Id-diversità kulturali hija l-akbar saħħa tal-Ewropa

L-Ewropa tikkonsisti f’ħafna pajjiżi u kulturi differenti mrassin flimkien tant li diffiċli timmaġina li kulħadd jinġieb ma’ kulħadd. Minkejja dan kollu, qed jirnexxielna. Speċi ta. Anka l-iktar familji magħqudin ikollhom l-inkejja u l-ġlied tagħhom, imma ma nistgħu qatt ninsew li din id-diversità hija wkoll l-akbar ass li għandna. Tkellimna ma’ disa’ żgħażagħ minn partijiet differenti fl-Ewropa u qalulna huma x’jaħsbu li n-nies ta’ pajjiżhom jistgħu jitgħallmu mill-pajjiżi Ewropej l-oħra, kif ukoll kif pajjiżhom jista’ jservi ta’ eżempju għall-komunità b’modi oħra.

Ignacio, Spanja

X’taħseb li jistgħu jitgħallmu mill-bqija tal-Ewropa n-nies ta’ pajjiżek?

Naħseb li aħna l-Ispanjoli nistgħu nitgħallmu ninkoraġġixxu mġiba iktar ċivilizzata fl-ibliet u l-irħula tagħna mill-Ewropej l-oħra. Naħseb li hija ħasra li meta nżuru pajjiżi oħra nkunu sorpriżi kif ċittadini oħra jsegwu r-regoli tas-soċjetà biex jgħixu flimkien; regoli li jgħinu biex tinżamm l-indafa fl-akwati tagħhom, fejn il-propjetà pubblika hija rrispettata. Imbagħad, meta niġu lura fi Spanja, nerġgħu lura għall-istess filosofija egoista fejn ma nirrispettawx affarijiet li m’għandniex bżonn immedjatament.

X’taħseb li ħaddieħor jista’ jitgħallem minn pajjiżek?

Fil-fehma tiegħi, in-nies li jivvjaġġaw u jqattgħu xi żmien fi Spanja jistgħu jitgħallmu jkunu spontanji u jkollhom sens umoristiku (f’ħafna każijiet, umoriżmu iswed) mingħandna. Aħna l-Ispanjoli kapaċi ħafna nidħku bina nfusna, anka f’sitwazzjonijiet diffiċli, li tagħmilha iktar faċli li tiffaċċja l-problemi. Aħna wkoll kapaċi nieħdu gost bi ftit pjanijiet u bi pjanijiet ta’ mingħajr ħsieb ta’ xejn, insibu l-ferħ fl-affarijiet sempliċi, u bla ma jimpurtana mill-“kif” imma aktar jimpurtana mill-“ma’ min”.

Volha, Belarus

Learning-from-Europe-3

X’taħseb li jistgħu jitgħallmu mill-bqija tal-Ewropa n-nies ta’ pajjiżek?

Il-Belarussi huma intelliġenti, imma jonqoshom ftit kreattività u spontanjetà fil-ħajja ta’ kuljum. Dawn l-affarijiet jistgħu jitgħallmuhom billi jiżviluppaw kuntatti u ħbiberiji ma’ Ewropej oħra. Għalina l-Belarussi mhi faċli xejn li nkunu ċajtiera jew li nidħku bina nfusna. Però jien nemmen li sens ta’ umoriżmu iżid mal-valur tal-intelliġenza tal-bniedem, mentri s-serjetà taf tqarraq bik. Sħabna l-Ewropej jistgħu jgħallmuna nkunu iktar umoristiċi, moħħna jilħqilna u ironiċi, u dawn il-karatteristiċi jistgħu jiġu applikati f’kull qasam tal-ħajja soċjali tagħna.

X’taħseb li ħaddieħor jista’ jitgħallem minn pajjiżek?

Ta’ min jammira lill-Belarussi għat-tolleranza tagħhom. Huma poplu b’moħħu miftuħ ferm, għatxana biex jitgħallmu dwar kulturi oħra. L-egoċentriżmu nazzjonali, jew l-idea li huma superjuri għall-pajjiżi oħra huwa fenomenu rari ħafna fil-Belarus. Il-Belarussi jistgħu jgħallmu wkoll lill-Ewropej biex japprezzaw aktar il-kulturi tagħhom stess, minħabba li ħafna minna ‘niġġennu’ għall-pajjiżi Ewropej. Il-Belarussi dejjem isibu xi ħaġa eċċitanti jew pożittiva fil-pajjiżi Ewropej (wirt kulturali għani, teknoloġija ultramoderna, l-istil ta’ ħajja, l-ikel, eċċ) mentri ħafna mill-Ewropej jarawha bħala ħaġa normali u ħafna drabi jinsew il-passi ’il quddiem li għamel pajjiżhom.

