Il-Kirja ta’ appartament f’Dublin, l-ostakolu li kull student barrani jrid jiffaċċja.

Li tħalli lil pajjiżek u lil familtek biex tmur tistudja barra hija diffiċilissima, però l-ikbar problema hija li ssib post sew fejn toqgħod, il-balena il-bajda li kulħadd jipprova jaqbad.

Biex tikri appartament f’Dublin, irid ikollok PPS (simili ħafna tan-numru tas-servizzi soċjali), permess tax-xogħol, kont bankarju – bi flus fih, ovvjament – u ħafna paċenzja. Jekk jonqsok xi wieħed minn dawn ta’ fuq, tista’ tittanta xortik u taqsam post ma’ persuna/i oħra, ħafna drabi mingħajr ma sid il-post ikun jaf li int qed toqgħod hemm. Jew forsi jkun jaf, imma ma jagħtix kas. F’dan il-każ tkun qed tissogra li jekk ikun hemm xi kunflitt, każ ta’ frodi jew kwalunkwe tip ta’ problema, int m’għandek l-ebda kuntratt legali li jiggarantilek li int toqgħod hemm.

L-iktar għażliet ekonomiċi f’Dublin jiswew madwar €300; qed nitkellmu għal kera fix-xahar għal sodda f’kamra li qed taqsam ma’ żewġ persuni jew iżjed, f’dar b’aktar nies joqogħdu fiha. Bħal f’ibliet kapitali Ewropej oħra, id-domanda kbira għall-kiri fil-kapitali Irlandiża jwasslu għal problemi bħal frodi, prezzijiet għoljin wisq u gruppi ta’ studenti f’appartamenti żgħar b’kamra tal-banju waħda.

“Ħafna nies u ftit djar. Smajt b’każ ta’ disa’ min-nies jgħixu f’dar waħda b’kamra tal-banju waħda.”

Davide, l-Italja

Barra minn hekk, jeżistu frodaturi fis-suq tal-propjetà jew skemi li jipproduċu riklami foloz jew qarrieqa fuq l-Internet u jwegħduk appartament irħis u ċentrali. Ħafna mill-vittmi jkunu studenti li jkunu għadhom ma waslux fil-belt iżda li jkunu jridu jsibu post jistenniehom għal meta jaslu.

”Li tħallas għall-appartament minn fuq l-Internet jista’ jkun perikoluż. Ħafna nies ikunu impressjonati faċilment meta jkunu qed jibbukjaw appartament permezz tal-Internet. B’hekk jispiċċaw iħallsu lil xi frodatur u jitilfu kemm flushom u kif ukoll l-appartament.”

Nina, il-Kroazja

Hemm diversi għażliet għal studenti li jaslu fil-kapitali Irlandiża u għadhom qed ifittxu kamra fejn joqogħdu, kemm fit-tul u kemm għal ftit żmien. Dawn in-nies jispjegaw l-esperjenzi tagħhom:

Invalid Displayed Gallery

Taqsam appartament

Dan huwa wieħed mill-irħas modi biex issib fejn toqgħod, minħabba li l-prezz u l-kontijiet tas-servizzi provduti qed jinqasmu bejn il-kerrejja kollha.

“Bħalissa hemm ħafna nies li qed ifittxu djar jew appartamenti f’Dublin, u allura ħafna mill-postijiet vakanti huma għaljin meta tikkunsidra għalxiex qed tħallas: kmamar daqs nitfa, appartamenti maqsumin, eċċ. Jien sibt l-ewwel dar wara 5 ijiem infittex u ngħarrex. Għażilt l-ewwel dar li aċċettawni fiha għax bdejt nibża’ li mhu se nsib imkien u kien għad fadalli biss ġimgħa biex nitlaq mill-akkommodazzjoni tal-istudenti.”

Isis, il-Brażil

Il-prezzijiet ivarjaw skont il-kamra, peress li din tista’ tinqasam bejn tnejn jew iktar min-nies, u l-prezzijiet huma bejn €250 u €400. Inkella, tista’ tagħżel kamra waħdek, li tkun bejn wieħed u ieħor bejn €400 u €600, skont fejn tkun qed toqgħod.

“Jien qsamt dar ma’ żewġ koppji u kelli kamra waħdi. Kont inħallas €420 fix-xahar, bl-ispejjeż kollha inklużi. Qabel ma wasalt, kont krejt kamra f’ħostel fiċ-ċentru tal-belt u wara li wasalt bdejt infittex. Jekk għandek referenzi tajbin, m’għandhiex tkun wisq diffiċli li ssib fejn toqgħod. Jien malajr sibt id-dar tiegħi, u allura ma qgħadtx ġo appartament ħażin, però żort xi postijiet li kienu orribbli.”

Gautier, Franza

Mhux il-kmamar tas-sodda biss huma maqsumin, imma anka l-kmamar komuni u l-ispejjeż ta’ xi ħsarat li jkunu hemm diġàa, peress li ħafna mill-appartamenti mhumiex ġodda.

Jien kont ngħix ma’ ħafna nies u kont naqsam kamra tas-sodda ma’ erba’ tfajliet. Id-dar kellha biss kċina u kamra tal-banju waħda. Il-kamra tal-banju kellha l-moffa u d-dar la kienet fi stat tajjeb u lanqas ma kienet moderna.

