Iltaqa’ mal-wirt lokali tiegħek – proġett li jgħaqqad iż-żgħażagħ tal-Bożnja

Minkejja li għaddew għoxrin sena mit-tmiem tal-Gwerra Bożnijaka, l-agħar gwerra Ewropea mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn, is-soċjetà Bożnijaka fl-għeruq tagħha għadha maqsuma. F’dawn l-aħħar għoxrin sena, mijiet ta’ miljuni ta’ dollari ngħataw lil proġetti differenti ta’ Għaqdiet Non-Governattivi (NGOs) li jfittxu li jgħaqqdu lill-membri tat-tliet nazzjonijiet kostituzzjonali, il-Bożnijaċi, il-Kroati u s-Serbjani, sabiex jogħla l-livell ta’ tolleranza bejniethom u sabiex tinbena soċjetà msejsa fuq prinċipji demokratiċi veri.

Sfortunatament, sal-lum, għadu ma seħħx proċess veru ta’ rikonċiljazzjoni, u b’hekk, tkompli tissaħħaħ il-kultura tal-impunità u l-memorja tagħhom bħala nazzjonijiet mifruda. F’dis-sitwazzjoni, xi Għaqdiet Non-Governattivi għadhom qegħdin jippruvaw joħolqu spazju fejn iż-żgħażagħ jirnexxilhom jegħlbu dawn id-diviżjonijiet sistematiċi imposti fuqhom u fejn huma ma jħossuhomx skomdi jikkomunikaw u jsiru jafu lill-’oħrajn’.

Meet your local heritage (1)

Żgħażagħ inaddfu oqbra medjevali (ċimiterji)

“Iltaqa’ mal-wirt lokali tiegħek” huwa proġett organizzat mill-Għaqda Non-Governattiva Edukativo, iffinanzjat mill-aġenzjija tal-UNESCO fil-Bożnja-Ħerzegovina. L-iskop tiegħu hu li jħarreġ u jgħallem lil żgħażagħ bejn l-14 u t-18-il sena minn seba’ reġjuni Bożnijaċi Ċentrali dwar il-wirt kulturali komuni tal-komunitajiet tagħhom. Dan isir permezz ta’ taħriġ innovattiv, ‘workshops’, u bosta attivitajiet li jgħinuhom jaddottaw għarfien dwar il-passat komuni ta’ bejniethom, li hu muri mill-monumenti kulturali-storiċi, li jistgħu jservu bħala pont li jgħaqqadhom.

Il-proġett inqasam fi tliet fażijiet: l-ewwel fażi f’Ġunju tal-2015 ikkonsistiet f’erbat ijiem ta’ taħriġ edukazzjonali. Għat-tieni fażi, il-parteċipanti għamlu listi u mapep tal-wirt kulturali fil-komunità lokali tagħhom f’’workshops’ li seħħu fl-aħħar tal-ġimgħa fis-sajf. Organizzaw ukoll żjarat u ħolqu attivitajiet promozzjonali kreattivi sabiex iqarrbu liċ-ċittadini tal-komunità lokali lejn il-wirt kulturali tagħhom. Fl-aħħar nett, fit-tielet fażi, l-istudenti organizzaw ‘Rotta tal-Wirt Kulturali’, vjaġġ ta’ ġurnata bi żjarat lill-monumenti kulturali f’xi muniċipalitajiet. Dan kien offrut lil sħabhom, liċ-ċittadini tal-komunità tagħhom, lill-gvern u lir-rappreżentanti taċ-ċivil fejn l-istudenti ppreżentaw l-għarfien u l-ħiliet li kisbu.

Meet your local heritage (2)

Żjara f’għar

“Il-Ġnus Magħquda ilha s-snin tirrakkommanda u tinkoraġixxi l-inklużjoni u s-sensitizzazzjoni taż-żgħażagħ minħabba l-bżonn tal-preservazzjoni tal-wirt tanġibbli u anke mhux tanġibbli, għaliex dil-prattika wriet li dawk li jaddottaw is-sistema tajba ta’ attitudnijiet u valuri minn età hekk żgħira, japprezzaw u jittrażmettu wirthom tul ħajjithom, li huwa wkoll wieħed mit-tiri ewlenin ta’ dal-proġett,” tgħid il-koordinatriċi tal-proġett.

Meta mistoqsija dwar ir-raġuni wara dawn l-attivitajiet kollha, il-koordinatriċi qalet, “Dan mhuwiex proġett ta’ rikonċiljazzjoni, meta tikkonsidra l-fatt li kważi kull sforz meħud sabiex tiġi kkreata soċjetà mingħajr diviżjonijiet viżibbli tul l-aħħar snin falliet. Il-kelma ‘rikonċiljazzjoni’ hija problematika fost iċ-ċittadini Bożnijaċi. M’għandniex bżonn rikonċiljazzjoni fit-tifsira klassika tagħha, ilna ngħixu fil-paċi għal żmien twil issa u l-kunflitti multi-etniċi naqsu ħafna. Li neħtieġu huwa djalogu, li dejjem qiegħed jiġi mwarrab. Għandna bżonn laqgħat bejnietna xi mkien nofs triq bejn ‘tagħna’ u ‘tagħhom’, u dan hu dak li jiddistingwi dal-proġett minn oħrajn simili. Il-prijorità hi t-tagħlim u li naċċettaw l-wirt kulturali għani ta’ pajjiżna, li nindukkraw fiż-żgħażagħ is-sentiment li dak li writtna mill-imgħoddi huwa tagħna lkoll, irrelevanti minn liema grupp etniku inti ilek tifforma parti minnu minn twelidek. Ma jistgħux jagħżlu parti kwalunkwe mill-wirt kulturali li tolqothom, anke jekk fl-iskejjel għallmuhom li “tagħna” huwa ta’ aktar valur jew forsi aktar għani.”