Laura, Italja

X’taħseb li jistgħu jitgħallmu mill-bqija tal-Ewropa n-nies ta’ pajjiżek?

Jien naħseb li t-Taljani jridu jitgħallmu jkunu iżjed moħħhom miftuħ. Aħna ngħożżu ħafna l-kultura u t-tradizzjonijiet tagħna, u waqt li din normalment hija ħaġa tajba, xi drabi żżommna lura milli naraw kif imxew ’il quddiem pajjiżi oħra, filwaqt li l-popolazzjoni Taljana baqgħet lura (bħal pereżempju, fil-każ ta’ adozzjoni minn koppji omosesswali). Dan iwassal biex nidhru għadna l’antika, jew jaf nidhru anka xi ftit ipokriti, imma jekk inħarsu lejn pajjiżi Ewropej oħra nintebħu li rridu nkunu iżjed moderni.

X’taħseb li ħaddieħor jista’ jitgħallem minn pajjiżek?

It-Taljani huma magħrufa li huma kapaċi jaffrontaw kwalunkwe sitwazzjoni. Anka jekk ma jkollniex il-mezzi biex niksbu dak li għandna bżonn, b’xi mod dejjem jirnexxielna nakkwistawh. Aħna dħulin ħafna mal-barranin u dejjem naraw kif nagħmlu biex ħaddieħor iħossu komdu.

Anniina, Finlandja

X’taħseb li jistgħu jitgħallmu mill-bqija tal-Ewropa n-nies ta’ pajjiżek?

Naħseb li l-Finlandiżi jistgħu kultant ikunu iktar tolleranti u moħħhom miftuħ, speċjalment il-ġenerazzjonijiet akbar. Il-Finlandiżi għandhom qalbhom tajba imma jafu jkunu wkoll xi ftit injoranti peress li l-Finlandja huwa pajjiż ċkejken. Meta tivvjaġġa u ssir taf Ewropej oħra tiftaħ moħħok u titgħallem ħafna affarijiet dwar id-differenzi tagħna u wkoll dwar kif fl-aħħar mill-aħħar, ilkoll qegħdin f’baħar wieħed.

X’taħseb li ħaddieħor jista’ jitgħallem minn pajjiżek?

Il-Finlandiżi huma normalment onesti ħafna u jirrispettaw lil ħaddieħor. Ma jindaħlux f’ħajjet ħaddieħor u ma joqogħdux iparlaw fil-vojt għal b’xejn, mentri f’ħafna kulturi dan jista’ jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ manjieri. Fir-Renju Unit, pereżempju, huwa komuni ħafna li l-kaxxiera tal-ħanut jistaqsuk kif int, li hija ħaġa tajba, però xi drabi tinħass vojta għax mhux tassew ikun jinteressahom minnek. Fil-Finlandja, in-nies huma dħulin ma’ xulxin b’mod onest u mingħajr pretensjonijiet żejda.

Anja, Ġermanja

Learning-from-Europe-3

X’taħseb li jistgħu jitgħallmu mill-bqija tal-Ewropa n-nies ta’ pajjiżek?

Naħseb li xi drabi, il-Ġermaniżi ma japprezzawx l-affarijiet sbieħ biżżejjed u jgergru ħafna. Imissna nkunu iktar kuntenti b’dak li għandna u mhux dejjem irridu iżjed. Pereżempju, xi Ġermaniżi jgergru dwar l-istorbju però l-Ġermanja diġà hija waħda mill-iżjed pajjiżi kwieti fid-dinja. Il-Ġermaniżi, fil-fehma tiegħi, messhom ikunu inqas moħħhom f’ħaddieħor, kif ukoll jimpurtahom inqas minn ħaddieħor x’jaħseb jew jgħid dwarhom. Din l-attitudni ta’ “Min jaf il-ġirien x’jaħsbu?” għadha komuni ferm, speċjalment fil-komunitajiet iż-żgħar.

X’taħseb li ħaddieħor jista’ jitgħallem minn pajjiżek?

