubija reġistrata għal dawk li jgħixu flimkien, li l-ekwivalenti tagħha ma teżistix fir-Renju Unit, imma teżisti f’pajjiżi bħal Spanja u l-Olanda. “B’dan iċ-ċertifikat għandu d-dritt għal residenza f’pajjiż Ewropew, miegħi, is-sieħba Ewropea tiegħu. Imma issa li se noħorġu mill-Unjoni Ewropea, m’għandniex dik l-opportunità.” Ir-Renju Unit għandu liġijiet iktar stretti għaċ-ċittadini barra mill-UE milli għandhom stati membri oħra, imma jekk tagħmel perjodu itwal fi stat membru ieħor tal-UE, ma tibqax tkun problema jekk tmur tgħix fir-Renju Unit. “Allura issa, essenzjalment, l-uniku mod kif nistgħu nkunu flimkien bħala familja hu li niżżewwġu, u ż-żwieġ huwa xi ħaġa li la hu u lanqas jien ma nemmnu fih.”
Ir-riżultat tar-Renju Unit se jibqa’ każ iżolat jew se jsiru iktar referenda biex joħorġu iktar pajjiżi mill-UE? Dan probabbli jiddependi minn jekk il-Brittaniċi humiex se jirnexxielhom ibiddlu s-sitwazzjoni l-ġdida tagħhom għall-vantaġġ tagħhom. “Theresa May tidher li hi persuna prammatika ħafna, allura naħseb u nispera li hi tiffoka li żżomm il-kummerċ ħieles fiż-ŻEE, xi ħaġa li jkollha tiġi mal-moviment ħieles”, tgħid Josie. Imma għadha ma tafx kif taħsibha sewwasew fuq David Davies. “Ma tantx naf dwaru imma diġà jidher li qed jagħmel dawn il-pretensjonijiet kunfidenti, bħalma kien qed jagħmel Boris Johnson, dwar kif se nkunu nistgħu nġibu dak kollu li rridu. Imma lanqas għal sekonda ma nemmen li huwa veru, għall-inqas, mhux mingħajr ma jsir kompromess.”
Jenni tenfasizza dwar kemm l-UE hija importanti għall-paċi fl-Ewropa u tħeġġiġna biex nagħtu kas tal-istorja. “Qisu hawn tendenza qawwija fejn il-gruppi tal-lemin estrem qed iżidu fl-appoġġ u jakkwistaw vuċi iktar b’saħħitha. Għandna nerġgħu nagħtu ħarsa lejn kif kienet l-Ewropa fit-tletinijiet u wara, u għandna nitgħallmu mill-iżbalji li saru. Għandha tinstema’ l-vuċi tar-raġuni u għandhom jirbħu l-fatti, u mhux il-biża’.”
Skont Katie, dawk li jixtiequ jtejbu l-UE għandhom jagħmlu dan minn ġewwa. “Għall-inqas, jekk tibqa’ fl-Unjoni Ewropea tista’ tgħid, ‘Ara, ma togħġobniex minħabba f’hekk, hekk u hekk, u nixtiequ li dan jinbidel’, aktar milli kemm naħslu idejna mill-UE u ngħidu, ‘Daqshekk, xbajt, se nitlaq’. Naħseb li dik kienet deċiżjoni immatura immens min-naħa tal-pubbliku Brittaniku.”
Jekk isir il-każ għal iktar plebixxiti, Katie tirrakkomanda li n-nies verament joħorġu biex jivvutaw. “Tkunx apatetiku. Toqgħodx taħseb, ‘Uu, il-vot tiegħi x’jiswa?’ Toqgħodx taħseb li qatt m’huma se jirbħu n-nazzjonalisti. L-uniku mod kif tista’ tiddefendi d-dritt tiegħek li tibqa’ parti mill-Unjoni Ewropea huwa li tmur u tara li tivvota.”
L-Aħħar Kummenti