Irene, l-Italja

Invalid Displayed Gallery

Appartamenti mikrijin mingħand xi ħadd li diġà qed jikri.

Hemm nies li jikru appartament u mbagħad minħabba d-domanda qawwija għall-appartamenti, jwillu kamra lil ħaddieħor. B’hekk il-kirja oriġinali tal-appartamenti tispiċċa tispara ‘l fuq, kultant anka bid-doppju. Natasha, studenta Brażiljana, waslet f’Dublin f’Novembru 2014 u kienet tħallas €375 għal sodda f’residenza tal-istudenti. Minn dak iż-żmien ‘l hawn imxiet biddlet darha erba’ darbiet u l-ewwel post li sabet, kamra maqsuma ma’ tliet studenti oħra, damet xahrejn biex sabitha.

“Il-ġuvni li kien jikrilna l-kamra fid-dar qalilna li l-kirja ta’ dik id-dar kienet madwar €1,200 b’kollox. Pero, minn fuq il-kamra tagħna biss kien qed jagħmel €900. Ħafna nies jagħmlu l-flus b’dal-mod minn fuq id-djar u l-appartamenti.”

Natasha, il-Brażil

Barra mill-prezzijiet m’għola s-smewwiet, ħafna mill-appartamenti mhumiex f’kundizzjoni tajba, jew inkella jinżammu, kemm ikunu jistgħu jinkrew u jagħmlu l-flus minnhom.

“Għamilt żmien noqgħod f’post f’Capel Street fejn il-post kien taħt il-kantina. Ma kienx hemm twieqi u biex inkunu nafu jekk huwiex bi nhar jew bil-lejl kellna dejjem nħarsu lejn arloġġ jew noħorġu barra. Konna naqsmu l-post ma’ tlieta min-nies jew iktar u kellna ninħbew mis-sid tal-post għax aħna konna qed nikru mingħand il-kerrejja. Diżastru totali.”

Natasha, il-Brażil

Familji Ospiti

Għażla oħra għal studenti li jridu li jkollhom post fejn joqogħdu meta jaslu f’Dublin –kif huma meħtieġ mill-awtoritajiet Irlandiżi- huwa li joqogħdu ma’ familji ospiti. Dan ifisser li familja lokali tipprovdilek kamra u ikel għal prezz miftiehem. Inga waslet fil-kapitali Irlandiża mill-Ġermanja f’April tal-2015. Ma tantx damet sa ma sabet kamra peress li użat aġenzija li sabulha kamra fejn kienet qed tħallas €700. Għalkemm dan il-proċess ma kienx diffiċli wisq, xorta l-esperjenza tagħha ma’ familja ospiti ma kinitx ideali. Inga qaltilna hekk:

“L-omm ospiti tiegħi kienet iddoqq il-pjanu f’nofs ta’ lejl. Billejl kien jaqa’ l-ksieħ u jien blajt riħ li dam ikarkar ġimagħtejn. L-omm ospiti tiegħi kienet tgerger il-ħin kollu u kienet tħobb tlablab. Kienet ukoll egoista ferm.”

Inga, il-Ġermanja

Wara ftit taż-żmien, hija marret toqgħod ma’ familja ospiti oħra li kienet irrakkomandata mill-imgħallem tax-xogħol Irlandiż taghħa. Hi kienet tħallas €430 f’dan il-post il-ġdid u minkejja li kien ftit ‘il-bogħod miċ-ċentru, l-esperjenza ta’ Inga kienet iktar sodisfaċenti:

“It-tieni kamra tiegħi kienet ferm aħjar. Kelli ħafna iżjed libertà u kelli wkoll televixin. L-omm ospiti tiegħi kienet voluntiera u kienet issalva l-klieb. Kien iktar faċli għalija li nsib kamra minħabba li kelli l-kuntatti.”

Inga, il-Ġermanja

Tħallas lil xi aġenzija, ikollok xi kuntatti jew sempliċement tfittex post waħdek, huma kollha parti mill-proċess biex issib akkommodazzjoni f’Dublin. Din il-problema jsibuha kemm l-Ewropej u kif ukoll dawn li ġejjin minn barra l-Ewropa u qed ifittxu post fil-kapitali Irlandiża.

Każijiet ta’ frodi u kirjiet għoljin huma komuni ferm fost student li jaslu fil-Gżira tal-Emeraldi u jsibu li jridu jiffaċċjaw mhux biss xokk kulturali iżda wkoll il-problema biex isibu post u spazju biex jissodisfaw bżonn bażiku: post fejn joqogħdu.

[crp]

Awtriċi

Karen Elías (il-Messiku)

Tistudja/Taħdem: Xjenzi Komunikattivi, Kreatur tal-Materjal, Fotografija Ġurnalistika

Lingwi: Spanjol u Ingliż

L-Ewropa hija … fejn il-kulturi jiltaqgħu.

Traduttriċi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Qarrejja tal-provi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: BA fil-Malti u l-Ingliż

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

This post is also available in Català, Deutsch, English, Español, Français, Italiano and [Main Site].

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

The cookie settings on this website are set to "allow cookies" to give you the best browsing experience possible. If you continue to use this website without changing your cookie settings or you click "Accept" below then you are consenting to this.

Close