Fl-Ewropa hemm ħafna pajjiżi li għandhom passat xejn sabiħ, però sal-lum għadhom jippruvaw jaħbu l-fatti, jew jiċħduhom jew, agħar minn hekk, jigglorifikawhom, li fil-fehma tiegħi huwa ħażin. Il-Ġermanja mxiet ’il quddiem ferm billi aċċettat il-passat tagħha u għallmet dwaru. Naħseb li pajjiżi oħra jistgħu jitgħallmu minna fuq kif tiffaċċja l-passat u tirrifletti fuq dak li ġara, u b’hekk titgħallem minnu.

Sephora, Malta

X’taħseb li jistgħu jitgħallmu mill-bqija tal-Ewropa n-nies ta’ pajjiżek?

Li jkunu iktar tolleranti u juru iżjed kompassjoni. Sfortunatament naħseb li l-Maltin għandhom tendenza li jkunu moħħhom magħluq. Jekk ifaqqas ħsieb f’moħħna diffiċli tbiddlilna l-fehma. U sfortunatament din it-tradizzjoni u twemmin jiġu trasmessi minn ġenerazzjoni għall-oħra u jwasslu għal ċirku vizzjuż. Nixtieq ukoll li nkunu iktar kburin b’pajjiżna u dak li ksibna. It-tendenza tagħna l-Maltin hija li nmaqdru dak kollu li hu Malti; il-lingwa, it-tradizzjonijiet, l-istil ta’ ħajja, u dan kollu jirrifletti fil-mod kif nitkellmu dwar pajjiżna. Jien dejjem nistagħġeb meta nisma’ lill-barranin jitkellmu dwar kemm ħadu gost f’Malta u dan iġegħilni nistaqsi lili nnifsi għalfejn aħna ma napprezzawhiex daqstant.

X’taħseb li ħaddieħor jista’ jitgħallem minn pajjiżek?

Jekk hemm ħaġa li fiha neċċellaw bħala Maltin hija d-dħulija. Kemm-il darba nara nies jgħinu lil xulxin, kemm jekk ikunu Maltin oħra u anka barranin. Naħseb dan huwa l-vantaġġ li tgħix f’pajjiż żgħir u komunitajiet żgħar. In-nies x’aktarx iktar ikunu jafu lil xulxin, u b’hekk jafdaw lil xulxin iżjed. L-istil ta’ ħajja tagħna huwa rilass, xejn mgħaġġel. In-nies ma jgħaddux mingħajr ma jsellmu lil ħaddieħor fuq tal-linja jew fit-triq, dejjem nitbissmu jew ngħidu kelma. Din forsi hija l-aħjar karatteristika tagħna l-Maltin.

Sarah, Renju Unit

X’taħseb li jistgħu jitgħallmu mill-bqija tal-Ewropa n-nies ta’ pajjiżek?

Fil-Brittanja hemm bżonn li nitgħallmu mingħand pajjiżi iżjed innovattivi biex inħarsu iżjed ’il quddiem. Għandna tendenza niffukaw ħafna fuq il-passat, speċjalment fejn jidħlu ż-żewġ Gwerer Dinjin, u dak li ġara għadu jinfluwenza kif nitkellmu dwar il-politika u dwar relazzjonijiet internazzjonali sal-lum il-ġurnata. L-attitudni tagħna lejn id-dieta u s-saħħa hija batuta wkoll, u jmissna nħarsu lejn pajjiżi iżjed moderati, bħal Franza, fejn pereżempju x-xorb bla rażan mhuwiex fenomenu kulturali, u nitgħallmu minnhom.

X’taħseb li ħaddieħor jista’ jitgħallem minn pajjiżek?

Fir-Renju Unit nafu nkunu ċivili b’mod ossessiv, però fl-istess waqt nafu nkunu totalment irreverenti, speċjalment fl-isfera pubblika. Dan jgħodd kemm għall-politika, għall-monarkija, għar-reliġjon, kollox. Naħseb dan il-mod kif niffaċċjaw kunċetti u istituzzjonijiet serji b’umoriżmu huma mudell b’saħħtu u tajjeb li nistgħu naqsmuh ma’ ħaddieħor.

Anna, Ungerija

Learning-from-Europe-3

X’taħseb li jistgħu jitgħallmu mill-bqija tal-Ewropa n-nies ta’ pajjiżek?