Meet your local heritage (3)

Diskussjonijiet fi gruppi

Waqt dawn l-attivitajiet kollha, il-parteċipanti jingħataw lok fejn jaslu għal dawn il-fatti waħedhom, mingħajr ma jiġu sfurzati, mingħajr ma jgħidulhom li billi jaċċettaw dil-mentalità, is-soċjetà qiegħda toqrob lejn l-għan li tasal għal rikonċiljazzjoni vera u li jerġa’ jkun hemm djalogu. “Billi tisforza lin-nies jirrikonċiljaw permezz ta’ proġetti ta’ rikonċiljazzjoni varji, tkun qiegħed biss tikseb ir-riżultat oppost, għaliex huma jarawha bħala obbligazzjoni, qisha xi ħaġa sfurzata fuqhom. Din qatt ma ħalliet u mhi se tħalli frott.”

Jidher li dak li forsi ma jinkisibx immedjatament fil-klassijiet, jista’ ċertament jinkiseb barra minnhom, grazzi għal dat-tip ta’ proġetti, taħriġ u bidla sistematika bejn il-komunitajiet. Imma hi taħseb li dal-proġett jista’ jwassal għal bidla drastika? “Onestament, ma naħsibx li se jwassal għal bidla sinifikanti. Dawk it-tfal se jmorru lura l-iskola fejn m’għandhom kważi l-ebda kuntatt ma’ ħbieb li qegħdin jistudjaw fiż-żewġ programmi skolastiċi l-oħrajn, għaliex ħafna mill-iskejjel huma separati fiżikament jew joperaw bħala ‘żewġ skejjel taħt saqaf wieħed’. Se jsegwu midja li qiegħda tippromwovi aġendi politiċi nazzjonalistiċi jew il-perspettivi monolitiċi ta’ dawk li għandhom poter dominanti. Jibqgħu jaraw d-detriment tal-wirt kulturali ta’ kuljum bħala riżultat tan-negliġenza, peress li dan ma tqiesx bħala element kruċjali fil-proċessi tad-differenzi prevalenti.

Meet your local heritage (4)

Żjara fil-belt storika ta’ Jajce

Madankollu, il-proġett diġà jidher li kiseb riżultati pożittivi fost parteċipanti u fl-aħħar mill-aħħar, dan hu l-għan ewlieni. Šeherzada u Stella, pereżempju, żewġt ibniet tal-istess età ġejjin mill-istess belt, ma kellhomx iċ-ċans li jiltaqgħu ma’ xulxin avolja jattendu l-istess skola. Proprjament, hija skola fl-istess bini imma huma jmorru għal żewġ programmi skolastiċi differenti (dak Bożnjak u dak Kroat) li qegħdin joperaw f’żewġ partijiet b’għalliema, surmastrijiet u ħaddiema oħra, ilkoll differenti. Huma u jikbru, x’aktarx mhumiex se jiltaqgħu ma’ xulxin fl-iskola, imma lanqas m’huma se jiltaqgħu fil-belt peress li ħafna mill-istituzzjonijiet kulturali l-oħra, u anke ħwienet tal-kafè, huma separati. Billi ddiskutew il-wirt kulturali tagħhom u qasmu l-opinjonijiet tagħhom rigward din is-sitwazzjoni kollha f’belthom u f’pajjiżhom waqt il-laqgħat tagħna, huwa faċli tinnotahom jagħrfu l-assurdità ta’ din is-sistema u jiżviluppaw ħsibijiet ġodda. Sa tmiemu, il-proġett se jqajjem ħafna mistoqsijiet importanti dwar l-istorja u l-wirt kulturali komuni, u nittamaw li jwassal għal ħafna stejjer pożittivi oħra bħal din.

Meet your local heritage (5)

Jitgħallmu kif jagħmlu tifkiriet ċkejkna

[crp]

Awtriċi

Nikolina Marjanovic (Bożnja u Ħerzegovina)

Tistudja: MA fl-Istorja u l-Arkeoloġija

Lingwi: Kroat u Ingliż

Traduttriċi

Sephora Francalanza (Malta)

Tistudja: BA fil-Malti u l-Ingliż

Lingwi: Malti, Ingliż, Franċiż, Spanjol

L-Ewropa hija… ħallata ballata ta’ kulturi, valuri u stejjer.

Qarrejja tal-provi

Laura Cioffi (Malta)

Tistudja: Mużika

Lingwi: il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż.

L-Ewropa hija … sinfonja umana li tinbidel kontinwament.

This post is also available in Bosanski - Hrvatski - Srpski, Català, Deutsch, English, Español, Français, Italiano and [Main Site].

Author: Anja

Share This Post On

Submit a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

css.php