Nesperjenza d-dinja bir-roti.

Festi, kunċerti u ħafna vvjaġġar. Żgur għamilthom mitt darba dawn l-affarijiet. Però mbagħad xi ħadd jiġi jgħidlek “Ħsibtek ma kontx interessata f’dawn it-tipi t’affarijiet!” Tistagħġeb? Din hija s-sitwazzjoni li jkollha tiffaċċja ta’ kuljum Marta Llauradó, tfajla li għandha diversità funzjonali u li qed tipprova tispjega permezz ta’ blog, il-preġudizzji li s-soċjetà għandha lejha.

Miriam Vázquez u Clara Ramos / 10.8.2016

Mwielda f’Barċellona, Marta għandha 22 sena u hija studenta tal-Bijoloġija Umana. Dan l-aħħar hija kkreat blog Rodandovengo bl-għan li taqsam l-esperjenzi tagħha ta’ kuljum. Dak li beda bħala mod biex tiżvoga u titkellem dwar ir-relazzjonijiet romantiċi tagħha, issa sar spazju biex issemma’ leħinha u żżid il-viżibilità għal grupp ta’ nies li huma ħafna drabi sottorapreżentati fis-soċjetà tagħna.

“L-idea li nibda blog kienet ilha ddur f’moħħi għal żmien twil,” tgħidilna Marta. Hi riedet li tikteb b’mod iktar ċar il-messaġġi ta’ 140 karattru li kienet taqsam mas-segwaċi tagħha fuq Twitter. U x’kien dak li mbuttaha biex għamlet dal-pass? L-istess forza li nsibu f’ħafna films u stejjer; l-imħabba: “Ħafna nies jassumu li jien m’iniex interessata f’relazzjoni romantika jew f’relazzjoni sesswali. Kont naf ġuvni li darba qalli: ‘Meta sirt naf li int tuża siġġu tar-roti ħsibt li ridna nkunu biss ħbieb.’ U aħna konna ltqajna fuq sit biex toħroġ ma’ xi ħadd!”

Marta consultando su blog Rodandovengo

Marta tiċċekkja l-blog tagħha Rodandovengo © Clara Ramos

Marta tammetti li għall-bidu kienet tħossha mweġġa’ b’dawn is-sitwazzjonijiet: “Bil-mod il-mod imbagħad drajt naħseb ‘okejj, int qed titlef!’ U kienet din l-attitudni li wasslitni għal punt ta’ bidla u ddeċidejt li nelimina l-inċertezzi tiegħi.” Però din mhix xi ħaġa li tista’ tinbidel mil-lum għall-għada, imma bħala parti minn proċess. Illum il-ġurnata xorta għadha ssibha diffiċli li tmur tgħum f’pixxina b’bikini jew li tilbes xorts. “Imma bil-mod qed ninbidel. Qabel lanqas ilbiesi jew tajts ma kont nilbes, u issa iva.”

Imma dawn l-insikurezzi kif bdew? “Meta bdiet il-pubertà bdejt inħossi taħt pressjoni estetikament”, speċifikat magħna. “Bdejt nistħi minn kollox. Meta kont iżgħar kont ninżel fil-bitħa waqt il-brejk u kont nieħu sehem fl-attivitajiet sportivi kollha.” Però hi issa qed tirrealizza li dak li jgħid ħaddieħor ma jiswa’ xejn, speċjalment meta dawn ikunu nies li ma tafx. “Jien jeħtieġli nagħmel li rrid, ħaddieħor dejjem se jgħid li jrid.”

Marta kellha kliem ta’ kritika għal suġġett partikolarment kontroversjali li hi trid taffaċċja ta’ spiss: il-festi. “Ħafna nies jaħsbu li ma nħobbx noħroġ u li nippreferi nibqa’ maqfula ġewwa,” spjegatilna b’ton eżasperat. Din il-klixè tassoċċjah mal-immaġini li l-midja turi tan-nies li jużaw siġġu tar-roti. “Meta jġibu lin-nies jixtru, fuq it-televixin qatt ma tara lil xi ħadd f’siġġu tar-roti sejjer jixtri. Din hija xi ħaġa b’għeruq fondi fis-soċjetà tagħna. Mhumiex imdorrijin jarawk u allura meta jarawk, jistagħġbu.”

“Biex nagħti eżempju, meta nara xi film, qatt ma jkun hemm xi ħadd li juża siġġu tar-roti, u meta jkun hemm, dejjem ikollhom xi storja vera traġika. U mhux l-istejjer kollha huma tad-dwejjaq, xi wħud minnhom iridu biss jiġu aċċettati kif inhuma. Però huwa minnu li ħafna nies iridu jiffaċċjaw din is-sitwazzjoni mil-lum għall-għada,” spjegatilna.

Marta durante la entrevista

Marta waqt l-intervista © Miriam Vázquez

B’attitudni hekk kritika, kien forsi messha studjat il-ġurnaliżmu. “Jien inħobb naqsam l-esperjenza tiegħi però nħobb ukoll ix-xjenza. Il-problemi tiegħi kienu kkawżati minn mutazzjonijiet ġenetiċi u għalhekk tinteressani l-bijoloġija taċ-ċelluli. Qabel għażilt il-kors staqsejt lili nnifsni ‘x’jinteressak l-iżjed, li taqsam ma’ ħaddieħor jew li tiskopri?’ Però ma neskludix il-possibilità li nagħmel Masters fil-komunikazzjoni fil-futur.”