Forsi nistgħu nitgħallmu minn pajjiżi oħra biex inkunu inqas egoistiċi. Ħafna Ungeriżi jaħsbu li l-Ewropa ddur magħna, kważi kważi li d-dinja wkoll iddur magħna, u li sofrejna ħafna matul il-medda tas-snin però m’għamilna l-ebda żball! L-ikbar lag tal-Ungerija jsejħulu baħar, u l-għoljiet iqisuhom muntanji. Hemm teoriji li jgħidu li l-Ungeriż huwa l-eqdem lingwa fid-dinja u hemm min saħansitra jemmen li Ġesù kien Ungeriż. Naħseb li jkun jaqblilna wkoll jekk nitgħallmu nisseparaw il-politika mill-ħajja privata. (Il-politika tal-lum il-ġurnata għandha preżenza hekk qawwija fil-ħajja ta’ kuljum li taf issarraf f’firda bejn familji u ħbieb b’viżjonijiet politiċi differenti.)

X’taħseb li ħaddieħor jista’ jitgħallem minn pajjiżek?

L-Ungeriżi huma kreattivi ferm, huma ħafna l-invenzjonijiet li ħarġu mill-Ungerija, bħall-kubu ta’ Rubik, il-bajrow, sulfarini, Vitamina Ċ, it-trasformatur elettriku, l-olografija u Prezi. Aħna spontanji u nafu nsibu soluzzjoni kreattiva f’sitwazzjonijiet mhux mistennijin, nikkreaw affarijiet kbar minn ftit materjali sempliċi. L-Ungeriżi huma nies emozzjali ħafna, b’sens umoristiku, iħobbu jiċċajtaw bil-lingwa, iħobbu l-mistiednin u jdewquhom pálinka li għamlu huma stess (pálinka hija tip ta’ brandi Ungeriż magħmul mill-frott), u huma ħabrieka ferm. U l-Ungeriżi huma dejjem edukati; l-irġiel dejjem iħallu lin-nisa jgħaddu qabilhom minn xi bieb, u jekk jitilgħu xi anzjani fuq it-tramm mal-ewwel noffrulhom postna biex iserrħu riġlejhom.

Veronika, Slovakkja

X’taħseb li jistgħu jitgħallmu mill-bqija tal-Ewropa n-nies ta’ pajjiżek?

L-ewwel u forsi l-iżjed ħsieb b’saħħtu li jiġi f’moħħi meta nikkunsidra x’nistgħu nitgħallmu mingħand pajjiżi oħra Ewropej huwa żgur l-apprezzament. L-apprezzament tal-affarijiet sbieħ u tajbin kollha li għandna – il-kultura, it-tradizzjonijiet u l-ġmiel tan-natura, fost affarijiet oħra. Kultant inħoss li l-Islovakki huma wisq xettiċi u għandhom tendenza jaraw kollox iswed. Niffukaw fuq il-ħażin minflok ma ngawdu u napprezzaw it-tajjeb.

X’taħseb li ħaddieħor jista’ jitgħallem minn pajjiżek?

Dan l-aħħar skoprejt li aħna poplu ħabrieki u ħawtiel ferm waqt li għandna kemm kemm ras iebsa. Dawn huma ftit mill-fatturi li nistgħu nippreżentaw lill-pajjiżi oħra Ewropej. Meta niddeċiedu fuq xi ħaġa, aħna lesti li nħabirku kemm nifilħu, nitgħallmu affarijiet ġodda, saħansitra naqdfu sat-tarf tad-dinja biex nakkwistaw dak li rridu.

[crp]

Illustrazzjonijiet

Luzie Gerb (Ġermanja)

Tistudja: Storja tal-Arti, Fine Arts u l-Istudji Kulturali Kumparattivi

Lingwi: il-Ġermaniż, l-Ingliż, l-Iżvediż, il-Franċiż

L-Ewropa hija… mimlija postijiet maġiċi, nies interessanti u l-istejjer tagħhom.

Websajt: luzie-gerb.jimdo.com

Traduttriċi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

Qarrejja tal-provi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: BA fil-Malti u l-Ingliż

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

This post is also available in Bosanski - Hrvatski - Srpski, Català, Deutsch, English, Español, Français, Italiano, Română, [Main Site] and Русский.

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php

Billi tkompli tuża dan is-sit, qed tagħti l-kunsens tiegħek għall-użu ta' cookies. aktar informazzjoni

Il-konfigurazzjonijiet tal-cookies fuq dan il-websajt huma ssettjati għal "aċċetta cookies" sabiex ikollok l-aħjar esperjenza possibbli ta' tiftix fuq l-Internet. Jekk tkompli tuża dan il-websajt mingħajr ma tbiddel il-konfigurazzjonijiet tiegħek tal-cookies jew jekk tikklikkja isfel fuq "Aċċetta", allura qed tagħti l-kunsens tiegħek għal dan.

Agħlaq