Minkejja l-fatt li ddeċidiet li tistudja x-xjenza, Marta ma tridx tieqaf taqsam l-esperjenza tagħha u nsistiet fuq il-messaġġ li trid twassal: “Kulħadd jgħix bid-diżabilità tiegħu b’mod differenti u kulħadd jiddeċiedi kif se jużaha u x’inhuma l-limiti tiegħu. Il-preġudizzji li jagħmel ħaddieħor jistgħu jġiegħluna nħossu li huma veri, meta fil-verità m’għandhom l-ebda bażi.”

Mill-banda l-oħra, minkejja li Barċellona hija adattata ferm għas-siġġijiet tar-roti, biex tasal minn post għall-ieħor fil-belt stess kultant tkun xi ftit frustranti: “Meta r-rampa tax-xarabank ma tkunx qed taħdem ma nkun nista’ nagħmel xejn ħlief nistenna l-karozza li jmiss.” Dan huwa eżempju ta’ problema loġistika, però kultant in-nuqqas ta’ empatija min-nies ta’ madwarha wkoll iwasslu għal dewmien. Pereżempju, fiċ-ċentru kummerċjali ħafna klijenti jippreferu jużaw il-lift minflok l-iskalatur, mentri hi m’għandha l-ebda għażla. “L-iskalatur normalment ikun viċin sew tal-liftijiet. Ħaddieħor jista’ jużah minflok il-liftijiet, mentri jien ma nistax minkejja li nixtieq ħafna. Però nipprova ma niġġudikahomx għax naf li jeżistu diżabilitajiet li huma inviżibbli.”

Marta esperando el ascensor del metro

Marta tistenna l-lift biex taqbad il-ferrovija ta’ taħt l-art © Clara Ramos

Marta hija tfajla indipendenti b’sens kbir ta’ avventura, u għaldaqstant meta ġiet offruta l-possibilità li tistudja barra fir-Renju Unit, ma ħasbithiex darbtejn. “Għamilt kważi 5 xhur ngħix f’Guildford u vera ħadt gost hemm.” Il-familja tagħha kienu xi ftit beżgħana għal din id-deċiżjoni. L-ewwel ħsibijiet tagħhom kienu frażijiet bħal ‘se tkun wisq ’il bogħod’ jew ‘issa naraw kif tkampa’. Minkejja dan kollu, wara x-xokk tal-bidu, huma kienu l-iktar nies li appoġġjawha. Din l-attitudni kienet tikkuntrasta ferm ma’ dik ta’ sħabha, li appoġġjawha sa mill-bidu biex tibda’ din l-esperjenza. “Li ngħix waħdi kienet esperjenza pożittiva ferm għalija,” spjegatilna. “Kien mezz biex nuri lili nnifsi li kapaċi nkampa waħdi u li m’għandix bżonn lil ommi biex nasal x’imkien. Infatti meta ġejt lura mir-Renju Unit iddeċidejt li mmur noqgħod f’residenza tal-istudenti. Issa m’għandix għax ninkwieta jekk il-ferroviji jkunux adattati jew le.”

Issa li għodda bdiet l-aħħar sena universitarja, x’inhuma l-pjanijiet tagħha għall-ġejjieni? “Nixtieq inkompli nikteb fil-blog, jew forsi anka nagħmel kanal YouTube. Imma s’issa dan għadu biss passatemp. L-ikbar tir tiegħi huwa li nkun mistiedna biex nagħmel diskors għal TEDTalk,” żvelat Marta b’daħka. “Nixtieq nispira lin-nies, kemm dawk li għandhom xi diżabilità u kemm dawk li m’għandhomx. Għad għandi xi insikurezzi, però nixtieq ngħin lil kull min nista’, u lil dawk li forsi jinsabu fl-istess sitwazzjoni li kont fiha jien tliet snin ilu.”

[crp]

Awtriċi

Clara Ramos (Spanja)

Tistudja: Traduzzjoni u Interpretazzjoni

Lingwi: Spanjol, Katalan, Ingliż u ftit Ġermaniż

L-Ewropa hija … taħlita kbira ta’ kulturi u lingwi x’tiskopri u tgawdi!

Awtriċi

Miriam Vázquez (Spanja)

Tistudja: Il-Ġurnaliżmu u x-Xjenza Politika u Amministrattiva

Lingwi: Spanjol, Katalan, Ingliż, Ġermaniż u ftit Franċiż

L-Ewropa hija… post uniku fejn nies b’kulturi, lingwi u fehmiet differenti jgħixu flimkien.

Twitter: @mirabroad

Traduttriċi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Qarrejja tal-provi

Paula Schembri (Malta)

Taħdem bħala: Assistenta mal-Kummissjoni Ewropea fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u ftit Taljan

L-Ewropa hija… mimlija opportunitajiet.

This post is also available in Català, Deutsch, English, Español, Français, Italiano, Română, [Main Site] and Ελληνικά.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

Il-konfigurazzjonijiet tal-cookies fuq dan il-websajt huma ssettjati għal "aċċetta cookies" sabiex ikollok l-aħjar esperjenza possibbli ta' tiftix fuq l-Internet. Jekk tkompli tuża dan il-websajt mingħajr ma tbiddel il-konfigurazzjonijiet tiegħek tal-cookies jew jekk tikklikkja isfel fuq "Aċċetta", allura qed tagħti l-kunsens tiegħek għal dan.

Agħlaq